Aħbarijiet | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
Analiżi soċjo-ekonomika u ambjentali tal-Mellieħa
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Studju soċjo-ekonomiku u ambjentali dwar il-Mellieħa jiżvela kif żgħażagħ Melliħin li jkunu jixtiequ jkomplu jgħixu l-Mellieħa qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jixtru d-dar tagħhom. Dan minħabba li ż-żieda tal-popolarità tal-Mellieħa bħala residenza wasslet għal inflazzjoni qawwija fil-prezz tal-bini f’din il-lokalità.
L-analiżi, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha dwar il-komunità tal-Mellieħa, kien ikkummissjonat mill-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer bis-sehem tal-Friedrich Ebert Stiftung u mnedija fi ktieb, tikxef ix-xejriet u l-għeruq ta’ numru ta’ fatturi li sawru lil dan ir-raħal.
L-istudju juri li appartament bi tliet kmamar tas-sodda fil-Mellieħa jiswa Lm84,000 (ewro195,667) jiġifieri Lm14,100 aktar għoli minn wieħed fis-Swieqi, Lm4,000 ogħla minn appartament simili f’Tas-Sliema, u Lm42,000 aktar għoli minn appartament ta’ l-istess tip f’Għawdex.
L-istess tip ta’ differenza kbira teżisti fil-prezzijiet tal-vilel. L-analiżi turi li villa fil-Mellieħa tiswa Lm395,000, filwaqt li waħda f’San Ġiljan tiswa Lm160,000 anqas. Villa f’Għawdex tiswa Lm138,000 jiġifieri Lm 257,000 inqas minn waħda fil-Mellieħa.
L-istħarriġ li sar minn David Bartolo, Jeffrey Sammut u mill-għalliem Joseph M. Sammut jitfa’ dawl fuq aspetti oħra, fosthom l-iżvilupp urban fil-Mellieħa, l-età tal-popolazzjoni, l-ambjent, it-traffiku u t-tniġġis ta’ l-arja, siti protetti, il-kriminalità, l-akwakultura u t-turiżmu.
Mir-riċerka rriżulta li mal-milja tas-snin ix-xogħol tal-Melliħin inbidel drastikament.
Filwaqt li fl-1948 l-aktar xogħol komuni għar-residenti tal-Mellieħa kien it-trobbija ta’ bhejjem, agrikoltura u s-sajd, fl-1967 dan inbidel u sar is-servizzi pubbliċi u personali (pulizija, sefturi, koki, suldati u purtinara). Fis-snin riċenti l-għażla tax-xogħol inbidlet għal kollox biċ-ċifri juru li fl-1995 l-akbar ammont ta’ mpjiegi kienu fis-settur tat-trasport u l-produzzjoni.
L-analiżi turi li fil-Mellieħa hemm 15-il lukanda li waħda hi magħluqa u fi stat ta’ abbandun. Bejniethom dawn il-lukandi għandhom 2,395 sodda. Ir-riċerka tirrimarka kif filwaqt li f’żoni turistiċi oħra bħala Tas-Sliema, Wied il-Għajn u Buġibba għalqu bosta lukandi, fil-Mellieħa dawn żdiedu bil-bosta tant li fl-aħħar seba’ snin infetħu seba’ lukandi ġodda.
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|