X’kien jgħid? | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
It-tbassir ta’ l-estimi tal-gvern għas-sena d-dieħla, ossia il-budget - biex nuża l-Ingliż ibbastardjat li tant sar moda f’Malta; anzi il-baġit – biex nuża l-Malti tal-Għaqda – ġie u għadda.
U naħseb li għad trid tgħaddi wkoll l-ewforija li rnexxielu jnissel fost is-sostenituri tal-PN. Wieħed irid jgħid li din id-darba Lorenzo lagħab il-karti tiegħu b’mod tajjeb u, jgħidu x’jgħidu d-dottor Sant u Jason li jżommlu x-xemgħa, il-Laburisti nħasdu bid-diskors ta’ l-estimi.
Il-pjan Laburista kien li jkun kemm ikun ġeneruż Lorenzo, l-Oppożizzjoni kellha tgħidlu li hu ftit wisq u tard wisq. Meta kien ovvju li din ir-reazzjoni għall-baġit kienet se tkun waħda ridikola kien tassew tard wisq... għax fuq iċ-ċirkoli tal-Labour kienu diġà bdew iwaħħlu l-posters stampati minn qabel!
U allura l-ewforija Nazzjonalista wara l-baġit ma kienetx waħda żgħira, ewforija li għadha tinħass u tibqa’ tinħass sakemm jiġu l-festi tal-Milied u ta’ l-ewwel tas-sena. Imbagħad? Imbagħad, min jaf? Tgħid din l-ewforija se tiżvinta mad-dħul ta’ Malta fiż-żona ewro – esperjenza li fl-ewwel ġimgħat tagħha żgur mhix se tkun waħda komda u pjaċevoli għall-poplu tal-patria tagħna, lanqas għal dawk li japprezzaw il-vantaġġi kbar ta’ dan l-iżvilupp, aħseb u ara għal dawk li f’dawn l-affarijiet ma jifhmux akka!
Wara li kienu mħabbra l-estimi, il-popolarità tal-PN ħadet spinta ’l quddiem, xi ħaġa li kienet mistennija. Iżda s-soltu l-ewforija ta’ wara l-estimi, dejjem meta jkun hemm ewforija tassew, tilħaq tiżvinta sakemm tasal id-data ta’ l-elezzjonjiet tal-Kunsilli Lokali, fit-tieni Sibt ta’ Marzu. Din is-sena r-rankatura hi akbar għax l-estimi kienu ġenerużi b’mod eċċezzjonali u allura din l-ewforija trid tkun l-ispinta għal rankatura ferm akbar: dik li twasal sal-ġurnata ta’ l-elezzjoni. Almenu hekk hu l-pjan ta’ Saliba. Fuq dan m’hemmx dubju. Id-dubju li jeżisti hu biss dwar jekk il-pjan hux se jirnexxi jew le.
Hemm ħafna fatturi li jistgħu jwasslu biex il-pjan ta’ Saliba jfalli u d-dottor Sant jerġa’ jsib ruħu Prim Ministru. Fattur ewlieni fosthom hu kemm il-Prim Ministru u Joe Saliba jirnexxielhom jikkontrollaw xi jsir u x’jingħad mid-diversi Ministri u esponenti tal-PN. Żgur ma jistax jerġa’ jkun hemm xi ħadd li jgħid xi ċuċata bħalma għamel is-Segretarju Parlamentari Tony Abela fuq il-fosos tal-Floriana jew jitkellem ’a la selvaġġa’, kif għamel Wistin Gatt fil-Kunsill Ġenerali tal-PN.
Veru li Saliba hu dak li l-Ingliżi jgħidulu ’control freak’ iżda l-paroli li jagħmlu l-ħsara ma jitrażżnux bil-kontroll artifiċjali imma billi jidħol sens ta’ koperazzjoni f’kulma jsir minn dawk li suppost jiffurmaw parti minn skwadra waħda – anki jekk is-sistema elettorali li bellgħulna l-Ingliżi ttendi li ġġelled bejniethom lill-kandidati ta’ l-istess partit.
Se jirnexxielhom Lorenzo u Saliba jispiraw lill-kandidati u l-esponenti l-oħra tal-PN biex jifhmu x’inhi l-istrateġija tal-partit u jaraw li kulma jgħidu u jagħmlu jkun skond il-linja ta’ din l-strateġija?
Fattur ieħor hu x’għandu, jew x’jista’ jkun li għandu, d-dottor Sant fil-komma tiegħu. Tgħid dan għandu xi allegazzjonijiet oħra ta’ skandli jew xamma ta’ korruzzjoni li beħsiebu joħroġ bihom aktar viċin ta’ l-elezzjoni? Irrispettivament minn kemm ikunu veri tassew, allegazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiżvijaw ir-rieda tal-PN li jibqa’ miexi fid-direzzjoni diġà mħejja minn Saliba.
Hemm ukoll il-possibiltà remota li d-dottor Sant u l-akkolti tiegħu ippreparaw xi kampanja elettorali friska u differenti li tispira lill-poplu aktar mill-viżjoni 2015 li dan l-aħħar kienet varata mill-PN. Ngħid remota għax wara daqstant żmien imexxi lill-Partit Laburista, dejjem mill-Oppożizzjoni, ħlief għal 22 xahar, id-dottor Sant sar prevedibbli wisq u diffiċli wieħed jimmaġinah jikappeġġja kampanja elettorali differenti minn dawk tal-passat.
Madankollu r-raġunijiet għaliex votant jaqleb minn partit għall-ieħor fiż-żmien bejn elezzjoni u oħra huma varji u l-effetti tal-kampanja elettorali fuq dawn in-nies ġeneralment ikunu negliġibbli.
Minn issa ’l qudiem, kollox juri li l-PN aktar għandu x’jitlef milli x’jirbaħ u Lorenzo u Saliba jeħtieġilhom jimxu b’pass meqjus bħallikieku qed jgħaddu minn terren mimli mini lesti biex jisplodu... bir-riskju li jirfsu xi waħda u kollox itir mar-riħ.
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|