Julia Farrugia
Il-ħbieb tal-kandidat Nazzjonalista Philip Mifsud daħħluh f’bawxata mal-Kurja wara li organizzawlu attività ta’ tberik ta’ l-annimali bi ħlas.
F’kummenti lil din il-gazzetta l-Kurja ta’ l-Arċisqof sostniet li ‘ma taqbilx li ċerimonji ta’ tberik ta’ l-annimali u oħrajn simili jkunu marbuta ma’ attività ta’ natura politika.” Il-Kurja sostniet ukoll li “ma taqbilx li tberik ta’ annimali jkun bi ħlas.”
Il-Kurja ta’ l-Arċisqof kienet qed tirreaġixxi għall-mistoqsijiet li għamlet Illum dwar każ ta’ kandidat Nazzjonalista li beda jorganizza tberik ta’ l-annimali bi ħlas.
F’fuljett li tqassam fil-ġimgħat li għaddew ingħad li l-ħbieb tal-Perit Philip Mifsud, kandidat tal-Partit Nazzjonalist fuq Ħad-Dingli, l-Imġarr, l-Imtarfa, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ, qed jorganizzaw tberik ta’ l-annimali ħdejn l-Uffiċċju tal-PN fir-Rabat.
Fir-reklam ingħad li l-ħlas hu ta’ “Lm3 (ewro 6.98) għal żwiemel u Lm 2 (ewro 4.65 għal annimali domestiċi”.
Aktar ’l isfel fir-riklam b’kulur differenti jingħad li “tingħata tifkira sabiħa ta’ l-okkażjoni.”
Fir-reklam għal dan it-tberik ta’ l-annimali kien sostnut li wieħed jista’ jikseb biljetti mill-Uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat.
Mistoqsija minn din il-gazzetta x’inhi l-pożizzjoni tal-Kurja dwar każijiet bħal dawn, l-Uffiċċju tal-Kurja ta’ l-Arċisqof wieġeb li “f’ċirkustanzi normali, biex isir tberik ta’ l-annimali, mhemmx bżonn il-permess minn qabel mill-Kurja ta’ l-Arċisqof. Imma jekk iċ-ċirkustanzi ma jkunux normali, bħalma jidher li hu l-każ li qed nitkellmu dwaru, normalment is-saċerdot li jkun avviċinat biex ibierek, jitlob parir mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi.”
Il-Kurja sostniet li ebda saċerdot ma talab parir dwar din l-attività organizzata minn kandidat ta’ partit politiku.
“Il-Kurja ma taqbilx li ċerimonja simili tkun marbuta ma’ attività ta’ natura politika u/ jew tkun bi ħlas.”
Mitlub jikkummenta dwar din l-istorja l-kandidat Nazzjonalista Philip Mifsud sostna li t-tberik li kellu jsir fl-14 ta’ Ottubru tħassar minħabba t-temp.
Il-Perit Mifsud ammenta li ma ġabx il-permess tal-Kurja imma argumenta li hu ġab “il-permess tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, il-permess tal-Pulizija u kellu tliet pulizija mħallsin għall-okkażjoni. Kellna anki l-qassis lest, Fr Alfred. Mhux qed nara l-iskop tal-mistoqsijiet tagħkom,” sostna Philip Mifsud.
Mistoqsi speċifikament dwar il-ħlas għat-tberik, Mifsud qal li “il-ħlas kien biex wieħed jingħata tifkira sabiħa ta’ l-okkażjoni.”
Imfakkar dwar il-kliem li deher fuq il-fuljett Philip Mifsud wieġeb li “il-fuljett mhux qiegħed quddiemi imma mhux konxju li hemm xi ħaġa ħażina.”