Wenzu Mintoff | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
Fejn qatt kont tobsor li f’Malta teżisti sitwazzjoni li tixbah dik fiż-Żimbabwe. Għax sab lil min jieqaf għall-arroganza u l-prepotenza tiegħu, hekk wasal biex qal in-negozjant tal-media Lou Bondì nhar it-Tnejn li għadda minn fuq l-PBS, għal ġieħna l-istazzjon pubbliku tat-televiżjoni.
Għal min ma jafx fiż-Żimbabwe hemm sitwazzjoni fejn jinkisru l-ħin kollu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. M’ilux wisq il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Morgan Tsvangirai safa arrestat u l-pulizija spiċċaw kissrulu għadmu u ġabuh trietaq.
Issa jekk skond dan l-għaref impresarju tal-media, għax sab lil min jirfislu l-kallu, fid-dellirju li qed jaħkmu qed jispiċċa jara xebh bejn ċerti sitwazzjonijiet f’Malta u fiż-Żimbabwe, interessanti nkunu nafu min hu l-Mugabe ta’ Malta.
Li Bondì jaħseb li ħadd ma jista’ għalih u jġib ruħu qisu ma jista’ jmissu ħadd, ilna nafu. Imma li l-affarijiet jaslu s’hawn, li biex iħares l-interessi privati tiegħu, jinfexx f’dagħdigħa ta’ insulti u tgħajjir minn fuq l-istazzjon pubbliku tat-televiżjoni fir-rigward ta’ awtorità pubblika mwaqqfa bil-Kostituzzjoni, ftit seta’ wieħed jobsor.
Imbagħad kien hawn xi dejjaq jew tnejn li ddarrsu għax Alfred Sant xebbaħ il-PBS ma’ mandra!
Kellu l-wiċċ ixebbah l-aġir ta’ l-Aworità tax-Xandir mal-mod kif iġibu rwieħom id-dittaturi. Apparti li kellu wkoll l-isfaċċataġni jgħid li l-BA qed tkun ‘oxxena’ is-Sur Bondì ma ddejjaq xejn ukoll jigdeb bl-addoċċ meta għal darba darbtejn qal li fil-15-il sena li ilu jimmonopolizza x-xandir ta’ l-Istat qatt ma saru rapporti kontra tiegħu lill-Awtorità tax-Xandir għax ma kienx imparzjali. ‘Minn ħadd, la mill-Partit Nazzjonalista u lanqas mill-Partit Laburista,’ qalilna Bondì.
Li Bondì qatt ma kellu rapporti kontra tiegħu mill-PN, assolutament minix sorpriż għal raġunijiet ovvji. Imma minn bnadi oħra kellu diversi rapporti.
Kemm dak li qal Bondì t-Tnejn li għaddew huwiex minnu nista’ ngħidu jien għax iktar kmieni din is-sena, fid-9 ta’ Frar biex inkun eżatt, irrappurtajtu lill-Awtorità tax-Xandir u ħamest ijiem wara fl-14 ta’ Frar din waslet għall-konklużjoni li Bondì, waqt l-edizzjoni tal-programm tas-6 ta’ Frar 2007 kien għamel ‘kummenti ta’ natura partiġġana, li fihom infushom jistgħu joħolqu żbilanc politiku fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, żbilanc li jkun jikser il-provvedimenti relattivi kemm tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll ta’ l-Att dwar ix-Xandir’. Imbagħad jiġi Bondì b’dik l-arja kollha jgħid li qatt ma nstab ħati mill-Awtorità tax-Xandir!
Imma din ma kinitx l-unika gidba tas-Sur Bondi waqt il-programm tat-Tnejn li għadda, bil-messa in xena
tal-protesta b’kollox.
B’ton solenni u melodrammatiku Bondì sostna li din qatt ma kienet li spiċċa jiġi ikkanċellat programm għax xi ħadd iddeċieda li ma jmurx. Fil-fatt f’Diċembru li għadda Bondì kien se jagħmel programm rigward il-każ ta’ Joe Zahra, l-investigatur privat mhux liċenzjat u eks membru tat-tim tal-produzzjoni ta’ l-istess Bondiplus, li ntbagħat il-ħabs minħabba r-rapport falz li għamel dwar l-affari tat-tender ta’ l-apparat mediku ta’ l-isptar Mater Dei.
