Toni u Peppi | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
PEPPI
Lou Bondì stieden lil Charles Mangion biex wara d-diskors ta’ Alfred Sant tal-baġit jieħu sehem ma’ Tonio Fenech f’edizzjoni ta’ Bondì+.
Jason Micallef jinforma lill-Awtorità tax-Xandir li Charles Mangion mhux se jieħu sehem. L-Awtorità tax-Xandir twaqqaf il-programm. La l-MLP ma ridux ikunu preżenti allura l-programm ma jsirx. Xi tfisser din?
Li issa għandna preċedent. Meta l-Gvern jew l-Oppożizzjoni jidhrilhom li m’għandhomx jieħdu sehem fi programm tkun tista’ twaqqaf il-programm.
L-Awtorità waqqfet il-programm Bondì+ u Lou Bondì għamel programm ieħor dwar l-abort.
F’dan il-programm kien mistieden Paul Vincenti, li taqbel jew ma taqbilx miegħu, illum sar il-vuċi ta’ dawk li ma jaqblux ma’ l-abort. Paul Vincenti jirrifjuta li jieħu sehem f’Bondì+. L-Awtorità baqgħet siekta u ħalliet il-programm isir għax l-Awtorità qiegħda hemm biex iżżomm bilanċ bejn il-partiti. Bilanċ mhux fl-interess taċ-ċittadini iżda fl-interess tal-partit.
La ma jridx imur Charles Mangion l-Awtorità twaqqaf il-programm. La ma jridx imur Paul Vincenti l-programm jista’ jibqa’ għaddej.
B’daqshekk miniex ngħid li l-pajjiż m’għandux bżonn l-Awtorità tax-Xandir. Iżda żgur mhux kostitwita kif inhi. Illum l-Awtorità jagħżluha ż-żewġ partiti politiċi. Qisu l-opinjoni ta’ dan il-poplu tinstab dejjem fiż-żewġ partiti. U jekk il-partiti joħolqu kontroversja allura dik issir kontroversja nazzjonali, iżda jekk il-partiti jaqblu allura ma tibqax kontroversjali.
Pereżempju jekk erba’ snin ilu l-banda ta’ Xarabank kienet iddoqq l-innu ta’ l-Ewropa, dak l-innu kien jiswina xi Lm500 f’multa mill-Awtorità tax-Xandir għax dakinhar il-partiti ma kinux jaqblu dwar sħubija. Ara llum għax il-partiti jgħidu li jaqblu nista’ nibda kull Xarabank bl-innu ta’ l-Ewropa bl-Awtorità tkanta u ddoqq mal-banda. Anki jekk inkun qed niddefendi lil Karmenu Mifsud Bonnici u lit-tim tiegħu. X’jimporta, l-aqwa li ma toffendix lill-partiti.
Iżda issa li riesqa l-elezzjoni hemm riħa qawwija li l-MLP donnu ħaqqu iżjed difiża. Meta l-istess Lou Bondì għamel programm dwar iż-żejt u l-Ministru ma riedx imur, Bondì+ sar xorta ma’ Joe Mizzi mill-MLP. Dakinhar l-Awtorità ma waqqfitx il-programm. Ħalliet lil Joe Mizzi waħdu, jgħid x’inhi l-politika tal-MLP dwar iż-żejt.
Irrid ngħid li sakemm qed nikteb qrajt fl-Independent li l-Membri Joe Pace Axiaq u Alfred Mallia Milanes ma qablux mad-deċiżjoni li l-edizzjoni ta’ Bondì+ tat-Tnejn li għadda jitwaqqaf.
L-ironija hi li wieħed mill-magħżulin tal-MLP fl-Awtorità tax-Xandir, Reno Borg, fl-istess ħin li kellu jixxandar Bondì+ kien qiegħed jieħu sehem fi programm fuq One TV jiddiskuti d-diskors ta’ Alfred Sant. Titwemmen din? Jiġifieri wieħed mill-persuni li jidher li qabel li Bondì+ ma jsirx hu l-istess persuna li jmur fuq One TV jagħmel l-istess ħaġa.
Miniex kontra li l-Membri ta’ l-Awtorità jkollhom l-opinjoni tagħhom u jesprimuha. Anzi. Iżda li mbagħad jibagħtu linji gwida lilna li nippreżentaw il-programmi biex ma ngħidux u ma niktbux l-opinjoni tagħna fil-pubbliku ma titwemminx.
Għandna bżonn Awtorità tax-Xandir iżda l-interess tagħha għandu jkun biss dak li tiddefendi liċ-ċittadin.
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|