Intervista | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat
Jekk hemm xi ħaġa li żgur tiddistingwi l-Azzjoni Nazzjonali mill-partiti l-oħra hu l-fatt li ma jiddejqux jgħidu li huma partit favur in-negozju.
Lanqas il-Partit Nazzjonalista, li tradizzjonalment hu meqjus bħala l-partit tas-sinjuri u tan-negozjanti, ma jiddikjara bl-iktar mod miftuħ li hu tali. Il-kelma negozjant għandha konnotazzjoni negattiva għal ħafna nies u għalhekk il-politiku jipprova jaħrab milli jkun assoċjat b’mod dirett man-negozjanti.
Iżda għal Josie Muscat it-twemmin “pro-business”, kif isejjaħlu, hu l-pern ewlieni tal-politika li jħaddan il-partit tiegħu.
“Dak li hu tajjeb għan-negozju hu tajjeb għal Malta,” jinsisti miegħi. “Id-dinja tal-kummerċ u l-industrija, speċjalment in-negozji żgħar jew medji, huma l-mutur tal-pajjiż u mutur mingħajr diesel ma jimxix. Il-Gvern irid jipprovdi d-diesel biex dawn jimxu ’l quddiem għall-ġid ta’ kulħadd.”
Il-metafori fid-diskors ta’ Muscat ma jonqsux. Ifakkarni ħafna fil-parabboli li kien jirrakkonta Duminku Mintoff biex iwassal il-messaġġ politiku tiegħu. F’ħafna aspetti l-istil politiku ta’ Muscat jixbaħ lil dak ta’ Mintoff. Il-lingwaġġ kultant goff u dirett li juża u l-ħila li għandu biex jindirizza ġemgħa nies, apparti l-għeruq tiegħu fl-inħawi tal-Kottonera, ipoġġuh fl-istess kategorija ta’ politiċi bħal Mintoff li llum qed jiskarsaw.
Dan ix-xebħ li bdejt nagħmel f’moħħi bejn Muscat u Mintoff nikkonfermah matul l-intervista.
B’messaġġ favur in-negozjanti u kontra li n-nies tibqa’ tiddependi fuq is-servizzi soċjali għall-għixien tagħha nistaqsi lil Muscat kif se jirnexxielu jikkonvinċi l-eletturi fit-Tieni Distrett fejn se joħroġ hu biex jivvutawlu meta ħafna minnhom jiddependu fuq l-għajnuna tal-Gvern biex imantnu lill-familji tagħhom.
“Fl-20 sena li għamilt fil-politika ħdimt fil-qrib man-nies tas-south. Tlajt f’kull elezzjoni li kkontestajt u kuldarba żidt il-voti minkejja li kien distrett diffiċli ħafna għan-Nazzjonalisti. Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. Jien nifhimhom lin-nies tas-south u nitkellem il-lingwa tagħhom. Mill-Kottonera sa Wied il-Għajn hemm assi kbar li l-pajjiż jista’ jisfrutta u li minnhom jistgħu jgawdu n-nies ta’ l-inħawi. Ma rridx lil min qiegħed fuq jinżel. Anzi, rrid lil min qiegħed isfel jitla’ ’l fuq...”
Inwaqqfu ħesrem. Dan diskors tipiku ta’ Mintoff...
“Iva. Nixtieq inkompli fuq il-passi ta’ Duminku Mintoff u t-tajjeb li wettaq għan-nies tal-Kottonera. Jekk inżommu biss dak li hu tajjeb ta’ Mintoff, nifhem x’kellu f’rasu meta ried li n-nies togħla ’l fuq. Mintoff bit-tajjeb tiegħu, u George Borg Olivier, li kien il-mentor politiku tiegħi, huma politiċi li nħares lejhom b’ċerta rispett,” jgħid Muscat.
Nistaqsih jekk minn mindu twaqqaf il-partit Mintoff talbux biex jiltaqa’ miegħu. “Le, ma kien hemm l-ebda kuntatt. Iżda mhux se niddejjaq jekk kelli nkellmu,” iwieġeb Muscat.
