MediaToday

Sports | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52

Tedesco: Il-patrun tal-futbol Malti

Uffiċjalment hu l-patrun tal-Ħamrun Spartans. Jien u ħafna oħrajn inqisuh il-patrun tal-futbol Malti. U bir-raġun! Illum il-ġurnata hu persuna rtirata u mimli bl-għomor. Għandu 92 sena imma l-ħaġa impressjonanti tibqa’ l-memorja ta’iljunfant li għandu li jġibek f’dubju jekk dak li jkun qed jgħidlek seħħx ilbieraħ jew le.
Jien inqis lir-raġel bħala l-iskrittura tal-futbol Malti. Għadu l-istess persuna ta’ darba li trid twaqqfu int wara kull mistoqsija. Għal aktar minn siegħa, inpoġġi bil-qiegħda fis-salott tad-dar fejn joqgħod. Ma’ kull tweġiba u oħra dejjem jiftakar f’xi ħaġa ġdida li tkun iġġonġi jew għandha x’taqsam ma’ dak li nkun staqsejtu. Inkredibbli!
Jirrakkuntali fid-dettal episodji ta’ ċkunitu, minn meta mmilita fil-clubs ta’ Msida St. Joseph u Floriana u, s’intendi fil-club ta’ Ħamrun Spartans li miegħu rebaħ kulma joffri l-futbol Malti.
Qatt ma ġiet fuqi l-problema ta’ spazju f’din l-intervista ta’ kull ġimgħa li issa ili nagħmilha aktar minn sena. Madankollu kellu jkun Victor Tedesco li jġib fuqi din id-diffikultà.
Kif inpoġġi quddiemu jaħsadni. Jgħidli li lili sar jafni xi tmien snin ilu meta dak iż-żmien kont mexxejt ġimgħa ta’ xandir fuq stazzjon lokali għall-kampanja ġbir ta’ fondi għal Ħamrun Spartans. Ifakkarni li kien l-istess żmien ta’ meta l-Ħamrun tilfu protest fuq il-mejda ta’ partita li kienu rebħu 1-0 kontra Marsa. Kien preċiż f’kollox.
Illum hu persuna magħrufa mal-poplu Malti kollu speċjalment dak sportiv. Anki jekk baqa’ sa llum il-ġurnata saqajh ma’ l-art, iħoss li għandu jammetti għal dan kollu fl-ewwel mistoqsija li jagħmilli.
“Xi erba’ snin ilu tawni dak l-unur tal-65 sena karriera fil-futbol. Minn dak inhar irrealizzajt li ftit hawn min ma jafniex għax meta jsemmu l-Ħamrun isemmu lili u meta jsemmu lili jsemmu l-Ħamrun. Ismi sar sinonimu wisq ma’ l-Ispartans.
“Qabel kienu jafuni f’materji u affarijiet oħra imma meta kont ħadt f’idejja t-treġija tal-club Ħamruniż b’deċiżjoni kbira fija ridt nagħmilhom club glorjuż. Lill-partitarji tal-Ħamrun Spartans kont narahom dejjem akkaniti għat-tim imma dejjem kienu jiddiżappuntaw ruħhom.
Nitolbu jġedded il-memorji ta’ ċkunitu. B’id waħda fuq żaqqu u bl-oħra fuq is-sufan jirrakkuntali,
“Il-futbol Malti ili fih minn ċkuniti. Kont nilgħab ukoll ma’ Floriana, Msida u Sliema Rangers. Il-futbol kont ngħix bih. Kont abbati l-knisja ta’ l-Imsida u kont noħroġ mill-bieb ta’ wara biex immur nilgħab fit-toroq ta’ dawk in-naħat fejn kont noqgħod.
“Minbarra fl-amministrazzjoni ta’ l-Imsida kont ukoll f’dik ta’ Floriana. Niftakar li fl-1979 ġie għalija s-Sur Eddie Zammit Cordina u talabni biex immur mal-Ħamrun. Kont naf li l-Ispartans kien club jaħraq u diffiċli u għalhekk kelli nagħmel ċerti kundizzjonijiet li laqgħuhom. Il-club kien fi żmien ħażin ħafna u ngħid b’wiċċi mill-quddiem li wasalt għax miegħi dejjem kelli nies onesti u leali. Niftakar li fl-ewwel kumitat kelli ħames sewwieqa tat-taxis li kienu jaħdmu minn qalbhom.”
