MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52

Il-ħajja togħla b’iktar minn żewġ terzi

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’ġirja bejniethom biex jidhru sbieħ ma’ l-anzjani qed iwiegħdu ż-żieda sħiħa lill-pensjonanti. Filwaqt li Gonzi ta żieda ta’ żewġ terzi u bonus għat-terz nieqes, Sant qed iwiegħed żieda sħiħa mal-pensjoni. KURT SANSONE jirrapporta

Mhux faċli tifhem għalfejn il-pensjonanti dejjem jieħdu żewġ terzi taż-żieda għall-għoli tal-ħajja daqslikieku għalihom il-prezzijiet jogħlew biss b’żewġ terzi.
Madankollu jeżisti mekkaniżmu amministrattiv li jwassal għal din is-sitwazzjoni. Jekk il-pensjonanti jingħataw iż-żieda sħiħa tista’ titħarbat is-sistema li biha jkunu riveduti l-pensjonijiet ta’ dawk li kellhom dħul inqas mill-massimu pensjonabbli.
Il-biża’ hi li soluzzjoni biex il-pensjonanti jingħataw iż-żieda sħiħa tista’ twassal għal anomaliji ġodda jekk tiddaħħal b’mod mhux maħsub.
Mhux xi sigriet li għal min m’għandux xi tip ta’ dħul ieħor għajr il-pensjoni l-kwalità tal-ħajja hi baxxa ħafna. L-għoti taż-żieda bl-imqieta lanqas ma jgħin biex is-sitwazzjoni titjieb.
Bħal ħaddieħor il-pensjonanti wkoll iridu iktar flus fil-but. Iżda minkejja l-għajta ta’ ħafna matul is-snin biex l-anzjani jingħataw iż-żieda kollha tal-għoli tal-ħajja dawn baqgħu qatt ma ħaduha taħt forma jew oħra.
Fil-baġit li ippreżenta Lawrence Gonzi ġimagħtejn ilu tħabbar li minn Jannar il-pensjonanti se jieħdu ż-żieda normali taż-żewġ terzi bħala parti mill-pensjoni tagħhom iżda se jieħdu wkoll bonus biex jagħmel tajjeb għat-terz nieqes. B’hekk għas-sena d-dieħla l-anzjani se jkunu qed jieħdu ż-żieda sħiħa.
Iż-żewġ unions ewlenin ilhom is-snin jitolbu biex il-pensjonanti jieħdu l-istess żieda bħalma jieħdu l-ħaddiema.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, Gejtu Vella, kuntent bil-mekkaniżmu li ħabbar il-Gvern għax filwaqt li l-pensjonanti se jieħdu ż-żieda sħiħa mhux se jinħolqu anomaliji ġodda.
“Irridu noqogħdu attenti li ma tinħoloqx anomalija ġdida bejn il-pensjonanti għax jiġi żmantellat il-mekkaniżmu ta’ reviżjoni li għandna bħalissa u min ikun se jirtira fis-sena ta’ wara jieħu daqqa ta’ ħarta ’l isfel.
“Is-sistema li ntużat fil-baġit li l-anzjani jingħataw iż-żieda sħiħa, parti bħala żieda fil-pensjoni u parti bħala bonus, tevita li ma tinħoloqx anomalija ġdida,” isostni Vella.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb, hu ta’ l-istess opinjoni. “Il-GWU ilha snin twal ħafna titlob li l-anzjani jingħataw iż-żieda kollha tal-għoli tal-ħajja. Aħna naqblu ma’ kull sistema fejn dawn jieħdu ż-żieda kollha,” jgħid Zarb.
Iżda għal Albert Tabone mill-Assoċjazzjoni tal-Pensjonanti u veteran taċ-Ċivil, dak li ħabbar il-Gvern, għalkemm hu tajjeb, għandu difett.
Tabone jistqarr: “Jekk iż-żieda tkunx parti mill-pensjoni jew f’forma ta’ bonus ma tagħmilx differenza. L-iktar importanti għall-anzjan hu li jkollu l-flus fil-but. Madankollu, jekk parti miż-żieda tingħata bħala bonus, importanti li din tkun ikkunsidrata bħala parti mid-dħul ta’ l-anzjan meta eventwalment tinħadem il-pensjoni ta’ l-armla.”
Tabone isostni li l-bonus għandu jitqies bħala dħul biex ir-romol ma jkunux żvantaġġati.
“Kif poġġiha Gonzi jidher li ħalla loophole għax ma qalx jekk il-bonus hux se jkun ikkalkulat meta tinħadem il-pensjoni ta’ l-armla. Alfred Sant seta’ kien qed jirreaġixxi għal din il-loop-hole meta qal li jagħti ż-żieda sħiħa lill-anzjani bħala parti mill-pensjoni għax hekk awtomatikament il-pensjoni tar-romol tinħadem fuq id-dħul sħiħ,” itenni Tabone b’reazzjoni għall-proposta tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li Gvern Laburista jagħti lill-anzjani ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja.
“Il-proposta ta’ Sant tista’ sseħħ biss jekk ikun hemm riorganizzazzjoni sħiħa fil-mod ta’ kif isiru l-assessments tal-pensjonijiet. Jekk iż-żieda tal-għoli tal-ħajja tingħata sħiħa bħala parti mill-pensjoni dan il-mekkaniżmu jinqaleb ta’ taħt fuq u jkun irid jinbidel. Jista’ jkun Sant ma kienx qed jara l-implikazzjonijiet kollha ta’ dak li qed jipproponi,” jgħid Tabone.
S’issa Sant ma ta l-ebda spjegazzjoni ta’ kif se titwettaq il-wegħda tiegħu mingħajr ma toħloq problemi lis-sistema preżenti.
Hu fatt li fil-ġirja elettorali l-partiti politiċi se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex jidhru sbieħ man-nies. Gonzi ta żieda sħiħa issa għax l-ekonomija sejra tajjeb u Sant ma jridx iħarbat miżura li f’għajnejn in-nies hi pożittiva imma fl-istess ħin irid juri li hu se jagħmel l-affarijiet differenti.
Forsi għax ingidmu fil-passat, il-unions huma kawti ħafna fejn jidħlu l-wegħdi lejlet elezzjoni. Għal Gejtu Vella dan hu “l-agħar żmien” għax b’elezzjoni ġejja l-politiċi ma jqisux sew il-wegħdi li jagħmlu.
“Irridu naraw x’lingwaġġ qed jintuża mill-politiċi. Aħna favur il-proposta tal-MLP kemm-il darba din ma twassalx biex jinħolqu anomaliji ġodda bejn il-pensjonanti,” isostni l-kap tal-UĦM.
Min-naħa l-oħra Tony Zarb jgħid li l-GWU tappoġġa l-proposta tal-MLP “kemm-il darba l-pensjonanti jkunu se jieħdu ż-żieda kollha.” Madankollu jfakkar ukoll li llum diġà jeżistu ħafna anomaliji fil-pensjonijiet li qatt ma kienu indirizzati.
Jidher li għall-2008 l-anzjani se jkollhom iktar flus fil-but. Iżda dan mhux biżżejjed. Iridu serħan tal-moħħ li dak li ngħatalhom se jibqgħu jieħduh anki wara li tgħaddi l-elezzjoni mingħajr ma jkollhom iħabblu rashom dwar il-pensjoni tar-romol, dwar jekk l-ekonomija hux sejra tajjeb u dwar jekk hux se jitħarbat il-mekkaniżmu eżistenti li jirrevedi l-pensjonijiet ta’ dawk l-iktar żvantaġġati.