“Irrid nara lil kulħadd tiela’ ’l fuq. Għandi 64 sena u m’għandix bżonn il-politika. Il-flus li għandi għax ħdimt għalihom u ta’ din l-età kien ikun aħjar jekk ingawdihom. Iżda nixtieq li nara lil dan il-pajjiż itejjeb il-qagħda tiegħu. Dan hu l-proġett politiku tagħna.
“Lin-nies ma ttellgħhomx billi tagħtihom is-servizzi soċjali. Irridu ninċentivaw ix-xogħol. Sfortunatament, kull gvern ħadem biex jiżviluppa n-naħa ta’ fuq ta’ Malta u tefgħu l-ħmieġ fin-naħa t’isfel. Jien irrid li n-nies fis-south isiru negozjanti żgħar biex huma stess joħolqu l-ġid u jgawdu minnu. Dan possibbli għax hemm ħafna assi li mhumiex ikunu sfruttati għal skopijiet turistiċi.
“Nixtieq nara skola ddedikata għan-nies tan-nofsinhar fejn jedukaw irwieħhom fuq kif jistgħu jmexxu negozju, kif iġibu ruħhom mat-turist, l-indafa u x’servizzi jistgħu joffru. Irrid li ninċentivawhom ħalli kull triq fl-irħula tagħna jkollha x’toffri lit-turist. L-ispirazzjoni tiegħi hi Dubrovnik u nemmen li nistgħu nilħqu dan l-għan għax aħna żgħar. Irrid li jgawdi kulħadd u mhux nofs tużżana nies li jibqgħu jistgħanew a skapitu ta’ ħaddieħor.”
Muscat jispjega l-ħolma tiegħu li jara l-faxxa ta’ bliet u rħula mill-Kottonera sa Wied il-Għajn ibaqbqu bl-attività kummerċjali. Dan jista’ jsir mingħajr il-bżonn ta’ miljuni, isostni.
Il-Mexxej ta’ AN kontinwament iħambaq fuq il-bżonn li l-Gvern ma jfixkilx lil min irid jaħdem u jinvesti. Jakkuża lill-amministrazzjoni kurrenti li timxi b’kejl differenti ma’ investituri barranin u Maltin.
“Taf kemm hawn Maltin li investew il-miljuni barra l-pajjiż? Dawn, jekk jingħataw iċ-ċans jinvestu bil-kbir f’pajjiżna wkoll. Imma għall-Gvern donnu li investitur barrani hu iktar prezzjuż. Jagħmlulu red carpet treatment filwaqt li għall-Malti hemm ħafna xkiel mill-Mepa, mill-Malta Enterprise u istituzzjonijiet oħra. Sfortunatament, f’dan il-pajjiż nikkastigaw lil min jaħdem. Nagħmlulu ħajtu miżerja. Għall-AN il-kelma profitt mhix xi dnub,” jenfasizza bil-qawwa Muscat.
Waħda mill-proposti ta’ AN hi li minflok ir-rati differenti ta’ taxxa fuq id-dħul fis-sistema preżenti, tiddaħħal rata waħda fissa. Dan ifisser li taqla’ kemm taqla’ kulħadd ikun qed iħallas l-istess rata ta’ taxxa.
Sistema bħal din tħadmet b’suċċess fil-pajjiżi tal-Lvant ta’ l-Ewropa iżda timplika wkoll li min jaqla’ Lm6,000 ikun qed iħallas l-istess taxxa tad-dħul daqs dak li jaqla’ Lm20,000.
Din x’ġustizzja soċjali hi, nistaqsi lil Muscat.
“Ix-xewqa tagħna hi li ninżlu fl-ammont ta’ taxxa li titħallas biex jekk jista’ jkun ikollna rata waħda u fissa ta’ taxxa għall-income tax, il-Vat u t-taxxa għall-kumpaniji. Bil-mod il-mod għandna nimmiraw lejn rata waħda ta’ 18 fil-mija. Pajjiżi Ewropej li għandhom ekonomiji li ħarbu hekk ghamlu. Għandna nnaqsu r-rata bil-mod il-mod u kull sena nistudjaw l-impatt fuq l-ekonomija ħalli naraw fejn huma l-problemi u jekk il-pajjiż hux qed jiflaħ għal din il-bidla.
