MediaToday

Sports | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

Kuntatt kontinwu ma’ l-idoli ta’ ħafna

Kulmin hu dilettant tal-futbol Taljan jafha sew. Il-wiċċ hu familjari mal-programmi tal-Ħadd filgħaxija fuq l-istazzjon Taljan Italia 1. Ilha għal dawn l-aħħar snin tagħmel parti mit-tim ta’ Sandro Piccinini fil-programm Controcampo u f’dawn l-aħħar sentejn qed taħdem ukoll ma’ Alberto Brandi fit-trasmissjoni ta’ filgħaxija.
Xogħolha dejjem ikun ħdejn il-bank tar-riservi tisma’ xi jkun għaddej bejn il-coach u l-plejers tal-partita ta’ filgħaxija li normalment tkun l-aktar waħda taħraq tal-ġurnata. Wara dan kollu hemm l-istint ta’ ġurnalista professjonista fil-logħba tal-futbol meta dirett fiż-żewġ programmi tidħol b’kollegamenti fuq l-atmosfera u anki bl-intervisti ma’ l-aqwa protagonisti tal-logħba li tkun xogħol fiha.
Tidher mara li tmur tajjeb ma’ kulħadd. Il-popolarità żgur li qatt ma għamlet biha. Meta nċemplilha u nistaqsiha fuq il-proposta tiegħi għal intervista bħal din taċċetta mill-ewwel.
Tgħidli li diġà taf kif se jkun il-format peress li rat l-intervista li għamilt lil Sandro Piccinini ftit tal-ġimgħat ilu. Għal mument ninsa li kont bgħattlu tliet kopji tal-gazzetta. Tgħidli li Sandro ġab kopja tal-gazzetta fl-uffiċċju tagħhom. Ma nistax nimmaġina jekk ftaħarx jew ħassu kburi li ġie intervistat minn Mark Attard!
Monica Vanali tgħidli li b’hekk mhux se jkun waħdu li jingħata spazju fil-gazzetta tiegħek. L-intenzjoni tiegħi b’dawn l-intervisti hi li dawn il-personalitajiet kbar li naraw ta’ kuljum fuq l-istazzjonijiet Taljani nġibhom viċin kemm jista’ jkun tal-pubbliku Malti. Donnhom fl-uffiċini tagħhom f’Colognia Monzese f’Milan irnexxieli ndaħħal f’moħħhom li huma popolari f’Malta daqs kemm huma f’pajjiżhom.
Lil Monica minn dejjem immaġinajtha persuna sempliċi u tipikament mara tad-dar. Ma kontx żbaljat.
“Eżatt kif qed tgħid int. Jien meta ma nkunx waqt il-ħin tax-xogħol inħossni persuna normali bħal kulħadd. Għal min ma jafnix nidher ftit stramba li ngħid li jien mara tipika tad-dar. Insajjar u nagħmel il-faċendi daqs kull mara oħra.
“Inħobb ħafna noqgħod id-dar għal kwiet naqra jew nisma’ tip ta’ mużika trankwilla. Peress li għandi dar kbira ħafna nqatta’ ħafna ħin magħha għax dejjem insib xi ħaġa x’nagħmel. Dan forsi jagħmilni differenti minn nisa oħra li f’dan il-pajjiz jagħmlu x-xogħol tiegħi. Nippreferi nnaddaf u naħsel jien milli nqabbad lil xi ħadd.
“Dan kollu joħodli ħafna ħin u għalhekk spazju għad-divertiment ma tantx għadni nsib. Iż-żmien tad-diskoteki spiċċa għalija u llum il-ġurnata rrid naħseb l-aktar fil-familja tiegħi.”
Monica Vanali twieldet Padova fid-9 ta’ Marzu 1968 u miżżewġa lil Salvatore Scaglia. Illum toqgħod Milan u bdiet taħdem ma’ Mediaset mill-1992. Qabel ħadmet ukoll mal-‘Gazzettino di Padova’, ‘Teleuropa’, ‘Diffusione Europea’ u t-‘Tele Lombardia’. Ħadmet ma’ personalitajiet bħal Paolo Bonolis u Enrico Mentana fi programmi sportivi tal-passat fuq Rete 4, Canale 5 u Italia 1, it-tliet stazzjonijiet tal-kumpanija Mediaset.