Iż-żieda fil-baġit

Baġit 1997
F’dan l-ewwel baġit ta’ amministrazzjoni ġdida Laburista ippreżentat f’Jannar minn Lino Spiteri ż-żieda tal-għoli tal-ħajja kienet ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li żdiedet għal Lm1.75 fil-ġimgħa minn April.
L-anzjani ħadu ż-żieda ta’ żewġ terzi skond il-liġi tas-sigurtà soċjali bil-Ministru tal-Finanzi jsostni li meta l-pajjiż jitpoġġa fuq sisien finanzjarji sodi tkun ikkunsidrata wkoll żieda sħiħa lill-anzjani.

Baġit 1998
Fit-tieni u l-aħħar baġit ta’ l-amministrazzjoni Laburista l-Ministru tal-Finanzi ħabbar żieda ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa. Il-pensjonanti kellhom jieħdu żieda ta’ żewġ terzi.

Baġit 1999
Fl-ewwel baġit ta’ amministrazzjoni ġdida Nazzjonalista, il-Ministru tal-Finanzi John Dalli ħabbar żieda ta’ Lm1.75 fil-ġimgħa bl-anzjani jieħdu żieda ta’ żewġ terzi. Biex ipatti għal uħud mill-miżuri ibsin li ttieħdu fil-baġit, Dalli ħabbar ukoll żieda ta’ Lm13 mal-bonus ta’ Marzu għal sena waħda biss.