“Biex innaqsu l-iżbilanċ bejn min jaqla’ ftit u min jaqla’ ħafna, intellgħu l-parti mhux taxxabbli għal Lm5,000. Iżda l-ammont ta’ taxxa li jħallsu s-sinjuri dejjem se jkun iżjed għax tidħol il-kwistjoni tal-lifestyle. Kemm persuna li taqla’ Lm6,000 kif ukoll oħra li taqla’ Lm20,000, jixtru żarbun. Madankollu min jaqla’ iktar probabbli jonfoqlok ħafna iktar f’żarbun tad-ditta u għalhekk awtomatikament qed iħallas iktar taxxa.”
B’dan l-argument favur tnaqqis fil-piż tat-taxxa nistaqsi lil Muscat għalfejn l-AN ħarġet kontra l-proposta tal-Partit Laburista li s-sahra ma tkunx intaxxata. Din mhux ukoll proposta li tinċentiva x-xogħol?
“Li s-sahra ma tkunx intaxxata kienet waħda mill-proposti tagħna fil-bidu. Madankollu, wara li għamilna l-kalkoli tagħna sfortunatament wasalna għall-konklużjoni li din is-sistema se twassal għal abbużi kbar. Għalhekk qbilna ma’ sistema ta’ taxxa b’rata waħda u fissa,” jispjega Muscat.
Imbagħad joħroġ bi slogan ieħor li jikkaratterizza l-filosofija tal-partit. “Irridu sistema fair and simple, u fl-istess ħin tough and fair. Filwaqt li ninċentivaw lil min irid jaħdem u jinvesti rridu niżguraw li jkun hemm pieni ħorox għal min jabbuża mis-sistema.”
Id-diskors dwar iktar dixxiplina, serjetà u pieni ħorox ukoll jissimbolizza t-twemmin ta’ l-AN. Kwistjoni fejn dan id-diskors iebes jieħu sura iktar konkreta hi l-immigrazzjoni illegali. Muscat jitbissem meta naqbadlu l-argument.
“Inħnaqt nispjega l-pożizzjoni tagħna li qatt ma ħarġet ċara fil-media għax dejjem irrapportat dak li qablilha,” jgħidli b’ton li jġegħlni nifhem li anki jien naqa’ f’din il-kategorija.
Il-punt tat-tluq għal Muscat hu d-daqs tal-pajjiż. “Aħna art żgħira b’popolazzjoni ta’ ’l fuq minn 400,000. L-iżgħar pajjiż fl-UE u l-iktar wieħed b’densità għolja. Ma nistgħux nibqgħu niġbru lil dawn in-nies u nżommuhom hawnhekk. Dawn huma immigranti illegali, u dak li hu illegali għalija għandu jkun ukoll għalihom...”
Inwaqqfu u nfakkru li Malta hi firmatarja ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li jpoġġu fuqna ċerti obbligi.
“Jekk il-konvenzjoni ta’ Dublin u ta’ Geneva ma jaqblux għal pajjiżna għandna noħorġu minnhom. Wara kollox aħna pajjiż sovran. Iżda rridu ngħidu li l-intenzjoni oriġinali ta’ min ħoloq dawn iż-żewġ konvenzjonijiet kien li jekk ikun hemm vapur f’problema jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa u żgur ma kienx qed ibassar sitwazzjoni bħalma għandna llum fil-Mediterran.
“Jien nifhem għalfejn in-nies jaħarbu minn pajjiżhom imma ma nistax nissogra s-sovranità ta’ pajjiżi biex nakkomodahom. Ma nibżgħux mill-barrani. Pajjiżna minn żmien San Pawl lil hawn dejjem laqgħa lill-barranin fi ħdanu. Imma il-fenomenu li għandna llum iktar jixbaħ invażjoni.”
Nesprimi n-nuqqas ta’ qbil mal-kelma invażjoni. Min fejn ġabha din?
“Għandna 9,000 immigrant illegali fostna. Dik mhux invażjoni?” iwieġeb.
