Il-Partit Nazzjonalista ma jweġibx
Din il-gazzetta talbet ir-reazzjoni uffiċjali ta’ l-erba’ partiti politiċi ewlenin għall-petizzjoni tal-MGRM.
Jason Micallef, Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista sostna li “sakemm qed inwieġbek il-Partit Laburista għadu ma rċieva l-ebda komunikat jew korrispondenza tax-xorta mingħand il-MGRM. Għaldaqstant tifhem li għad m’hemm l-ebda pożizzjoni fuq il-mistoqsijiet li qed tistaqsi int.’’
Micallef qal ukoll li “fuq bażi personali, f’dan l-istadju jkun prudenti li l-ewwel nistenna d-diskussjoni internament fil-Partit u ma narax għalfejn għandi nesprimi l-opinjoni tiegħi qabel nesprimiha internament.’’
Pożizzjoni aktar ċara toħroġ mill-Alternattiva Demokratika u mill-Azzjoni Nazzjonali. Victor Galea, Segretarju Ġenerali ta’ l-AD, sostna li hu firmatarju 167 u li miegħu diġà iffirmaw Harry Vassallo, Chairperson tal-Partit u Saviour Sammut, Kelliem tal-Kumitat Reġjonali tan-Nofsinhar ta’ Malta.
“L-Alternattiva Demokratika hi l-unika forza politika li konsistentement qabżet għad-drittijiet ta’ l-omosesswali u ma beżgħetx li titlef il-voti meta ħaddieħor qagħad lura milli jikkummenta jew beża’ li jitlef xi voti,” qal Victor Galea.
“Min-naħa l-oħra ma naqblux li tintuża l-kelma ‘żwieġ’ f’ċirkustanzi bħal dawn. Imma xorta waħda nisħqu li d-drittijiet li jġib miegħu żwieġ ikunu japplikaw għal koppji omosesswali. Inkluża l-adozzjoni,” kompla s-Segretarju Ġenerali ta’ l-Alternattiva Demokratika.
Dwar kirurġija u terapija ta’ l-ormoni l-AD qed tgħid li dawn għandhom jingħataw b’xejn mill-Gvern, madankollu skond il-prioritajiet. “Jekk ikun hemm mard tal-kanċer jew tfal morda serjament il-kura tagħhom għandha tingħata prijorità.”
Philip M. Beattie, Segretarju Ġenerali ta’ l-Azzjoni Nazzjonali, sostna li l-AN temmen bis-sħiħ li “nies li huma omosesswali /lesbjani/transgender m’għandhomx jispiċċaw ikunu vittma ta’ attakki vjolenti jew diskors dispreġġjattiv li jista’ jinċita għat-tixrid tal-mibegħda, bil-kundizzjoni li espożizzjoni tal-pożizzjonijiet fuq din il-kwistjoni, bażati fuq il-Liġi Naturali u l-Morali Nisranija, ma tikkwalifikax bħala reat taħt il-Kodiċi Kriminali.”
Beattie sostna wkoll li l-Azzjoni Nazzjonali temmen li “m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni kontra persuni omosesswali/lesbjani/transgender fil-bejgħ ta’ prodotti u servizzi għaliex dawn huma persuni umani u l-orjentament sesswali tagħhom m’għandux jaffettwa d-dritt ta’ tali persuni li jixtru oġġetti jew servizzi.
“Ma nistgħux naċċettaw li koppja omosesswali titqiegħed fuq l-istess livell bħal koppja eterosesswali miżżewġa fejn jidħlu drittijiet u dmirijiet taħt il-Liġi, għaliex, kif tgħidilna l-Liġi Naturali, ma nemmnux li hemm ekwivalenza morali bejn relazzjonijiet eterosesswali bażati fuq żwieġ u unjoni omosesswali.”
L-Azzjoni Nazzjonali tgħid ukoll li “lanqas ma nistgħu naċċettaw li l-kirurġija għall-‘gender reassignment’ jew terapija ta’ ormoni għal persuni “transgender” għandhom jkunu sussidjati mill-Istat.”
Philip Beattie jinsisti li dment li x-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza jiġi estiż sabiex iħares id-drittijiet ta’ persuni omosesswali/lesbjani/transgender bħala persuni umani u mhux in kwantu huma omosesswali/transgender/lesbjani, ma naraw xejn ħażin li x-xogħol ta’ l-imsemmija Kummissjoni jiġi estiż f’din id-direzzjoni.
“Għaldaqstant jiena lest niffirma petizzjoni jekk tiġi emendata skond il-ħames punti msemmija fuq,” temm jgħid is-Segretarju Generali ta’ l-Azzjoni Nazzjonali.
* Sakemm morna għall-istampa l-Partit Nazzjonalista kien għadu ma weġibx.