MediaToday

Emmanuel Micallef | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52

Fiż-żarbun tal-prim attur...

Kieku l-Parlament kien teatru verament jafu jqaxxruha l-parti, kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni bħala atturi. Jew aħjar bħala prim atturi, għax imbagħad hemm il-membri l-oħra li wkoll huma atturi gwappi, iżda jagħmlu parti sekondarja, b’uħud minnhom ħaqqhom l-Oscar għall-kapaċitajiet teatrali tagħhom.
Sfortunatament, għalkemm l-istrangers’ gallery tkun vojta fil-biċċa l-kbira tas-seduti iżda l-udjenza dejjem preżenti, tosserva u ssegwi x’inhu jiġri. L-udjenza mhi ħadd ħlief aħna ċ-ċittadini li bil-vot tagħna neleġġu lil dawn l-atturi politici ta’ l-aqwa kwalità!
Hekk għadda minn rasi wara li qgħadt nisma’ d-diskorsi li għamlu ż-żewġ mexxejja politiċi tal-partiti rappreżentati fil-Parlament bi tweġiba għad-diskorsi ta’ xulxin. Iżda ħalluni nagħtihom il-benefiċċju tad-dubju u nifli ftit fiex deħlin jew fiex daħlu Alfred Sant u Lawrence Gonzi.
Alfred Sant bħala Mexxej ta’ Partit ma jinżilx għasel ma’ kulħadd. Hemm min ipinġih bħala karattru ikrah meta fil-fatt mhux. Madwaru għandu min jafdah b’għajnejh magħluqa, jemmen fih u jgħożż il-kapaċitajiet intellettwali u l-istil tat-tmexxija tiegħu.Jarawh bħala l-aħjar persuna li tista’ twassal biex il-Partit Laburista jerġa’ jieħu l-Gvern.
Hemm ukoll min jaċċettah b’inqas ħeġġa. La hemm hu fit-tmun ma nfixkluhx u allura nimxu warajh għall-ġid tal-partit wara kollox. Hemm oħrajn li jagħmlu distinzjoni netta bejn il-mexxej u l-partit u baqgħu ma aċċettawhx jagħmel x’jagħmel. Hemm min ukoll li għamel u-turn fil-ħsieb dwaru. Min kien kontrieh llum sar ħobża u sikkina miegħu. Dawn kollha huma Laburisti u iktar iva milli le kollha jivvotaw Labour fl-elezzjoni li ġejja.
M’għandniex xi ngħidu, fost l-avversarji hemm min ma jaħmlux pinġut, hemm min jibża’ mill-intelliġenza tiegħu u ma jafdahx fil-veru sens tal-kelma, u hemm oħrajn mill-kamp oppost li filwaqt ma jġibuhx imma jridu lilu fit-tmun għaliex “sakemm idum hu, l-partit tagħna rebħa għandu”.
Imbagħad hemm il-floaters li min-natura tagħhom ma jiġġudikawhx fuq id-dehra tiegħu imma fuq kliemu u għemilu. Ħafna minn dawn verament jixtiequ l-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż iżda jibqgħu jsaqsu sa l-aħħar minuta jekk il-Partit ta’ l-Oppozizzjoni taħt it-tmexxija ta’ Sant hux se jkun gvern aħjar milli għandna. Bosta minnhom jemmnu fl-integrità tal-mexxej Laburista iżda għad m’għandhomx il-fiduċja assoluta li jistgħu jħallu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.
Id-dilemma li tiddomina l-garigori ta’ moħħhom hi mibnija fuq jekk Alfred Sant ta’ llum hux Alfred Sant ta’ 10 snin ilu. Jekk tgħallimx mill-iżbalji ta’ l-imgħoddi u nbidel jew jekk hux ta’ karattru li “ħmar taqtagħlu denbu ħmar jibqa’!” Bejnhom u bejn ruħhom isaqsu jekk Sant kibirx fl-istatura politika tiegħu jew inkella hux tassew attur prim.
