Emmanuel Micallef | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54
M’għandniex kwiet f’ġisimna! Ma nafux ngħixu jekk ma noħolqux il-polemika. Kultant irridu wkoll doża ta’ konfrontazzjoni. Mhux l-ewwel darba li nikxfu t-tendenzi estremisti li jbaqbqu f’demmna.
Dawn il-karatteristiċi jidhru l-aktar meta nitkellmu dwar il-politika, ir-reliġjon, l-isport… iżda mhux biss! Hekk donnu magħġunin aħna l-Maltin. Hekk għixna matul iż-żminijiet u hekk jidher li se nkomplu ngħixu. Il-kwiet inħobbuh imma mhux għal żmien twil!
Issa li sirna nafu li l-kampanja elettorali se tikkarga fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, il-partiti bħal donnhom kellhom jipposponu dak li kien maħbuż għax-xahar ta’ Diċembru. Sa ċertu punt inqabdu f’dilemma.
Minn banda jridu jżommu lill-poplu anzjuz u mdewwaq bl-entużjażmu politiku għax l-elezzjoni qiegħda fuq l-għatba u minn banda jridu jħallu lill-poplu jgawdi l-festi tal-Milied u ta’ l-Ewwel tas-Sena.
Iridu jidhru li m’għandhomx interess li jħassru l-festi, la ċerimonjali, la reliġjużi u lanqas kummerċjali. Ma jridux ikunu kaġun ta’ nuqqas ta’ kummerċ meta l-poplu f’dawn iż-żminijiet tal-Milied jara kif jagħmel biex jonfoq lira ħalli jgawdi l-vaganzi biex jispiċċa s-sena b’wiċċ il-ġid u jibda oħra b’mod trankwill u bit-tama li tkun aħjar minn ta’ qabilha!
Iżda fl-istess nifs ma jridux inaqqsu mir-ritmu li qabdu sa llum biex fix-xibka tagħhom jinqabdu iktar voti. Ma jridux lanqas li jippermettu li dan iż-żmien ta’ festi jservi ta’ aljenazzjoni għalihom b’tali mod li imbagħad jinqabdu fuq sieq waħda f’każ li l-Prim Ministru jfettilu jsejjaħ l-elezzjoni f’ħin bla waqt.
Għalhekk ma niskantawx li l-polemika politika tkompli terfa’ rasha matul ix-xhur li ġejjin. Il-poplu żgur li ma jkollux moħħ il-pika partiġġana. Li kieku jista’ jevitaha wkoll matul is-sena. Iżda jkun qed joħlom min jimmaġina li aħna bħala poplu nistgħu ngħixu mingħajr politika. Mingħajr il-qasma partiġġana. Mingħajr ma nassoċċjaw rwieħna ma’ naħa jew oħra.
Daħlet wisq l-idea ta’ aħna u huma fil-mod kif inġibu ruħna. F’kollox. Anke jekk il-partiti jiddikjaraw li matul iż-żmien ta’ Diċembru se jwaqqfu l-attivitajiet politiċi, minn wara l-kwinti jibqgħu għaddejjin b’ritmu iktar qawwi bit-tħejjija elettorali.
Sfortunatament, aħna mhux veru li tgħallimna ngħixu ma’ xulxin flimkien. Tgħallimna ngħixu “minn fuq dahar” xulxin. Toqgħod taħseb ftit, tgħid imma kif dal-poplu ċkejken irnexxielu jkampa matul iż-żmien? Irnexxielu jlaħħaq ma’ livelli ta’ għixien ta’ popli ikbar minna u b’iktar riżorsi minna?
Ngħidu li għax fil-biċċa l-kbira minna aħna poplu bieżel, ħawtiel u jaf iħaddem moħħu. Veru. Imma fl-istess waqt nirrealizzaw li kulma nagħmlu nagħmluh f’ġieħ il-qasma ta’ bejnietna.
Fil-politika tiddomina l-firda bejn il-partiti. Fil-Knisja tispikka l-mentalità parrokkjalista. Fin-negozju jibbrilla l-ħsieb ta’ min jiflaħ jaħtaf l-iktar. Il-klikka tal-kbar (li tgħoddhom fuq is-swaba’ ta’ id waħda) kontra n-negozjanti ż-żgħar li jdawru lira minn fuq dak li ma jaħtfux il-kbar. Il-klassi medja li kibret maż-żmien u nsiet li għad għandna l-klassi baxxa. Għaddejna minn żmien fejn min kien fuq ħadnilu ħafna – bis-sewwa jew bid-dnewwa - biex ngħinu lil min kien taħt.
Imbagħad bdejna nilmentaw li ta’ taħt kien qed jabbuża u jieħu li ma ħaqqux! U allura dak li qabel kien obbligu morali li min jiflaħ għandu jgħin lil min xortih tagħtu bil-ħarta sar l-eċċezzjoni u mhux ir-regola! Illum għaddejjin minn żmien li aċċettajna li l-kbir, la għandu biex, jista’ jibqa’ jikber aktar, fil-waqt li ż-żgħir qed ngħidulu “għin ruħek biex Alla jgħinek!” Kultant m’aħniex nirrealizzaw li meta l-qasab tas-sajd jkun skars, inutli noqogħdu ngħidu lill-fqir “agħtih il-qasba tas-sajd u mhux il-ħuta!”
Sirna poplu li biex nirnexxu rridu nfittxu dak li jifridna! Ma nafux ngħixu mingħajr il-kontradizzjonijiet, il-polemika, il-konfrontazzjoni u l-pika. Iktar minn hekk bħal donnu qed jirnexxielna li fejn dawn ma jeżistux jew m’għandhomx jeżistu naraw x’nivvintaw biex joħolquhom.
Daqqa ta’ għajn lejn il-gazzetti tal-ġimgħa li għaddiet ukoll hi biżżejjed biex turi dan. Ma nafx x’ma ntqalx għax sar l-ewwel intervent mediku fl-Isptar Mater Dei. Dan dwar materja fejn suppost il-poplu kollu għandu jiġbed ħabel wieħed. Fil-PBS erġajna l-istess bord jgħid mod u bord jgħid ieħor – bordellata sħiħa!
Dan l-aħħar smajna ħafna dwar kif m’għandux ikollna ħniena ma’ min hu korrott. Daħħalna fil-vokabolarju tagħna it-“tolleranza zero” għall-korruzzjoni. Iżda jidher li din tat-tolleranza zero m’aħniex indaħħluha f’oqsma oħra li huma sensittivi wkoll.
Il-prezzijiet esaġerati, l-iżvilupp tal-bini bl-addoċċ, il-ħsarat ambjentali, l-illiteraliżmu, l-evażjoni tat-taxxa, l-faqar materjali, it-traffikar tad-droga, l-inġustizzji fuq il-post tax-xogħol, il-qgħad... dawn ukoll jikkostitwixxu l-għelt tas-soċjetà ta’ llum li ukoll ħaqqhom it-tolleranza zero.
Iżda wisq nibża’ li f’dawn il-każi mhux biss ma nimpenjawx ruħna bis-sħiħ biex ma nħalluhomx ikomplu jġerrħu s-soċjetà tagħna iżda jkolli nammetti li ħafna drabi nispiċċaw nagħlqu għajnejna t-tnejn u nħallu kollox għaddej! Għax hekk jaqblilna jew għax ma nistgħux nagħmlu mod ieħor!
Mhux ta’ b’xejn m’għandniex kwiet f’ġisimna!
|
|
Editorijal
Il Punt
Sergio Grech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|