Għal dan il-programm partikolari kien mistieden id-deputat Nazzjonalista John Dalli li rrifjuta li jieħu sehem għax diġà kien mixuf b’dak li kien għadda minnu f’edizzjoni oħra tal-programm, eżatt qabel it-tiġrija bejn il-ħbieb għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li kienet saret fi Frar ta’ l-2004.
Dan il-programm spiċċa tħassar wara li kien imblukkat mill-Bord Editorjali tal-PBS, li dak iż-żmien kien għad kellu bħala chairman lil John Camilleri. Fi ftit kliem
il-programm tat-Tnejn li għadda altru milli kien l-uniku programm li twaqqaf milli jsir għax kien hemm min irrifjuta li jieħu sehem fih.
Għax għandu lil min jaqilgħu u lil min jivvantaġġah, Bondì jaħseb li jista’ jippersisti fil-gideb tiegħu u ħadd ma jieqaflu. Wara li nġib fix-xejn il-Bord Editorjali tal-PBS u tneħħielu s-sugu kollu li kellu, issa jmiss li tiġi attakkata frontalment l-Awtorità tax-Xandir bit-tama li din ma tibqax ixxekklu.
Madankollu ma kinitx biss l-Awtorità tax-Xandir li ndaħlet biex ma jsirx il-programm li kien imħejji minn Bondì għat-Tnejn li għadda li suppost kellu jkollu bħala suġġett id-diskors ta’ Alfred Sant dwar il-baġit.
Anki l-Bord Editorjali tal-PBS, ossija dak li fadal minnu, ma kienx jaqbel li jsir dan il-programm. Imma l-Bord tad-Diretturi tal-PBS, immexxi mill-arċi-Nazzjonalisti Joe Fenech Conti, Michael Fenech (eks Direttur ta’ l-AZAD) u Mike Seychell u mis-CEO tal-PBS Albert Debono (li kien impjegat għoli ta’ l-Istamperija Nazzjonalista) u assistiti mill-Boċċa Borg Cardona, ma setax jonqos li joħorġu għonqhom għal seħibhom Lou Bondì. F’kor wieħed ħarġu jattakkaw l-Awtorità tax-Xandir, avolja din fil-maġġoranza tagħha hi innominata mill-Gvern Nazzjonalista.
Reġgħu qabżu għalih bħalma ilhom jagħmlu. Wara li Bondiplus kien ilu jnaqqas u jitkaxkar fis-sondaġġi ta’ l-udjenzi u l-Bord Editorjali tal-PBS kien iddeċieda li jħallih barra mill-iskeda, sħab Bondì raw kif għamlu mhux biss kif idaħħluh lura, imma anki jakkomodawh meta biddlulu l-ġurnata mit-Tlieta għat-Tnejn biex jevitawlu konfront dirett mal-kompetizzjoni li kellu fuq is-Super One.
Huma u jagħmlu dan, sħab Bondì fil-PBS ma ddejqux jgħaffġu wkoll fuq ħaddieħor, Nazzjonalisti gwappi daqshom, tat-26th Frame, minkejja li dawn diġà kellhom diversi kuntratti ta’ reklamar ibbukkjati għall-ġurnata tat-Tnejn.
F’ħaġa waħda għandu raġun żgur is-Sur Bondi meta xebbah is-sitwazzjoni f’Malta ma’ dik fiż-Żimbabwe. Hu biss f’xi pajjiż bħaż-Żimbabwe li jkollok merkanti tal-media bħalu li jieħdu l-kuntratti kbar mingħand il-Gvern, eks uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista b’dawk il-preġudizzji kbar kontra kulmin ma jaqbilx mal-PN u minn fuq għandu l-wiċċ jippoża tal-ġust u l-imparzjali.
F’pajjiżi mhux bħaż-Żimbabwe d-dibattiti politiċi, speċjalment f’kampanja elettorali bħal dik li diġà ninsabu fiha, u iktar u iktar fuq ix-xandir pubbliku, ikunu rregolati sa l-inqas dettall rigward ħin, sekwenza, suġġett tal-mistoqsijiet, imparzjalità tal-moderatur eċċ.
Imma f’Malta m’għandna xejn minn dan kollu għax Mugabe jikkmanda u jagħmel li jrid.
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|