Din hi l-isfida u l-piż li għandu l-Mexxej Laburista minn issa sa l-elezzjoni li ġejja. Irid iżomm il-partitarji tiegħu magħqudin warajh; irid jirribatti l-kritika ġusta u inġusta ta’ l-avversarji u jrid jipperswadi lill-indeċiżi biex jieħdu deċiżjoni favurih. Irid jagħmel dan kontinwament u b’ċertu għaqal għaliex f’kampanja elettorali mhux biss hu importanti dak li tgħid jew twiegħed imma wkoll dak li ma tgħidx jew li tipprova tnessi. Jekk jiżgarra, anke jekk innoċentement, ukoll jrid ipatti qares!
Il-poplu tgħallem maż-żmien. U l-floater ta’ llum sar iktar sofistikat. Mhux li jfittex ix-xagħra fl-għaġina iżda li jistenna tweġiba dritta għall-mistoqsijiet li jagħmel. Mhux biss x’jgħid u xi jwiegħed irid jara Alfred Sant, iżda wkoll kif jgħidu u jissostanza dak li jgħid. Sa llum nara li ċerti proposti mressqa mill-Partit Laburista huma straight forward u mhemmx fiex tiddubita. Ngħidu aħna l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jingħataw lura għaliex bit-tneħħija tagħhom ma kinitx affettwata b’mod esorbitanti l-produttività u l-kompetittività.
Iżda hemm proposti oħrajn li jridu iktar spjegazzjoni. Pereżempju, faċli biex nifhmu li ma titħallasx taxxa fuq is-sahra u kulmin jagħmel is-sahra jilqa’ proposta bħal din b’ruħu u b’ġismu! Iżda l-floater irid jifhem x’riperkussjonijiet tista’ ġġib miżura bħal din fuq il-ħaddiema, min iħaddem u d-dħul tal-Gvern qabel ma jikkonkludi kemm hi valida proposta bħal din.
Anke dwar kif se titnaqqas is-surcharge bin-nofs ħafna huma dawk li jixtiequ spjegazzjoni ta’ kif se jiġri dan! Ħadt punti li ssemmew fid-diskors li għamel Alfred Sant bi tweġiba għad-diskors tal-baġit. Għoġobni dan id-diskors mhux biss għal ħafna mill-kontenut tiegħu imma wkoll għall-mod kif kien strutturat, maħsub, ippjanat u żgur li kien effettiv ma’ firxa kbira ta’ l-elettorat.
Alfred Sant ma waqafx mal-kritika negattiva fuq il-baġit – li din id-darba kienet iktar diffiċli li tagħmilha għax il-baġit fih ħafna inizjattivi u miżuri tajbin u pożittivi – iżda ressaq ix-shadow budget tiegħu bi proposti alternattivi.
Kemm kienu effettivi dawn il-proposti alternattivi fost il-floater hi kwistjoni oħra iżda l-fatt li għamilhom diġà kien pass ’il quddiem biex tibda titneħħa l-perċezzjoni li Sant jara kollox doom and gloom f’dan il-pajjiż! Naturalment kien jinħass iktar effettiv f’diskorsu meta tkellem dwar l-għoli tal-ħajja u l-korruzzjoni fil-pajjiż milli meta tkellem dwar kemm għandu tim dinamiku madwaru li lest li jbiddel lil Malta ta’ taħt fuq!
Fl-opinjoni tiegħi dan kien diskors tajjeb u Sant irnexxielu jirkupra sew il-punti li kien tilef f’diskors ieħor li kien għamel proprju xahar qabel.
Imma nhar l-Erbgħa li għadda l-Prim Ministru ma rribattiex b’mod mill-iktar konvinċenti kulma qal Alfred Sant? Jista’ jkun... dak narawh il-Ħadd li ġej!

Intervista

Pakkett prudenti, mhux ġeneruż
Kurt Sansone intervista lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech


Editorijal

Sahra bla taxxa


Il Punt
Baġit nieqes mill-viżjoni
Josie Muscat

TONI u PEPPI
L-Awtorità tax-Xandir: x'post f'soċjetà pluralista?


Emmanuel Micallef
Fiż-żarbun tal-prim attur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Baġit mhux programm elettorali



X'kien Jgħid
Wara l-ewforija ta' l-estimi



Wenzu Mintoff

Zimbabwe

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075