Kif isemmili l-club ta’ Msida St. Joseph ifakkarni li proprju ftit sigħat qabel kont għadni kemm nirċievi stqarrija għall-Istampa mill-istess club li fiha ħabbru l-mewt ta’ l-eks President Misidjan Joe Friggieri. Nagħtih l-aħbar jien. Jinħasad tant li bilkemm ma qabżitlux demgħa.
“Ġużi kien il-President li waqt il-presidenza tiegħu, l-Imsida telgħu mit-Tielet Diviżjoni għall-Ewwel Diviżjoni. Ma kienx biss President imma kulħadd kien iqisu bħala l-missier ta’ l-Imsida.
“Niftakar li darba talabni biex nieħu postu għax kellu ħafna xogħol imma hu baqa’ xorta jgħin lill-Kumitat. Ġużi kien Misidjan mill-kbar u dejjem għen lill-club u kien wieħed minn dawk li stinka ħafna biex il-club ta’ l-Imsida żviluppa u mexa ’l quddiem. Jiddispjaċini ħafna li ħallina.”
Victor Tedesco twieled fis-7 ta’ April 1915 u miżżewweġ lil Josephine. Hu missier ta’ ħamest itfal, Vince, Patricia, Hetherly, Doriette u Louise.
Jirrakkuntali kemm kienu diffiċli l-ewwel snin tiegħu fit-tmun tal-club Ħamruniż. Jgħidli li kien hemm uħud li ma setgħux iniżżluha li kien ġie minn club ieħor.
“Fil-bidu tal-presidenza tiegħi mal-Ħamrun kelli mmur barra minn triqti. Sentejn qabel kont fil-Kumitat tal-Furjana u kont ittimbrat xi ftit bħala Furjaniż. Kien hemm ħafna Ħamruniżi li ma tantx niżlitilhom u bir-raġun. Sibt ftit ta’ l-oppożizzjoni imma kelli nkun aħrax ma’ xi wħud.
“Niftakar li meta sirt President kien hemm min ġie jifraħli imma jien ma kelliex pjaċir bih. Allura għidtilhom nieħdu drink wieħed biss, nixorbuh, inħallsu jien u tistgħu toħorġu għax fil-club m’għandkomx aktar permess tidħlu.
“Niftakar li hekk kont bdejt l-avventura tiegħi. Nammetti li kont xi ftit dittatorjali imma fil-futbol irid ikollok id tal-ħadid għax fil-ħajja man-nies tajbin ssib ħafna spekulaturi. Jien kont tajthom il-ġenb u ħlist minnhom baxx baxx.”
Inkellmu wkoll fuq sħabu tal-Kumitat li flimkien mexxew il-Ħamrun tas-Snin Tmenin tad-deheb u jekk illum fadallux xi forma ta’ relazzjoni magħhom.
“Victor Tedesco waħdu ma seta’ jagħmel qatt xejn għax fil-ħajja l-flus mhux kollox. Irid ikollok min jgħinek u trid tkun tifhem xi ftit fil-logħba wkoll.
“Jien l-esperjenza bħala plejer ħadtha imma magħha ħadt ukoll l-esperjenza ta’ kowċ. Kull kowċ li kien mal-Ħamrun fi żmieni jaf li l-aħħar kelma kienet tkun tiegħi. Il-lecture kont nagħmlu jien għax kont inkun naf x’qed nagħmel. Lili ħadd ma seta’ jidħak bija la fil-pitch u anki barra l-pitch. Filwaqt li għamilt dan kollu għamilt ħafna għedewwa wkoll. F’ħajti sibt ħafna bsaten fir-roti mill-Kumitat stess imma bis-saħħa ta’ San Gejtanu l-kbir kont għelibthom kollha. Il-fatti juru waħedhom.”
Insaqsih kif kien ikollu l-kuraġġ li fit-tim jintroduċi tant żgħażagħ għall-partiti kruċjali. Ikellimni fuq każ partikolari.