Nikkontesta l-figura. Afrikani li jiġu bid-dgħajjes hawn ftit iktar minn 3,000 bejn dawk li jinsabu f’ċentri magħluqa u u dawk li jinsabu f’ċentri miftuħa.
“Għandna 7,000 żgur fostna. Il-problema hi li l-Gvern mhux qed jgħidilna l-verità kollha. Jekk il-figuri uffiċjali huma ta’ 3,000 mela għandna ħafna uffiċjali jbagħtu b’għajnejhom,” jispara lura b’dijanjożi tipika ta’ tabib filwaqt li jisħaq ukoll fuq l-immigranti illegali li ġejjin minn pajjiżi oħra mil-Lvant ta’ l-Ewropa.
Hu ċar li fuq l-immigrazzjoni jien u Muscat għandna opinjonijiet differenti ħafna. Iżda t-tabib jistrieħ fuq il-fatt li skond hu l-opinjoni tiegħu tirrifletti l-ħsibijiet u l-biżgħat ta’ 85 fil-mija tan-nies li huma mdejqin bis-sitwazzjoni. Probabbilment, Muscat għandu raġun fuq l-opinjoni ġenerali dwar l-immigrazzjoni anki jekk ħafna drabi hi mibnija fuq nofs veritajiet, nuqqas ta’ informazzjoni u biża’ irrazzjonali.
“M’għandniex naslu fl-istat li jinsabu fih illum l-Ingilterra, l-Isvizzera u pajjiżi oħra fejn l-immigranti iffurmaw komunitajiet magħluqa u qed jippretendu li l-kultura tal-pajjiż tinbidel biex takkomodahom,” iwissi Muscat.
Nargumenta li biex ma naslux f’dak l-istadju hemm bżonn ta’ programmi ta’ integrazzjoni li jgħinu lil dawn in-nies b’mod prattiku ħalli jkunu jistgħu jiffunzjonaw fis-soċjetà tagħna. Muscat ixengel rasu. Ma jaqbilx u jispjegali l-politika tal-partit.
“Lil min ikun fil-bżonn fuq il-baħar għandna nġibuh l-art u nikkurawh. Wara ġimgħa rridu niżguraw li dawn in-nies jibdew jagħtu sehemhom fuq proġetti tal-Gvern bħala ħlas tas-servizzi li qed nagħtuhom b’xejn. It-tielet għandna nagħmlu pressjoni fuq l-UE, dik l-għaqda li trid tikkontrolla kollox, biex ikollha politika fuq l-immigranti. Malta għandha terfa’ l-piż tagħha kif miftiehem fuq livell Ewropew u l-bqija jimxu lejn pajjiżi oħra. M’għandna l-ebda obbligu li nsolvu l-problemi ta’ l-Afrika u nżommu lil kulħadd hawn.”
X’jiġri jekk fl-Ewropa ma jkunx hemm ftehim? X’qed tipproponi l-AN?
“Is-soluzzjoni hi sempliċi. Wara li nindukrawhom inpoġġuhom fuq vapur diċenti u nibagħtuhom lejn l-Ewropa,” iwieġeb xott xott.
Din l-immigrazzjoni illegali ‘istituzzjonalizzata’ mhijiex is-soluzzjoni sempliċi li qed jipprova jpinġiha Muscat. Apparti l-kunsiderazzjonijiet etiċi u umani, pajjiżna għandu ftehim bilaterali ma’ l-Italja li jekk jitilqu immigranti b’mod illegali minn hawn lejn l-Italja pajjiżna jkollu jeħodhom lura.
“M’intix tara x’qed jagħmlu l-Italja fuq ir-Rumeni, li suppost skond l-UE għandhom dritt jibqgħu hemm. Għalfejn għandna noqgħodu għal dak li jgħid ħaddieħor?
“Jekk nintegraw 7,000 ruħ problemi biss ikollna. Għal kull 100 raġel li jiġi hawn jiġu ħames nisa. Dan taf x’ifisser għall-fibra tas-soċjetà tagħna?”
