MediaToday

Editorjal | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid

Fi tmiem is-sena d-dieħla s-sussidju li l-Gvern jagħti lit-Tarzna se jkollu jintemm darba għal dejjem skond il-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea.
Hu tajjeb li intrapriża kbira bħat-Tarzna tkun tista’ timxi fuq saqajha t-tnejn mingħajr il-ħtieġa ta’ sussidju. Il-pajjiż diġà refa’ piż kbir meta d-dejn tat-Tarzna nħafer u minflok inġarr mill-Gvern.
Li l-kumpanija tkampa għal rasha hu meħtieġ kemm għad-dinjità tal-ħaddiema nfushom li jaħdmu hemm kif ukoll għall-ħtiġijiet tal-pajjiż li jista’ jonfoq il-flus li llum imorru f’sussidju f’oqsma ta’ benefiċċju għall-ġid komuni.
Madankollu llum jeżisti qtigħ ta’ qalb kbir fost il-ħaddiema tat-Tarzna. Mhumiex ċerti jekk il-kumpanija hux se tasal biex tibda treġi weħidha mingħajr l-ispalla tal-Gvern. Dawn il-ħaddiema li kemm-il darba ntużaw bħala ballun politiku għandhom raġun jinkwetaw.
Jista’ jkun hemm min qed iħokk idejh għal fatt li din l-intrapriża tista’ tagħlaq darba għal dejjem. Forsi tul dawn l-aħħar snin kien hemm inċidenti ipprovokati minn xi ħaddiema li m’għenux il-proċess ta’ bidla għall-aħjar. Iżda l-għeluq tat-Tarzna ma jkunx ifisser biss it-telfien ta’ impjieg għal mijiet ta’ nies imma wkoll it-telfien ta’ snajja’ importanti li huma bżonjużi wkoll għall-industrija tal-manifattura.
Jidher li r-riforma maqbula fl-2003 bejn il-Gvern u l-union ma kinitx biżżejjed għax kieku m’aħniex hawn, sena qabel taqa’ l-giljottina nesprimu l-inkwiet tagħna dwar l-għixien ta’ mijiet ta’ familji.
Il-ħobż ta’ eluf ta’ nies jiddependi fuq l-impenn li se jieħdu l-mexxejja politiċi fil-konfront tat-Tarzna. Il-partiti politiċi kollha jeħtieġ ikollhom proposti ċari fil-programmi elettorali tagħhom ta’ kif beħsiebhom jilqgħu għall-futur tat-Tarzna wara l-2008.
Nemmnu li t-Tarzna jista’ jkollha futur sabiħ jekk il-ħidma u l-għerf tal-ħaddiema jintużaw biex il-kumpanija tiddiversifika l-operat tagħha lejn oqsma moderni ta’ riċerka u produzzjoni li jmorru lil hinn mit-tiswija tal-vapuri.
X’inhu jżomm lill-Gvern milli jipprova jsib sieħeb strateġiku biex flimkien mat-Tarzna jiżviluppa ż-żona ta’ fejn hemm il-baċiri f’park ta’ innovazzjoni u manifattura fl-enerġija alternattiva?
Il-Gvern jista’ saħansitra jġib fondi Ewropej biex joħloq dan il-park li jkun jinkwadra sew fil-viżjoni ta’ eċċellenza li qed jipproponi Lawrence Gonzi.
Dan mhux ħolm. Diversi reġjuni fl-UE ħolqu strateġiji li ffukaw fuq oqsma partikolari ta’ manifattura u riċerka u ħadu fondi Ewropej biex jimplimentaw il-viżjoni tagħhom. Ħafna drabi l-Gvern sa anki daħal bħala sieħeb strateġiku għall-ewwel ftit snin sakemm jittellaq il-proġett imbagħad irtira biex il-privat ikollu l-ispazju ħalli jimrah.
Ir-rapport Ramboll dwar il-vijabbiltà tat-Tarzna li sar fl-1997 kien ippropona li t-Tarzna tiddiversifika l-operat tagħha, fost l-oħrajn bil-manifattura ta’ pannelli solari. Dak kien l-ewwel attentat lejn riforma radikali. Iżda l-bidliet proposti mir-rapport baqgħu fuq l-ixkaffa meta nbidel il-Gvern.
Li qed ngħidu llum imur ferm iktar ’il bogħod minn sempliċi manifattura ta’ pannelli solari. Bil-prezz taż-żejt kif inhu u bil-kuxjenza globali dwar l-impatt negattiv tal-bniedem fuq il-klima, l-iżvilupp ta’ Park Mediterranju fejn issir ir-riċerka, l-iżvilupp ta’ l-ideat u l-produzzjoni eventwali ta’ l-apparat jagħmel ħafna sens.
Nemmnu li bi sforz ġenwin u b’rieda tajba minn kull naħa t-Tarzna jista’ jkollha futur. Aktar milli tmiem nemmnu li t-Tarzna jista’ jkollha bidu ġdid li jagħti dinjità lill-ħaddiema u ma jitfax piż fuq il-bqija tal-pajjiż.

Mhux aċċettabbli
M’hemm l-ebda dubju li l-kompetizzjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni wasslet biex il-konsumatur ikollu għażla ferm aħjar milli kellu sa ftit tas-snin ilu anki jekk is-suq hu dominat minn tliet operaturi kbar.
Filwaqt li nifhmu li f’pajjiż żgħir hemm limitu ta’ kemm jista’ jkun hemm operaturi jikkompetu għall-istess għadma, speċjalment f’qasam li jirrikjedi investimenti ta’ miljuni kbar b’mod regolari, ma nistgħux ma nesprimux id-diżappunt tagħna għall-mod xejn professjonali kif inhu ttrattat il-konsumatur xi minn daqqiet.
Ma tgħaddix ġimgħa li ma nirċevux xi tip ta’ ilment dwar dak li suppost hu l-customer care ta’ dawn il-kumpaniji kbar. Nies li jċemplu b’xi problema dwar is-servizz u jitħallew mingħajr sodisfazzjon jistennew fuq it-telefon huma r-regola mhux l-eċċezzjoni. Dan mhux aċċettabbli.
Jekk il-kumpaniji mhux lesti li jkunu hemm għall-klijent meta jkun fil-bżonn allura l-Awtorità tal-Komunikazzjoni għandha tuża l-mezzi kollha f’idejha biex tara li din is-sitwazzjoni ma tkomplix.

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075