MediaToday

Il Punt - Sergio Grech | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

Pajjiż li jaqra, pajjiż b’saħħtu

Ngħiduha mill-ewwel li minkejja l-pessimiżmu ta’ ħafna, il-Maltin jaqraw. Li ma jaqrawx biżżejjed aktarx li hi iktar viċin il-verità.
Hu minnu wkoll li għad m’hemmx studju profond u dettaljat dwar din il-materja imma wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix li l-pajjiż għandu industrija żgħira tal-ktieb. M’aħniex ippakkjati bil-pubblikaturi imma bis-saħħa tagħhom sar progress ta’ ġgant fil-qasam. Bis-saħħa tagħhom illum il-ktieb hu realtà. Il-pajjiż għandu wkoll numru ta’ servizzi favur il-progress tal-ktieb f’Malta.
Illum bis-saħħa ta’ l-investiment li sar mill-pubblikaturi f’pajjiż żgħir bħal tagħna ħerġin kotba li jħabbtuha ma’ ta’ barra kemm fil-kontenut kif ukoll fil-produzzjoni. Xi kultant taqbad ktieb b’idejk u ma tintebaħx li hu prodott Malti. Addio ż-żmien li ktieb li qabel tiftħu numru ta’ drabi jkun sfolja paġna paġna.
Jibqa’ dejjem, minkejja kollox, xi tnaqqi u x’tarmi. Għad jonqos pereżempju kotba validi li ma jsibux pubblikatur għax ma jirrendux.
Iktar ma jmur iż-żmien iktar qed tinbet komunità ta’ nies li l-ktieb ma tarahx bħala ornament jew sempliċiment bħala xi ħaġa żejda u li tista’ tgħaddi mingħajrha.
Pereżempju l-Fiera tal-Ktieb is-sena l-oħra ġibdet mas-16,000 ruħ. Dan in-numru jfisser ħafna għaċ-ċokon tagħna. Il-poplu Malti hu poplu mogħni bl-intelliġenza u qed jifhem li jiżbalja jekk iwarrab l-iżvilupp intelletwali tiegħu.
Il-kotba għandhom setgħa kbira. Huma l-muturi li jħaddmu l-ġisem tagħna. Il-ktieb jiftaħ orizzonti immensi. Il-ktieb mhux biss jgħallmek id-distanza bejn Merkurju u Saturnu imma fuq kollox jiftaħ beraħ il-moħħ u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja. Dan kollu jaf jidher repetizzjoni imma fih ħafna verità. Meta xi ħadd jesklama li m’hawnx x’taqra jew li ma jsibx x’jaqra ikun qed jgħix fil-fantażija.
Nazzjon li jaqra għandu l-garanzija li jista’ jimxi ’l quddiem u jirnexxi.
Kien hawn min kien xettiku li l-ktieb għad imut minħabba t-teknoloġija. Dan mhux biss ma seħħx imma għall-kuntrarju t-teknoloġija għenet biex il-ktieb isir iktar popolari. Miljuni ta’ paġni virtwali llum jikkompetu bejniethom biex jiġbdu l-attenzjoni tal-qarrejja u jħeġġuhom jakkwistaw il-ktieb.
Jonqos ħafna xi jsir. Kollu minnu. Ma nistgħux ngħidu li f’din l-art missejna s-sema. Bla dubju, l-industrija tal-ktieb ħaqqha li tgawdi minn ċerti inċentivi. Probabbli mhux kulħadd jaqbel dwar dan imma l-ktieb Malti ħaqqu distribuzzjoni lil hinn minn xtutna u biex tasal għal din is-sitwazzjoni trid kapital enormi.
Il-VAT fuq il-kotba tista’ tmur kollha investita mill-ġdid fil-qasam tal-ktieb. Investiment li jista’ jsir hu li l-iskola terġa’ tiskopri l-gost tal-ktieb. Nistqarr id-dwejjaq li ħakimni meta fil-kuntatti tagħna biex jinġiebu t-tfal lejn il-fiera kien hemm ftit kapijiet ta’ skola li qaluli li huma mhumiex interessati. Huma bċejjeċ tat-twerwir dawn.
Kif jista’ jkun li student itemm il-kors ta’ l-iskola u joħroġ ma jħobbx il-ktieb? Kif jista’ jkun li fl-iskejjel għandek għalliema u agħar minn hekk kapijiet li jaraw il-ktieb inutli? Forsi mhix idea ta’ min jarmiha li nibdew naħsbu li jkollna għalliema li xogħolhom ikun biss li jgħallmu lit-tfal tagħna japprezzaw il-ktieb.
Fuq livell lokali, fl-irħula tagħna, hemm il-ħtieġa li jsir iktar investiment favur il-ktieb. Bosta kunsilli lokali llum huma responsabbli mil-libreriji. Bosta minnhom jixtru l-kotba ta’ l-awturi mir-raħal tagħhom. Bosta minnhom jonoraw il-kittieba tagħhom. Imma ta’ min nibdew nesploraw l-idea ta’ fieri tal-kotba fl-irħula. Wirjiet li jiċċelebraw il-kotba, mużewijiet u ħwejjeġ bħal dawn.
Il-kunsilliera tagħna għandhom jifhmu li l-kotba huma importanti daqs it-toroq u daqs l-ambjent.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iwettaq bosta ħidmiet biex d-dinja tal-ktieb f’Malta timxi ’l quddiem. Din il-ġimgħa tiftaħ it-23 edizzjoni tal-Fiera tal-Ktieb. Kif stqarr Dr Ġorġ Mallia fil-messaġġ għall-fiera ta’ din is-sena, “il-Fiera tal-Ktieb ta’ din is-sena qiegħda terġa’ ssir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, id-dar tradizzjonali tagħha, u fejn, is-sena l-oħra, laqqgħet il-pubblikaturi, bejjiegħa, distributuri, u entitajiet oħra li pparteċipaw fiha, ma’ 16,000 ruħ li żaruha.
Din is-sena mill-ġdid għandna taħlita kulturali u interessanti ferm ta’ attivitajiet, minn wirjiet sa tnedijiet ta’ kotba ġodda fis-suq Malti. Minn qari pubbliku, sa serati li jiċċelebraw il-letteratura ta’ pajjiżna.”
Għax il-Fiera tal-Ktieb ma tistax tkun fiera bħall-oħrajn kollha. Din il-fiera hi investiment u l-poplu kollu qed ikun mistieden biex jinvesti. Hemm kapital enormi x’jikber u xi jkun sfruttat. Anki hawn jidħol il-futur ta’ pajjiżna.
Għax pajjiż li jaqra hu pajjiż b’saħħtu.

Sergio Grech hu d-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075