Ittri | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54
Minn Charles D’Alfonso
Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura,
Valletta
B’referenza għall-artiklu ppubblikat fil-gazzetta tiegħek ta’ nhar il-Ħadd 4 ta’ Novembru intitolat ‘Gimmicks fir-restawr’, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jixtieq jiċċara xi punti rigward ir-restawr tal-fortifikazzjonijiet f’Malta u Għawdex.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fassal programm ta’ restawr li jkopri il-25km ta’ swar. Dan il-programm sar wara stħarriġ dettaljat li sar mill-periti tat-Taqsima tar-Restawr u se jindirrizza l-aktar partijiet li għandhom ħsarat strutturali u f’ċerti każi ħsarat li ilhom magħna ’l fuq minn 50 sena. Wara diskussjonijet mad-direttorat li jamministra l-fondi strutturali ġie deċiż li dan il-programm li jiswa’ mat-30 miljun Ewro se jkun iffinanzjat bi sħab bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Strutturali.
Il-Ministeru filwaqt, li japprezza u jirrikonoxxi l-interess ta’ l-Alternattiva Demokratika lejn il-wirt storiku, jirrimarka li l-istess Alternativa Demokratika jew ma tafx l-affarijiet jew trid tqarraq bil-poplu b’informazzjoni skoretta.
Il-programm ta’ restawr se jkun konċentrat fuq l-aktar partijiet li huma fil-periklu ta’ tmermir fis-swar tal-Belt, tal-Furjana, ta’ l-Imdina, tal-Kottonera u taċ-Ċittadella f’Għawdex. Fil-preżent tħejjew sejħiet għall-offerti għal ħames proġetti li huma il-binja tal-Kavallier ta’ San Ġwann fil-Birgu, Couvre Port fil-Birgu, il-Bastjun ta’ Sant’ Andrija Valletta, il-bastjun tal-Kavallier ta’ San Ġwann Valletta u l-Bastjun ta’ San Pietru u San Pawl Valletta. Dawn l-offerti qed jiġu evalwati mid-Dipartiment tal-Kuntratti u hu mistenni li kmieni s-sena d-dieħla jinħarġu s-sejħiet għall-offerti. Il-programm mifrux fuq perjodu ta’ seba’ snin u għaldaqstant hu skorrett li wieħed jgħid li dan hu programm ta’ propaganda. Fil-verità hu programm ambizzjuż biex finalment dan il-wirt storiku u arkitettoniku jiġi restawrat, rijabilitat, konsolidat u kkonservat kif jixraq.
Enfażi partikolari se ssir biex mhux biss isir ir-restawr meħtieġ iżda l-fosos li jeżistu mad-dawra ta’ ċertu swar jiġu mnaddfa u f’ċertu każi mniffda biex ikunu aċċessibbli għal min iżurhom.
Fl-aħħarnett tajjeb li jiġi ċċarrat il-punt li l-Gvern fl-aħħar erba’ snin investa ’l fuq minn Lm500,000 (1164,686.70 ewro) f’restawr ta’ partijiet mis-swar fosthom is-sur ta’ Pinto Wharf fil-Belt, partijiet mis-sur ta’ Santa Barbara fil-Belt, partijiet mis-swar fid-daħla tal-Birgu, is-sur ta’ Sant’ Elena fil-Birgu u s-sur ta’ taħt il-Bank Ċentrali fil-Belt. Matul is-sena d-dieħla se jsiru xogħlijiet fuq is-sur ta’ San Kristofru fil-Belt magħruf ukoll bħala ta’ taħt il-Barrakka t’Isfel, is-sur ta’ taħt il-Qanpiena fil-Belt u s-sur ta’ San Maison fil-Furjana, liema xogħol se jinbeda fil-futur qarib.
Il-Ministeru jappella biex il-wirt storiku ma jintużax bħala ballun politiku. F’pajjiż fejn ir-riżorsi naturali huma limitati u fejn it-turiżmu hu element qawwi fl-ekonomija u fl-iżvilupp tal-pajjiż, għandna lkoll niġbdu ħabel wieħed u nsaħħu l-impenn u d-determinazzjoni tal-Gvern biex monumenti uniċi jkunu mħarsa u kkonservati. Il-ħidma li saret fl-aħħar erba’ snin mifruxa fuq numru sostanzjali ta’ binjiet storiċi li jinkludu knejjes, kappelli, monumenti, swar u fortifikazzjoni tixhed bil-fatti l-politika tal-Gvern li mhux biss jgħożż l-aspett arkitettoniku iżda li kontinwament jinvesti biex jattrezza l-potenzjal storiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Din hi viżjoni politika li kull patrijott Malti għandu jħossu kburi biha u ta’ min iħeġġiġha.
|
|
Editorijal
Il Punt
Sergio Grech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|