“L-esperjenza tgħallmek. Niftakar li ħafna żgħażagħ kien imexxihom Dun Anton Portelli. Fil-bidu tiegħu kont użajt ħafna tfal li kienu għadhom jibdew. Jien lil Joe Brincat kont introduċejtu ta’ 16-il sena kontra Rabat Ajax. Għidtlu li ried jimmarka lil Carmel Busuttil. Ma ried jagħmel hekk b’xejn sakemm ikkonvinċejtu li jekk joħodlu erba’ blalen minn sitta kien se jitliflu rasu. Għidtlu biex jissikkah kulfejn imur. U hekk kien għax kienu tkeċċew Carmel Busuttil, ħuh David u Scerri. Spiċċaw bi tmien plejers. Dik il-partita kienet deċiżiva għar-Rabat għax irbaħnilhom u ġew relegati.”
Kelli mistoqsija oħra lesta. Jiddeċiedi li jkompli jirrakkonta. Deher interessanti. Inħallih…
“Ftit jafu li l-Ħamrun Spartans għamlu 12-il sena ta’ rekords kbar. Konna għamilna bla telfa staġun u nofs. Irbaħna 22 unur u wara ħafna kompetizzjonijiet internazzjonali konna aħna li kkwalifikajna f’kompetizzjoni Ewropea. Aħna għamilna żmien li skond il-ġurnal Franċiż ‘Le Monde’ konna t-23 tim fil-klassifika Ewropea. Dawn l-affarijiet ftit isemmuhom. Bl-għajnuna ta’ kulħadd il-Ħamrun Spartans minn kriżi tela’ fil-quċċata tal-futbol Malti. Konna nagħtu eżempju ta’ kif nippreżentaw ruħna fil-ground.”
B’dan ir-rebħ kollu nibqa’ skantat għalfejn kellu daqshekk għedewwa. Insaqsih fuq dan.
“Kien hemm ħafna nies li ppruvaw qabli. L-istess nies forsi baqgħu skantanti li jien irnexxieli. Mhux veru li dawn in-nies iħobbu lil Ħamrun. Niftakar li darba wieħed tal-Kumitat sab partitarju waqt rally u qallu biex javża lil dawk preżenti biex ma joqogħdux iċapċpuli kull darba li nitkellem li forsi kien il-vantaġġ tiegħi fejn oħrajn. Forsi kienu jagħmlu hekk għax fi żmienhom dejjem għamlu ħilithom biex jirbħu xi ħaġa imma ma rnexxilhomx. Meta raw li l-Ħamrun jissoda daħlet xi ftit tal-għira li jien nifhimha u nikkumpatihom ukoll għax id-dinja hekk. Imma l-istess nies ġieli għamlu affarijiet tajbin ukoll u ħarġu l-flus ukoll għal Ħamrun.”
Insaqsih kemm kien kbir id-dispjaċir li kien tneħħa jew twarrab bil-pulit fl-1998.
“Ma jiddispjaċinix għalija u dan qed ngħidu bl-akbar sinċerità. Sal-1998 konna għadna club tal-quċċata u meta neħħewni kienu neħħew lil kulħadd u bdiet it-triq tan-niżla. Waqajna tliet darbiet u jiddispjaċini ħafna li ħadt it-tort jien ukoll għax qalu li ġara dan kollu għax jien ridt nagħmel ground tagħna li llum hu l-Victor Tedesco Stadium.”
Jagħtini lok għal mistoqsija oħra. Il-Victor Tedesco Stadium. Insaqsih kif kien ħolom bi proġett tant kbir u maestuż.
“Lili kienu jgħiduli li qed niġġenen għax kelli ħolma li nagħmlu ground. L-ewwel konna nitkellmu fil-kumitat u isfel kienu jmorru jgħidu li l-President qed jiġġenen. U dan nafu għax kienu jgħiduli n-nies li kien ikun hemm. Jien kont ngħidlihom biex jistennew għax xi darba se nagħmluh. Fl-1998 kont għidtilhom li se jkollna ground u mhux se jkollna tim. U hekk ġara. Ara l-perjodu ta’ wara l-1998 u tinduna li erġajna ġejna tim ta’ żmien l-antik li nitilgħu u nerġgħu naqgħu.”
