MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

Quintus Fabius jew Titus Flavius

1. Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet sibna ruħna mar-Rumani. F’editorjal li mhux soltu naqraw sibna lill-Prim Ministru mqabbel ma’ ċertu Quintus Fabius Maximus Verrucosus, magħruf aħjar bħala “Cunctator” – dak li jittrattjeni. Suldat u politiku li għex fl-aħjar ta’ l-età repubblikana u li baqa’ mfakkar u mfaħħar għax qata’ l-għatx bil-perżut lill-aversarji tiegħu minn Kartaġni tul it-Tieni Gwerra Punika. Kien proprju l-għarfien li għandek tinżel fil-kamp tal-battalji militari meta hemm is-saħħa tan-numri jew il-pożizzjoni strateġika biex twettaq dan, li għamlitu. Verrucosus (għax kellu felula prominenti, għalkemm ma nafux jekk kenitx vulgaris jew normali, fuq ix-xoffa ta’ fuq) irnexxielu jibdel l-istorja u jippriserva l-istat ta’ pajjiż.

2. Issa dan hu diġà unur u mhemmx dubju li t-taqbila hi mill-isbaħ. Però mhix forsi preċiża għas-sitwazzjoni politika Maltija. Ngħid dan għax ħafna drabi f’dan il-pajjiż, fejn il-maġġoranzi tal-voti huma dejjem marġinali, il-ġudizzji, jew aħjar “il-profeziji”, jiġu wisq sempliċi u malajr. Ninnota li diversi għandhom il-memorja qasira u jaslu għall-konklużjonijiet mingħajr ma jaraw x’ġara fil-passat. Jinjoraw l-esperjenza u jaslu fejn ma jistgħux. Kull elezzjoni, hi liema hi, tibqa’ dejjem inċerta fir-riżultat tagħha sa l-aħħar jum. Din hi r-realtà u mhux biss f’pajjiżna iżda f’kull pajjiż ieħor. Għandi memorja ta’ diversi u f’kull waħda kien hemm raġunijiet varji għala ġie elett partit fil-Gvern u mhux l-ieħor.

3. Bir-rispett lejn min qiegħed ta’ kull nhar ta’ Ħadd jgħidilna b’kemm punti qed taqbeż naħa u kemm punti żdiedu f’oħra, mhux jersaq lejn il-verità. Li kieku aħna xi pajjiż fejn il-maġġoranzi jkunu fuq Lm50,000 nifhem, imma hawn hawn biss ftit eluf li jiddeċiedu kollox kull darba. Il-konsiderazzjoni ta’ jekk issir illum, għada jew pitgħada, l-elezzjoni ġenerali hi għalhekk dejjem kundizzjonata minn din ir-regola partikolari tal-politika tagħna. Li l-Prim Ministru għandu ċerti abbiltajiet li jfakkruna f’mexxejja passati hu unur għalih u għall-istess partit li għażlu, però m’għandniex nimmiżinterpretaw dawk li jidhru li huma fatti meta ma kinux hekk jew aħjar dawk li jidhru li huma intenzjonijiet apparenti jew inapparenti meta huma ineżistenti.

4. Forsi paragun aħjar u iktar veru kien ikun dak ma’ l-Imperatur Titus Flavius Vespasianus. Bniedem li minkejja l-elf diffikultà li sab ruħu fihom f’dominju Ruman li espanda wisq għall-istruttura kostituzzjonali tar-repubblika Rumana, kien mexxej kawt, attent, moderat u ġust. Dan l-Imperatur baqa’ msemmi għal diversi ħwejjeġ, fosthom il-bini tal-Kolossew (72 WK) li rnexxielu jtella’ fil-post fejn kien lag u li għadu hemm sal-ġurnata ta’ llum. Imponenti minnu nnifsu, mimli ħsieb u organizzazzjoni kważi perfetta li ħa ismu mill-istatura enormi ta’ l-Imperatur Neruni. Din il-persuna, li fil-kamp tal-battalja kellu r-rebħiet u t-telfiet tiegħu, kien iħaddan il-kliem “festina lentæ” sabiex jispiraw ħidmietu. Dan iktar u iktar għax kien wiret stat li kellu defiċit finanzjarju li hu rnexxielu jsalva.

5. Dawn il-kliem, bl-Ingliż “make haste slowly” – għaġġel bil-mod, baqgħu jiġu wżati minn mexxejja oħra. Dak li jidher kontro-sens, fir-realtà, hu xprun għal ċaqliq ’il quddiem b’attenzjoni. Plutarco, li għex fl-istess perjodu, hu u jagħti pariri siewja lill-politiċi kollha jsegwi f’iktar dettall dawn il-kliem. Hu jgħid: “Meta fl-aħħar ikun kiseb saħħa u kredibilità, l-politiku jrid ifittex li jġib armonija fost l-opinjonijiet varji tal-poplu u jmexxihom lejn l-aħjar iżda dan għandu jagħmlu mingħajr għaġġla u mingħajr taqlib aġitat, kważi jżommhom u jmexxihom f’idejh; dan għax sabiex tibdel il-mentalità u l-kultura ta’ poplu hi biċċa xogħol twila u li titlob ħafna ħidma.” Dan Vespasjanu wettqu u l-Prim Ministru tagħna wkoll qiegħed jilħqu.

6. Il-proċess ta’ bidla li dan il-poplu għaddej minnu mhu faċli xejn. Però hemm bżonn li jsir, inkella ninqatgħu barra u ninqabżu minn popli oħra. Il-Prim Ministru daħal fil-ħatra tiegħu proprju ftit wara li pajjiżna daħal jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea. Kulmin jaqra u jipprova jżomm ruħu aġġornat jifhem u japprezza li din il-qabża riedet ħafna abbiltajiet “vespasjani”. Kapaċità li taffronta l-ġid u li tagħmlu bl-inqas impatt u għaġġla żejda fuq is-setturi varji tal-poplu. Il-miri li dħalna għalihom fl-2004 illum il-ġurnata qegħdin biċċa biċċa nilħquhom, b’diffikultajiet m’hemmx dubju, imma lkoll naċċettaw li dan ma waqqafx il-pajjiż, anzi żviluppah ’il quddiem proprju bl-għaqal tiegħu.

7. Forsi “Smart City” li bdiet tinbena jkun hemm min jitħajjar iqabbilha f’termini differenti mal-Kolossew, imma l-importanti hu fir-realtà l-kapaċità tal-moħħ, id-direzzjoni u l-viżjoni futura li qed tittieħed. Il-Prim Ministru għandu fuq spalltu l-mandat elettorali li jrid iġib fit-tmiem. Dawn l-aħħar xhur huma determinanti biex jingħalqu kapitoli ta’ xogħol li ħadd ma kien joħlom li ser jiġi fis-seħħ, iżda ġie. Hemm bżonn għall-futur ta’ dan il-poplu li jiġu f’posthom għax hekk hemm iċ-ċertezza li qed isiru kif għandhom u suppost isiru. Il-Partit Nazzjonalista ħa inkarigu u dan irid iwettqu sa l-aħħar, mhux għax itawwal (cunctator) iżda għax jaħdem bil-għaqal (festina lentæ).

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075