“Jien bdejt naħdem ġurnalista meta kont żgħira ħafna bħala kontributur fil-gazzetta lokali ta’ Padova, “Il Gazzettino di Padova”. Kont insegwi ħafna lit-tim tal-futbol tal-lokal u sa minn dak iż-żmien kont diġà vjaġġajt ħafna f’ħajti.
Bdejt ma’ Mediaset fl-1992 wara li għaddejt minn test żgħir li kienu għamluli. Għaddejt mingħajr problema ta’ xejn u llum ġejt ngħix f’din il-belt fantistika bl-isem ta’ Milan.
“L-avventura tiegħi f’Controcampo bdiet 10 snin ilu. Mit-twelid tal-programm bdejt nagħmel parti mit-tim ta’ Sandro Piccinini. Fil-bidu kont noqgħod fl-istudio fuq il-computer niċċekkja u naqra xi emails li kienu jibagħtu n-nies. Imma minn ħames snin ilu ’l hawn bdejt inkun dejjem xogħol fil-logħbiet ta’ filgħaxija.”
Huma ħafna n-nisa li joħolmu b’xogħol bħal dan. Anki jekk il-ħin u d-dedikazzjoni trid tkun kbira, Monica tgħidli li x-xogħol hu għal qalbha ħafna anki jekk ma temminx li hi l-aktar mara brava f’xogħolha fil-pajjiż.
“Ix-xogħol tiegħi nħobbu ħafna għax kieku ma naċċetta qatt li noqgħod nivvjaġa ma’ l-Italja kull weekend. Naħdem ukoll f’Awissu waqt li ħaddieħor ikun għaddej bil-vaganzi tas-sajf. Il-ġurnaliżmu nħobbu ħafna imma aktar minnhekk ngħid li jien iffissata ħafna fuq l-isport, allura xogħli hu wieħed addattat.
“Ma nikkunsidranix l-aktar ġurnalista brava fl-Italja. U wisq inqas l-isbaħ waħda. Żgur li minix bħal ġurnalisti oħra li jippruvaw jakkwistaw il-fiduċja tal-plejers u t-tekniċi billi jikxfu saqajhom. Minn dejjem kont persuna korretta u dan hu dak li l-aktar japprezzaw fija l-partitarji u nies oħra li naħdem magħhom ta’ kuljum.”
Ikollha kliem ta’ tifħir meta nistaqsiha fuq Sandro Piccinini u Alberto Brandi.
“Sandro u Alberto huma nies bravissimi. Jien naħdem mat-tnejn li huma kull nhar ta’ Ħadd fl-ewwel edizzjoni tas-6.20pm imbagħad f’dik ta’ 10.40pm. Irrid ngħid li ninsab kuntenta ħafna fiż-żewġ programmi. Nispera li fuq kollox huma jinsabu kuntenti bija…”
L-ewwel impressjoni minn fuq it-televiżjoni tidher mara serja ħafna. Dan tgħidu hi wkoll però tammetti li fl-uffiċċju mal-kollegi hi persuna kompletament differenti.  
“Fil-verità jien nidher serja ħafna fuq il-mezzi tax-xandir imma meta nkun fl-uffiċċju tkun storja oħra għax daqsxejn imqarba. L’Hena tiegħi nagħmel xi ċajta lill-kollegi tiegħi. Tant hu hekk li llum donnu kulħadd drani u f’dak li ngħid u nagħmel mal-kollegi dejjem jaħsbuha darbtejn inkunx qed nitkellem bis-serjetà jew le. Hawn ġew hawn atmosfera sabiħa però ma nistax naħbi l-fatt li ġieli jkollna affarijiet ta’ rabja x’niddiskutu bejnietna. Affarijiet bħal dawn jiġru f’kull post tax-xogħol.”
Monica tgħidli li dahret f’kull ground tal-futbol li jeżisti fl-Italja. Rat kull tip ta’ partitarji u festeġġamenti però huma dak tal-belt kapitali Taljana l-aktar li tammira.  
“Għalija l-aqwa support hu dak tar-Roma. Nixtieq u nħeġġeġ lil dawk li qatt ma kienu preżenti għad-derby ta’ Ruma fejn ikunu r-Roma home ħa jaraw xi spettaklu kapaċi jagħmlu r-Romanisti. Impressjonanti!
