Carmelo Mifsud Bonnici | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52 Baġit mhux programm elettorali1.Issa li l-poplu qiegħed jagħraf aħjar il-miżuri tal-Gvern, immexxi fir-raba’ darba mill-Prim Ministru, is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż hi waħda ta’ approvazzjoni. Tmur fejn tmur tara li hemm l-għarfien li fuq dak li sar fis-snin preċedenti l-poplu qiegħed javvanza ’l quddiem. Mhemmx dubju li l-elettorat li jifli u jrid jara l-argumenti minn fuq s’isfel illum il-ġurnata għandu quddiemu esperjenza ta’ kif dan il-Gvern biddel l-affarijiet ta’ l-Istat. It-trasformazzjoni ta’ dawn il-gżejjer hi daqshekk qawwija li aħna stess qegħdin, ma’ kull ġurnata li tgħaddi, nifhmu l-pożizzjoni l-ġdida. 2.Il-poplu ġustament ivvota favur li aħna nsiru parti mill-Unjoni Ewropea u dan ġab miegħu ħafna bidliet. Bidliet li kienu konsegwenza tal-livell għola li ċ-ċittadini tagħna ħaqqhom. Il-verità hi li dawn il-passi kienu u għadhom parti importanti minn ċaqliq ’il quddiem fis-setturi ekonomiċi, soċjali, kulturali u legali tagħna lkoll. Mhemmx suġġett wieħed li fih il-pass għaqli ta’ l-Unjoni ma rreġistrax gwadann ’il quddiem. Però dan minnu nnifsu fisser li l-mekkaniżmu finanzjarju u istituzzjonali ried jifhem, jagħraf u jikber f’dik id-direzzjoni u dimensjoni. 3.Il-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali tiegħu tal-2003 kulma ried iniżżel kien il-kliem: “Nidħlu u nħaddmu l-pożizzjoni tagħna fl-Unjoni Ewropea”. Iżda għaraf li dik is-sustanza kienet qsajra wisq u għalhekk inkiteb programm elettorali. Dan kien il-mandat sħiħ li fuqu l-poplu għaraf li għandu jgħabbi r-responsabbiltà tal-Gvern fuq il-Partit Nazzjonalista. Illum, wara erba’ snin u nofs skorruti, wieħed jagħraf li l-qabża stess fil-pożizzjoni tagħna ġabet ukoll għarfien differenti għall-Gvern stess. Għax altru l-laqgħat u d-diskussjonijiet qabel id-dħul u altru li wieħed ikun qiegħed jaħdem hemm ġew. Il-mandat elettorali estenda ruħu u, għax ġie hekk, il-poplu ħa benefiċċju ferm iktar qawwi għax ħafna drabi jekk għandek tbiddel, aħjar tagħmel hekk mill-ewwel milli ddum. Il-qabżiet li saru seħħew proprju minħabba din id-determinazzjoni. 4.F’dan, il-Gvern bid-diversi ministeri tiegħu, tul din il-leġislatura ġab ħafna miżuri ġodda fis-seħħ. Jekk wieħed ikollu jagħmel lista jsib diffikultà kbira għax tant isiru passi ’l quddiem li ħafna drabi dawn jintesew. Jintesew għax il-poplu jkun moħħu dejjem f’dak li qed jiġri f’dik il-ġurnata u mhux f’dak li sar qabel. Hu minnu li l-politiċi bħali jerġgħu jfakkru iżda fix-xenarju tal-ġurnata jridu joqogħdu attenti għax il-poplu malajr jixba’ bihom u ma jsegwix iktar kliemhom. Għalhekk fid-dinja tagħna, b’pajjiż modern u demokratiku li għandna, dejjem hemm il-bżonn li wieħed jokkupa l-ispazju tal-media u l-gazzetti b’inizjattivi verament ġodda. 5.Għalhekk hu dejjem iktar vitali li min hu fil-politika jħares lejn l-esperjenzi barranin u jinxteħet jaqra biex jitwieldu ideat ġodda. Riċentement bdejt naqra l-ktieb The Age of Turbulence ta’ Alan Greenspan u fih laqatni li hu kien iżomm għalih innifsu siegħa fil-jum biex jaqra u jirrifletti fuq dak li jkun għaddej minnu. Min għandu l-età tiegħi u qiegħed impenjat jixtieq u jixxennaq iktar għal dawk il-minuti. Hu pass importanti ta’ ħidma diretta li wieħed iħares lejn dak li kien qed jgħid u jerġa’ jeżaminah biex jiċċaqlaq ’il quddiem. 6.Ħafna drabi l-miżura finanzjarja li tittieħed fl-aħħar tas-sena fil-baġit hi dik li tagħti direzzjoni ferm iktar qawwija mill-miżuri l-oħra. Għalhekk ikun hemm iktar attenzjoni għaliha anke jekk irid jingħad li l-importanza ta’ dik il-ġurnata kienet qiegħda tonqos. Forsi tidher li qed tikber maġġoranza ta’ dawk li għalihom fil-baġit, l-importanti hu li ma jkunx fih taxxi. Iżda dan id-diskors tal-baġit ġibed iktar attenzjoni għax kien hemm spjegazzjoni iktar diretta u ċara tan-nefqa ekonomika li qed tiġi prospettata għas-sena li ġejja. 7.Li hu żgur hu li tfassal f’termini tal-qafas il-ġdid dak li jinkorpora ruħu fit-termini ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Partit Nazzjonalista fehem din ir-realtà l-ġdida u issa qiegħed ifassal il-programm elettorali għall-ħames snin li ġejjin fuq dan il-binarju. Għall-kuntrarju, din il-qabża ta’ sens u kwalità għadha ma waslitx fi ħdan il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni. Għadu ma wasalx f’dan l-għarfien u għalhekk il-kunċett tiegħu, kemm tal-baġit kif ukoll tal-manifest elettorali, għadha f’termini ta’ qabel id-dħul fl-Unjoni Ewropea. Wegħdi jew proposti li ma jagħrfux li hemm qafas li qabel ma kienx hemm. Għalkemm mhemmx dubju li l-baġit ma kienx programm elettorali, però jekk it-tnejn iridu jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ llum, iridu jkunu indirizzati fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
Intervista
|
|