Nitkellmu fuq it-tim preżenti. Kollox jindika li l-Ħamrun Spartans jinsabu fit-triq it-tajba. Victor jgħid dan kollu b’wiċċu mill-quddiem.
“Din is-sena nidhru li qbadna t-triq it-tajba. Irridu noqogħdu attenti ħafna għax jekk titlef partita ma’ ta’ taħtek malajr jaqbżuk. Irridu nżommu dejjem f’moħħna min se jkun is-sitt tim għax jekk immorru Relegation Pool jinqasmu l-punti u kulħadd jiġi ma’ xulxin. Għandna ħafna plejers zgħażagħ ta’ livell kbir. Jekk il-plejers jiġu mpustati tajjeb nistgħu nikkompetu ma’ kull tim.
Nitkellmu fuq it-tim tas-Snin Tmenin. Jirrakkuntali l-entużjażmu li kien hemm fit-toroq tal-Ħamrun dawk iż-żminijiet.
“Konna nagħmlu festa wara kull logħba. Kellna tim qawwi ħafna u ġieli konna żewġ goals minn taħt u nġibuhom. Jien kont dejjem nimposta lill-oppożizzjoni bil-blackboard u l-kartun u nistudja t-tajjeb u d-dgħajjef li kellhom. Il-logħob konna nirbħuh hekk.
“Meta kont immur id-dar kont nistudja kull ġimgħa l-avversarji li kien imiss. L-iktar kowċ li rebaħ miegħi kien Lolly Aquilina. Miegħu kont nagħmel il-homework skond l-oppożizzjoni. Hu kien jagħmel tiegħu u jien nagħmel tiegħi.
Niftaħlu l-każ ta’ Raymond Vella. Victor kien ġie taħt attakk li xtara Mercedes bil-flejjes li kien nefaq għalih.
“Bil-Mundu konna għamilna l-ewwel żewġ partiti li fihom ma setax joqgħod. Kulħadd jgħajjarni miġnun għax xtrajt Mercedes. Jien ngħidlek li l-valur tiegħu kien daqs għaxar karozzi Mercedes. Miegħu kien hemm plejers oħra tajbin ħafna imma kien hu s-surmast ta’ nofs il-ground.
“Għalija Ray Vella kien plejer uniku. Id-differenza bejnu u bejn plejers kienet li hu kien jilgħab għall-plejers u mhux il-plejers jilagħbu għalih. Carmel Busuttil kien plejer kbir ukoll imma l-istiel tiegħu kien differenti. Carmel kien jistenna mingħand l-oħrajn mentri Ray kien jilgħab għall-oħrajn. Carmel bravu ħafna u għamel suċċess kbir barra minn Malta. Imma l-Mundu jibqa’ uniku. Jien nipparagunah ma’ Baresi li kellhom il-Milan. Aħna konna lgħabna tournament Palermo li fih Ray lagħab kwarta biss u rebaħ il-plejer tat-tournament. Forsi ħadd ma jafha li l-Mundu kien kważi lest se jingħaqad ma’ tim fi Sqallija imma mbagħad kien sfratta kollox.”
Ikellimni fuq il-Valletta li kienu l-ikbar rivali tal-Ħamrun Spartans dawk iż-żminijiet. Jirrakkuntali l-famuża partita li fiha l-Ħamrun rebħu lill-Belt 2-1 fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat. U hawnhekk terġa’ tispikka l-memorja tiegħu meta ftakar dak li kien qal fuqu f’intervista simili l-eks President ta’ Valletta, Joe Caruana Curran, f’dan il-ġurnal daqs sena ilu.
“Ir-rivali tagħna dejjem kienu l-Belt. Meta dħalt jien President tal-Ħamrun, bejn iż-żewġ settijiet ta’partitarji kien ikun hemm vjolenza kbira. L-ewwel ħaġa li ppruvajt nagħmel jien kien li naqta’ x-xeni vjolenti. Irnexxieli naqtagħhom bis-saħħa wkoll tas-Sur Joe Caruana Curran li miegħu kont niftiehem u naqbel magħha.