“Kif forsi tista’ timmaġina, l-aktar tim li nħobb hu r-Roma u aktar minhekk lill-coach Luciano Spalletti. It-tip ta’ logħob li qed juru Roma bħalissa hu spettaklu sħiħ. Min imur jara ta’ sikwit lir-Roma jaf perfettament x’qiegħda ngħid.”
Monica Vanali hi eks plejer tal-volleyball. Nistaqsiha wkoll fuq dan kollu.
“Anki jekk il-futbol inħobbu ħafna, għadni sa llum insegwi b’attenzjoni l-volleyball li kien l-ewwel sport tiegħi u li bqajt nilgħab sas-Serie C2. Sfortunatament kelli problemi kbar b’irkubtejja u kelli nabbanduna l-logħba u l-karriera.”
Minn tant plejers li intervistat nistaqsiha ma’ min għadha l-aqwa relazzjonijiet u jekk qatt xi darba sabitx xi problemi ma’xi wħud.
“Hemm ħafna plejers li għandi rispett kbir lejhom. Kemm f’dik li hi simpatija u anki fil-ħbiberija. L-ewwel fost kulħadd jiġi Sebastian Frey, il-goalkeeper Franċiż tal-Fiorentina. Imma għandi rapport mill-aqwa ma’ Alessandro Del Piero li bħali hu mir-reġjun tal-Veneto. Nadura u nħobb ħafna wkoll lil Franceso Totti li hu persuna normali u onest ħafna wkoll. It-tlieta li huma huma nies bravissimi u nixtiqilhom il-ġid kollu tad-dinja daqslikieku kont oħthom il-kbira.
“Però ma naħsibx li hemm xi plejers jew coaches partikolari li qatt irrabjawni. Jien dejjem ġibt ruħi sew ma’ kulħadd u jekk għall-mod tal-kelma plejer ma’ jħossx li għandu jitkellem fuq il-mikrofonu tiegħi ma jkun ġara xejn. Dejjem irrispettajt l-opinjoni tan-nies.”
Monica tammetti li anki jekk fl-Italja intervistat fost l-aqwa plejers li ddominaw is-Serie A f’dawn l-aħħar snin, l-ikbar emozzjoni għaliha kienet meta marret Londra.
“L-ikbar emozzjoni li tagħtni l-karriera s’issa kienet meta ftit tas-snin ilu mort Londra u intervistajt lil David Beckham. Il-vera raġel sabiħ, fuq dan m’hemm l-ebda dubju.”
Kulħadd ikollu xi ħolm għall-futur. Nistaqsi din il-mistoqsija wkoll lil Monica. Anki jekk dak li għadha tixtieq m’għandu x’jaqsam xejn max-xogħol, tħoss li għandna tesprimih f’din l-intervista.
“Sinċermanet m’għandix proġetti ta’ xogħol programmati għall-futur. Bħalissa ninsab sodisfatta b’dak li qed nagħmel. Però nispera li nieqaf għal perjodu minn dan ix-xogħol kemm jista’ jkun malajr jekk inwettaq il-ħolma ta’ ħajti li jkolli tarbija.”
Żgur li jekk twettaq din il-ħolma se jkun aktar diffiċli biex issib il-ħin li tiġi żżur Malta. Madankollu hi ma taqtax qalbha. 
“Għadni qatt ma ġejt Malta. Però żgur li hi gżira li ġġib ir-riżq jekk tara minn xiex għaddew il-Milan. Nispera li naqbeż qabża sa Malta malajr kemm jista’ jkun.
Agħtini indikazzjoni minn issa ta’ l-aqwa ristoranti Maltin fejn tiekol l-aħjar għax żaqqi nħobbha wisq.”
La Taljana diġa’ talbitni l-pariri għall-aqwa ristoranti, nista’ ngħodda b’xi ħaġa ċerta li xi darba jew oħra se tirfes pajjiżna żgur. Jien se nipprova nħajjarha tagħmel dan għall-mawra tal-Juventus f’Jannar. Tikkonkludi… 
“Nibgħat bewsa kbira lill-isportivi Maltin kollha. Nispera li tibqgħu ssegwuni u nispera li niġi nżurkom kemm jista’ jkun malajr.”  

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075