L-għajta fost uħud fil-PN hi li Lawrence Gonzi għandu jsejjaħ l-elezzjoni qabel tmiem is-sena. X’qed iżomm lill-PM milli jagħmel dan? KURT SANSONE jirrapporta
Bid-diskussjoni dwar il-baġit mistennija tingħalaq fit-2 ta’ Novembru, il-Prim Ministru għadu biċ-ċans li jsejjaħ l-elezzjoni għal din is-sena anki jekk ikun ifisser li din issir fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru.
Hemm opinjonijiet differenti fil-PN dwar liema hi l-aħjar strateġija li għandu jaddotta l-PM. Uħud ħassew li Gonzi tilef opportunità tad-deheb li jaħsad lill-Oppożizzjoni meta ddeċieda li jagħmel il-baġit fil-15 ta’ Ottubru minflok fit-8 tax-xahar. Baġit iktar kmieni kien jippermettilu jsejjaħ elezzjoni għall-aħħar ta’ Novembru u b’hekk ma jħarbatx in-negozju u l-festi tal-Milied.
Kif ġew l-affarijiet l-aħħar ċans għal Gonzi jekk irid l-appuntament elettorali jkun din is-sena hu li jxolji l-Parlament nhar t-Tnejn 5 ta’ Novembru biex l-elezzjoni ssir is-Sibt 8 ta’ Diċembru. Il-possibbiltà l-oħra hi elezzjoni fil-15 ta’ Diċembru. Madankollu din id-data se tkun viċin ħafna l-vaganzi tal-Milied u żgur li se tħarbat il-festi.
L-aħħar darba li l-elezzjoni saret f’Diċembru kien fl-1981 meta Mintoff sejjaħha għal lejlet ir-Repubblika fit-12 tax-xahar.
Hemm pressjoni interna fuq il-Prim Ministru biex jiddeċiedi fuq elezzjoni qabel tmiem is-sena u din issaħħet iktar wara diversi stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika wrew li l-PN seta’ rkupra li żvantaġġ elettorali bil-baġit li ppreżenta.
Madankollu, anki jekk hemm min fil-PN għadu jemmen li elezzjoni ta’ malajr hi l-aħjar strateġija biex tħarbat l-Oppożizzjoni, speċjalment wara baġit tajjeb, diskors Gonzi nhar l-Erbgħa li għaddew ta indikazzjoni li se jibqa’ fit-tmun għal ftit taż-żmien ieħor.
Hu sigriet miftuħ fi ħdan il-PN li Gonzi għandu ambizzjoni leġittima li jkun il-persuna li rnexxielu jdaħħal lil Malta fiż-żona ewro wara erba’ snin ta’ xogħol iebes.
Il-mexxejja Nazzjonalisti minn wara t-Tieni Gwerra ’l hawn kollha tgħammdu bħala ‘missier’ ta’ xi avveniment storiku fil-ġrajja ta’ dan il-pajjiż.
Wara l-Indipendenza ta’ Borg Olivier u l-Ewropa ta’ Fenech Adami issa jmiss l-ewro ta’ Gonzi.
Minn kif jidhru l-affarijiet l-analiżi li kienet saret minn din il-gazzetta dwar l-aħjar żmien għall-PN biex tissejjaħ elezzjoni għada tgħodd u l-aħħar ta’ Frar jibqa’ l-iktar żmien ideali.
Apparti d-dħul ta’ l-ewro bil-fanfarri kollha u l-ispirtu ta’ festa li jakkumpanja l-Milied u l-ewwel tas-sena, in-nies se jkunu qed iħossu l-ewwel effetti pożittivi tal-baġit. Iżda anki hawn hemm problema ta’ perċezzjoni.
Sfortunatament għall-Gonzi l-pagi ta’ Jannar se jkunu bl-ewro u peress li n-nies ma tkunx għadha drat il-munita l-ġdida ż-żieda li se jaraw fil-paga għandhom mnejn jabbinawha mal-kambju lejn l-ewro u mhux mal-miżuri ta’ Gonzi.
Din forsi hi l-inqas problemi li għandha tinkwieta lill-Prim Ministru. Aktar minn hekk hemm il-biża’ li iktar ma jtul fil-poter iktar se jiftaħ beraħ il-bibien tal-kritika li tista’ tagħmillu l-Oppożizzjoni fuq amminstrazzjoni ħażina, arroganza u korruzzjoni.
Din se tkun parti mill-istrateġija tal-Partit Laburista għall-kampanja elettorali. Diġà ta indikazzjoni tagħha Alfred Sant fid-diskors li għamel b’risposta għall-baġit.
L-MLP se jkun qed iħambaq il-ħin kollu fuq it-tim ta’ madwar Gonzi u d-difetti li tfaċċaw tul l-aħħar xhur u snin. Gonzi se jkollu l-ħin kollu jiddefendi r-rekord tal-ministri u d-deputati tiegħu u ħadd ma jaf jekk fil-komma l-Partit Laburista għandux xi skandlu ieħor moħbi għal meta ssaffar is-suffara.