Ċifri miż-żona ewro jpoġġu lil Malta mal-medja
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Pajjiż jista’ jispiċċa b’bilanċ fil-kontijiet pubbliċi? Dan hu possibbli skond statistika ippubblikata din il-ġimgħa mill-Eurostat.
Fis-sena 2006 kien hemm sitt pajjiżi fiż-żona ewro li irreġistraw bilanċ pożittiv bil-Finlandja quddiemnett b’bilanċ ta’ 3.8 fil-mija.
Min-naħa l-oħra l-Italja, li spiċċat bl-agħar żbilanċ ta’ 4.4 fil-mija, hi wkoll l-iktar pajjiż midjun fiż-żona ewro.
L-Irlanda hi t-tieni l-iktar pajjiż suċċess b’bilanċ ta’ 2.9 fil-mija filwaqt li Spanja, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Belġju wkoll irreġistraw dħul ikbar mill-ispiża pubblika biex spiċċaw is-sena b’wiċċ il-ġid.
Fl-2006 Malta kellha żbilanċ ta’ 2.5% li għandu jinżel għal 2.1% sa l-aħħar ta’ din is-sena. Fil-baġit Lawrence Gonzi ħabbar li fl-2008 il-Gvern qed jimmira għal żbilanċ ta’ 1.2 fil-mija filwaqt li l-għan aħħari hu li sa l-2010 il-kontijiet pubbliċi ma jibqgħux jirreġistraw telf imma l-pajjiż ikollu bilanċ pożittiv.
Ċipru, il-pajjiż li ma’ Malta se jdaħħal l-ewro fl-1 ta’ Jannar 2008, irreġistra żbilanċ ta’ 1.2 fil-mija fl-2006.
Intant l-agħar li marret hi l-Italja b’żbilanċ ta’ 4.4 fil-mija. Flimkien mal-Portugall (-3.9%) l-Italja kissret il-patt ta’ stabbiltà taż-żona ewro li ma jippermettix lill-pajjiżi fiż-żona ewro jkollhom żbilanċ’il fuq minn tlieta fil-mija.
L-istatistika turi wkoll li f’dak li hu nfieq pubbliku Malta kienet mal-medja taż-żona ewro b’nefqa li tlaħħaq għal 44.1 fil-mija tal-ġid nazzjonali.
Franza u l-Italja, b’infieq ta’ 53.4% u 50.1% rispettivament, huma l-iktar żewġ pajjiżi bi spiża pubblika għolja.
Minkejja l-bilanċ fil-kontijiet pubbliċi, il-Finlandja għandha spiża pubblika li hi fost l-ogħla, indikazzjoni ċara tas-suċċess ekonomiku fil-pajjiż fejn it-tkabbir mhux ġej minn qtugħ fl-infiq tal-Gvern.
Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, il-gvernijiet li nefqu lanqas huma dawk tal-Lussemburgu (39% tal-ġid nazzjonali), Spanja (38.6%) u l-Irlanda (34.2%).
Min-naħa l-oħra l-Finlandja hi l-iktar pajjiż fejn il-Gvern irreġistra dħul (52.5% tal-ġid nazzjonali) bi Franza tiġi fit-tieni post b’50.8 fil-mija.
Fuq ix-xaqliba l-oħra, il-pajjiżi fejn il-Gvern daħħal l-inqas huma l-Irlanda (37.1%) u l-Greċja (39.5%).
Miċ-ċifri jidher li l-Italja hu l-iktar pajjiż midjun fiż-żona ewro. Fl-2006 ‘la dolce vita’ swiet lit-Taljani dejn li kien ogħla mill-ġid nazzjonali. Id-dejn laħaq 106.8 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku.
Fit-tieni post ġiet il-Greċja b’dejn li jlaħħaq 95.3 fil-mija tal-ġid nazzjonali.
Malta b’64.7 fil-mija ġiet fit-tmien post filwaqt li Ċipru ġie fis-sitt post b’dejn ta’ 65.2 fil-mija.
L-inqas pajjiż midjun fiż-żona ewro hu l-Lussemburgu b’dejn li jlaħħaq biss għal 6.6 fil-mija tal-ġid nazzjonali. Warajh hemm l-Irlanda b’25.1 fil-mija u l-Islovenja b’27.1 fil-mija.