“Dak inhar kienet qamet waħda kbira fl-aħħar logħba u l-Belt kienu se jieħdu l-kampjonat bla telfa. Ma nafx kemm il-karru bi twiebet kienu għamlu fuqi u t-tgħajjir li kont ħadt fil-ground kien wieħed kbir. Kont niddejjaq meta ma jgħajjrunix għax kont ngħid, ‘X’ġara, jaqaw se nitilfu?’.
“Bejn iż-żewġ kumitati konna nimxu id f’id u tant hu hekk li l-aħħar kampjonat li rebħu ridt bilfors li jgħaddu mill-Ħamrun. Kont kellimt lil Joe Caruana Curran u ftehimna mal-Pulizija. Morna nkellmu lill-Pulizija u dħalt responsabbli jien. Niftakar li kienu għaddew minn Strada Reali u daħlu l-każin ħdejna. Lill-Pulzija kont għidtlu li se nieħu r-riskju għax ridt li flok jgħaddu minn Strada Reali u jieqfu jpixxu u jitfgħu l-flixken, se jieqfu biex jieħdu drink. Konna tajnihom souvenir ukoll. Dak inhar bdew jgħajtu viva San Gejtanu l-Beltin ukoll.
“Qed niftakar li kont qrajt l-intervista tiegħek miegħu fl-ewwel edizzjonijiet ta’ ‘l-Illum’ fejn fiha kien semmieni. Nixtieq nirringrazzjah ħafna tal-ħsieb li kien qal fuqi. Apprezzajt ħafna d-diskors li kien qal. Illum nixtieq nirreċiproka dak li qal fuqi pero’ daqs kemm kont tajjeb jien kien tajjeb hu biex imexxi t-tim tal-Belt.
“Hi ħasra li kellu jsib f’ħajtu nies ingrati li ma apprezzawx biżżejjed ix-xogħol li għamel. Illum smajt li reġa’ daħal fil-Kumitat tal-Belt. Ċert li flimkien mas-Sur Victor Sciriha se jirnexxilhom jaslu ħafna ’l bogħod.”
Ikellimni fuq l-ikbar ferħa li ħa kemm dam imexxi l-club Ħamruniż u fatt kurjuż li kien ġara f’partita partikolari kontra Ħaż-Żebbuġ.
“L-ikbar ferħa li ħadt kienet żgur meta rbaħna lil Belamina away u home għax kienet xi ħaġa li biha ferħet Malta kollha. Konna ksirna rekord għax irbaħna home u away fuq il-mertu tagħna. Il-ground Ta’ Qali kien ippakkjat sa snienu. Kienet xi ħaġa glorjuża.
“L-iktar waħda kurjuża kienet ta’ l-10-0 kontra Ħaż-Żebbuġ. L-ewwel logħba kelli nsiefer bilfors fis-Sawdi Arabja u marret għall-ewwel darba marti floki l-ground. Kienet ix-xita u tħabatna ħafna ma’ Ħaż-Żebbuġ. Kellna nitilfu u rbaħna kumbinazzjoni bit-tieni goal jaħbat ma’ saqajn Salerno u jispiċċa ġewwa.
“Meta ġejna għat-tieni round għidt lill-plejers li l-aħħar darba l-ballun ma ridx jidħol imma din id-darba biex jidħol ħafna kull goal li tiskurjaw għandkom għaxar liri. Skurjaw għaxra u kont jien stess li bdejt inwaqqafhom biex ma jiskurjawx aktar. Kont indikajtilhom li bija mhux se jidħku. Biex taqbad brikkun trid tkun brikkun ieħor. L-esperjenza ta’ żmieni għallmitni ħafna.”
Minn tant snin ta’ glorja u suċċessi nsaqsih għandux xi ħaġa li jiddispjaċih li għamilha u li ma jerġax jagħmilha jekk ikollu jreġġa’l-arloġġ lura.
“Ma nixtieqx li wara dan iż-żmien kollu nerġa’ niftaħ il-każ. Pero’ minħabba d-dixxiplina li kelli tlift plejer li ta servizz kbir lill-club. Ħadd ma apprezza dak li għamilt. Li kelli nerġa’ nreġġà l-arloġġ lura żgur li ma nagħmilx dak li għamilt. Meta nara li ħaddieħor m’għamilx bħalma għamilt jien jiddispjaċini li ċertu plejer kellu jkun il-ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ kollox.