Baġit 2000
Bl-inflazzjoni taħt kontroll Dalli ħabbar żieda ta’ Lm1 fil-ġimgħa bl-anzjani għal darb’oħra jieħdu dak dovut lilhom skond il-liġi tas-sigurtà soċjali.
F’dan il-baġit il-Gvern ħabbar ukoll ħlas f’Jannar ta’ kumpens li ma kienx taxxabbli ta’ Lm10 kull persuna. Dan il-kumpens ta’ darba biss kellu jagħmel tajjeb għat-tneħħija tas-sussidju fuq il-ħobż.

Baġit 2001
Il-kumpens tal-għoli tal-ħajja kif kalkolat mill-indiċi maqbul bejn il-partijiet soċjali immarka żieda ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa. Għal darb’oħra l-anzjani ħadu żewġ terzi taż-żieda.

Baġit 2002
Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja għal din is-sena kienet ukoll ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa. Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-mod kif l-anzjani jingħataw kumpens.

Baġit 2003
F’dan l-aħħar baġit ta’ l-amministrazzjoni Nazzjonalista għas-sena li fiha kellha ssir l-elezzjoni ġenerali ngħata kumpens ta’ Lm1.75 fil-ġimgħa lil min jaħdem filwaqt li għall-anzjani nħadem indiċi tal-prezzijiet separat li stabilixxa kumpens ta’ Lm1.27 fil-ġimgħa.
Il-bidla ta’ kif jingħataw iż-żieda l-anzjani fissret għal din is-sena li ħadu 10ċ iktar fil-ġimgħa minn dak li kieku kien dovut lilhom bis-sistema tas-soltu.

Baġit 2004
F’dan l-ewwel baġit ta’ wara l-elezzjoni, u l-aħħar wieħed ippreżentat minn John Dalli bħala Ministru tal-Finanzi, bl-inflazzjoni fl-iktar livelli baxxi tagħha, il-kumpens tal-għoli tal-ħajja kien ta’ Lm0.75 fil-ġimgħa.
Skond l-indiċi tal-prezzijiet maħdum apposta għall-anzjani ż-żieda tagħhom kellha tkun ta’ Lm0.45 fil-ġimgħa iżda l-Gvern iddeċieda li jtellagħha għal żewġ terzi taż-żieda li ngħatat lil min jaħdem u għalhekk ħadu Lm0.50.

Baġit 2005
F’dan l-ewwel baġit ta’ Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi ż-żieda kienet ta’ Lm1.75 fil-ġimgħa. L-indiċi tal-prezzijiet għall-anzjani kien abbandunat u dawn ħadu żieda ta’ żewġ terzi.

Baġit 2006
Fit-tieni baġit tiegħu Gonzi ta żieda ta’ Lm1.75 fil-ġimgħa iżda minħabba d-dħul tas-soprataxxa f’livelli rekord minħabba ż-żieda fil-prezz taż-żejt antiċipa ż-żieda tas-sena ta’ wara b’Lm0.50. Iż-żieda totali li ħadu l-ħaddiema fil-ġimgħa kienet ta’ Lm2.25.
L-anzjani wkoll ibbenefikaw miż-żieda antiċipata minħabba s-soprataxxa u għalhekk raw il-pensjoni tagħhom tiżdied b’Lm1.67 fil-ġimgħa.

Baġit 2007
Il-ħaddiema ħadu żieda ta’ Lm1.75 fil-ġimgħa wara li Lm0.50 kienu diġà ngħataw sena qabel. L-anzjani ħadu żieda ta’ żewġ terzi ta’ Lm1.16 fil-ġimgħa.

Baġit 2008
Fl-aħħar baġit ta’ Gonzi qabel l-elezzjoni li jmiss iż-żieda sħiħa li ngħatat lill-ħaddiema kienet ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa, b’lira minnha tkun antiċipata mis-sena d-dieħla biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-qmuħ u ċ-ċereali.
L-anzjani ħadu ż-żieda ta’ żewġ terzi, li ammontat għal Lm1 fil-ġimgħa, kif ukoll bonus addizzjonali ta’ Lm26 biex ikunu ħadu ż-żieda kollha tal-għoli tal-ħajja.

Intervista

Pakkett prudenti, mhux ġeneruż
Kurt Sansone intervista lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech


Editorijal

Sahra bla taxxa


Il Punt
Baġit nieqes mill-viżjoni
Josie Muscat

TONI u PEPPI
L-Awtorità tax-Xandir: x'post f'soċjetà pluralista?


Emmanuel Micallef
Fiż-żarbun tal-prim attur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Baġit mhux programm elettorali



X'kien Jgħid
Wara l-ewforija ta' l-estimi



Wenzu Mintoff

Zimbabwe

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075