Imbagħad Muscat jilgħab il-logħba tan-numri. “Jekk kull wieħed minn dawn iġib ħames membri tal-familja jkollna popolazzjoni ta’ 35,000 ruħ. Dan ikun qed jhedded is-sovranità ta’ pajjiżna.”
Nerġa’ nikkontesta l-figura ta’ kemm hawn Afrikani fostna u nistaqsih b’liema mod dawn se jkunu qed jheddu s-sovranità ta’ pajjiżna.
“Dawn ġejjin minn 12-il pajjiż differenti bil-kultura, it-tradizzjonijiet u r-reliġjon tagħhom. Hemm bżonn li jaddattaw għal-liġijiet u s-sistemi tagħna u mhux jippretendu li ninbidlu għalihom. Lil kulmin insalvaw irid jiffirma dikjarazzjoni li se jirrispetta l-liġijiet, il-kultura u r-reliġjon tagħna nkella nibagħtuh lura,” jgħid b’ton allarmista anki jekk jaf li ħadd ma jista’ jintbagħat lura kif ġib u laħaq.
L-argument idur fuq il-familja u l-arranġamenti li jmorru lil hinn mill-qafas tradizzjonali. Għal Muscat kulħadd jista’ jagħmel li jrid mingħajr ma’ l-Istat jindaħallu. Iżda jinsisti li jrid ikun hemm qafas legali li jinforza l-obbligi.
“Għalina l-familja hi waħda; dik tradizzjonali. Għal min ma jridx jidħol f’dan il-kuntest ta’ familja xorta ninsistu li għandu jkollu obbligi lejn il-parti l-oħra għax kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ l-azzjonijiet tiegħu. Dan jgħodd ukoll għal koppji ta’ l-istess sess. Li ma naqblux, fil-konfront ta’ l-omosesswali hu li dawn ikollhom id-dritt li jrabbu familja,” jinsisti Muscat.
Nistaqsih jekk AN hux partit li se jdum mill-Milied sa San Stiefnu speċjalment wara dikjarazzjonijiet pubbliċi li għamel Muscat li l-elezzjoni li jmiss hi l-aħħar ċans fejn in-nies jistgħu jiksru d-duopolju tal-partiti l-kbar.
“Qed nagħtu ċans lil pajjiż joħroġ minn sqaq. Qed noffru lin-nies skappatura. Jekk mhux se nitilgħu issa ma nistax nimmaġina kif min se jiġi warajna jista’ jkisser din is-sistema. Jien u Anġlu nies fin-negozju u qed nissugraw ħafna b’dak li qed nagħmlu.Għandi 64 sena u hemm limitu sakemm nista’ ntawwal fil-politika. Però li nista’ ngħid hu dak kollu li għamilna Anġlu u jien f’ħajjitna dejjem kien suċċess. Il-feedback tan-nies s’issa uriena li ninsabu fit-triq it-tajba. Madankollu fl-AN hemm ħafna nies żgħar fl-età u probabbilment ikomplu jmexxu dan il-proġett ’il quddiem.”
Muscat jenfasizza li l-AN se tkun qed tikkontesta fuq id-distretti kollha u jesprimi x-xewqa li l-kandidati jkunu jirrappreżentaw il-faxex kollha tas-soċjetà. Mingħajr ma jiżvela l-ismijiet, jgħid ukoll li se jkun hemm negozjanti oħra fil-lista ta’ AN.
Qabel ma nitlaq nistaqsih dwar is-saħħa finanzjarja tal-partit speċjalment wara l-infiq li sar f’fuljetti bil-kulur li tqassmu mal-gazzetti, billboards u materjal ieħor li tqassam fid-djar.
“Ħlief għal xi donazzjonijiet żgħar, il-parti l-kbira tal-finanzi s’issa ħarġu mingħandi u mingħand Anġlu. Ma nfaqniex il-mijiet ta’ l-eluf li jgħidu li jonfqu l-oħrajn imma l-ftit li għandna qed inħaddmuh sew u bil-għaqal biex inkunu l-iktar effettivi man-nies.”
|
|
Editorijal
Il Punt
Sergio Grech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|