“Kieku kelli nerġa’ nsir żgħir u nkun il-President tal-Ħamrun l-uniku ħolma li bqajt ma wettaqtx hi li naqleb lit-tim professjonali. Dak li kont se nagħmel jien u bil-mod kif kont se nagħmlu ħadu l-idea minnu l-MFA meta għamlu tim sħiħ kważi professjonali.
“Din l-idea jekk jaħdmu fuqha tista’ ssir biex il-plejers jitħarrġu flimkien ċerti sigħat kuljum. It-tajjeb jaf jarah kulħadd u għalhekk li l-MFA kienu għamlu hekk bit-tim nazzjonali.”
Inħares lejn it-tape recorder. Kien wasal biex ifaqqà wkoll mit-tieni naħa. Me kellix tape ieħor biex inkompli nirrekordjah. Jirringrazzja u jsellem lil dawk kollha li tul ħajtu kienu l-aktar nies viċin tiegħu.
“Nixtieq nirringrazzja lill-President kollha ta’ żmieni. F’moħħi jiġuni nies bħal Joe Caruana Curran, Tony Bezzina, Tony Grech Sant, Victor Zammit, Victor Gauci, Tony Abela, Edward Schembri, Salvu taż-Żurrieq, George Bonello Dupuis, Robert Arrigo u Herbert Messina Ferrante li kien jirsisti ħafna biex jirbħilna. Niftakar li darba waqajna fuq xulxin ukoll wara logħba tat-Trophy. Nirringrazzja wkoll lil Dr George Abela u lil Dr Joe Mifsud. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-membri ta’ l-Eżekuttiv ta’ żmieni li ħdimna tant tajjeb flimkien.
“Fl-aħħarnett nirringrazzja lill-familja tiegħi speċjalment lil marti u lit-tifla li għandi dejjem id-dar għax ħadet ħafna nsulti f’ħajjitha. Nirringrazzja lil dawk kollha li kienu miegħi fil-kumitat tal-Ħamrun. Minn hawn ngħidilhom li jekk jien inqast lil xi ħadd f’xi ħaġa nitlobhom jiskużawni u jaħfruli imma ngħidilhom li jien dak li għamilt dejjem għamiltu fl-interess tal-club tal-Ħamrun Spartans.
“Illum il-ġurnata ngħid b’wiċċi minn quddiem li l-ħafna affarijiet li ntqalu jew ippruvaw ipoġġuhom fuqi telgħu f’wiċċ l-ilma. Jien niftaħar li kont il-President li fraħt u ferraħt. Jien b’xejn u qatt ma nista’ ninfired mill-Ħamrun.”
Filwaqt li nsuq lura naħseb kemm hi diffiċli biex persuna jingħata spazju darbtejn f’dawn iż-żewġ paġni ta’ kull ġimgħa. It-tape bil-vuċi tiegħu mhu se nħassru qatt. Se nżomm rikordju ta’ dak li meta kont daqsxejn ta’ tifel wassal lit-tim tal-futbol tal-lokal fejn trabbejt sa l-ogħla livelli tal-futbol Malti b’tant snin tad-deheb.
Ad multos annos Presidente!

Intervista

Pakkett prudenti, mhux ġeneruż
Kurt Sansone intervista lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech


Editorijal

Sahra bla taxxa


Il Punt
Baġit nieqes mill-viżjoni
Josie Muscat

TONI u PEPPI
L-Awtorità tax-Xandir: x'post f'soċjetà pluralista?


Emmanuel Micallef
Fiż-żarbun tal-prim attur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Baġit mhux programm elettorali



X'kien Jgħid
Wara l-ewforija ta' l-estimi



Wenzu Mintoff

Zimbabwe

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075