Aħbarijiet | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Wara x-xhieda ta’ l-Imħallef Joe Galea Debono fejn iddeskriva l-bord ta’ l-appell tal-Mepa bħala “Qorti tal-Kangaroo”, kien imiss lil persunaġġ pubbliku ieħor iwaqqa’ għaż-żufjett din l-istituzzjoni billi jiddeskrivi r-regolamenti tal-Mepa bħala “taċ-chewing gum.”
Kien waqt ix-xhieda tiegħu, f’każ għal kollox differenti minn dak ta’ l-Imħallef, li d-Deputat Laburista u membru fuq il-bord tal-Mepa, Joe Brincat, qal li f’seduta minnhom tal-bord hu ngħata x’jifhem li r-regolamenti tal-Mepa huma “chewing gum u kollox jiġġebbed skond iċ-ċirkustanzi.”
Brincat kien qed jixhed fis-17 ta’ Settembru quddiem il-bord ta’ l-appell li qed jisma’ l-appell fil-każ ta’ l-impjant tar-riċiklaġġ f’Wied il-Għajn.
F’parti mix-xhieda tiegħu Brincat sostna li waqt laqgħa tal-bord tal-Mepa l-esperti mqabbda biex jagħmlu l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) tal-proġett propost mill-Wasteserv għamlu referenza għal xi eżami partikolari li huma m’għamlux “għax kien jiswa’ ħafna flus.”
Brincat sostna li meta ġibed l-attenzjoni tar-rappreżentant tal-Mepa dwar dan u l-fatt li l-awtorità kienet ħarġet terms of reference lill-Wasteserv dwar liema fatturi kellhom jagħtu kas waqt l-istudju, ir-risposta li ħa kien “jitkellmu il-konsulenti.”
“Kien f’dan il-kuntest li l-konsulent kien qalli it’s too expensive biex noqogħdu nagħmlu testijiet bħal dawn. Jien f’dak il-ħin, allura lir-rappreżentant tal-Mepa staqsejtu: ‘Allura għalfejn isiru l-kundizzjonijiet?’ Ħadt risposta vaga fis-sens li r-regolamenti huma chewing gum u kollox jiġġebbed skond iċ-ċirkostanzi. Jien ma neskludix li l-punt li ma ġiex trattat fl-EIA kien jikkonċerna s-saħħa ambjentali u nista’ ngħid ukoll li kien fit-terms of remit li kienet tat il-Mepa,” qal Brincat fix-xhieda tiegħu.
Madankollu, meta l-avukat tal-Mepa għamel il-kontro-eżami Brincat ma kienx f’pożizzjoni li jgħid min kien l-espert li qal li ċerti testijiet ma sarux għax huma għaljin wisq.
“Naf niddeskrivih però ma nafx nidentifikah,” sostna Brincat. Meta Brincat kien mistoqsi jekk jafx li saru studji fuq il-kwalità ta’ l-arja hu ddefenda ruħu billi qal “irrid nara t-terms of reference li tat il-Mepa biex isir l-EIA.”
Fil-fatt waqt l-EIA kienu saru wkoll xi studji dwar l-impatt ta’ l-impjant fuq il-kwalità ta’ l-arja.
Iżda Brincat ma waqafx hemm. Hu tenna wkoll li kienet l-impressjoni tiegħu li “għall-Wasteserv il-Mepa ma teżistix għax li tgħid il-Wasteserv iseħħ.”
F’parti oħra tax-xhieda tiegħu Brincat qal li l-Wasteserv kienet ilha tintalab tipprovdi siti alternattivi fejn seta’ jinbena l-impjant il-ġdid madankollu, sostna, “minħabba l-problema tal-pressjoni ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea ġiet bl-unika alternattiva, take it or leave it, li kienet naturalment is-sit ta’ Sant’Antnin.”
L-appell dwar il-permess ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin se jissokta fil-5 ta’ Novembru. Il-każ qed jinstema’ miċ-Chairman Ian Spiteri Bailey u żewġ membri oħra.
Il-Kumitat Kontra l-Impjant fetaħ kawża kostituzzjonali fil-qorti jikkontesta l-mod kif jinħatar il-bord ta’ l-appell fil-Mepa. Il-Kumitat qed jargumenta li l-membri tal-bord ta’ l-appell ma jistgħux ikunu imparzjali għax dawn inħatru mill-Ministru George Pullicino, li taħtu taqa’ l-Mepa.
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|