MediaToday

Ittri | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52

L-Ombudsman se jibqa' gallerija?

Minn Saviour Cachia,
Marsaskala

Bħala resident ta’ Wied il-Għajn interessat ħafna nkun naf jekk l-Ombudsman għażilx li jaħsel idu għal kollox jew kif inhu dmiru hux se jara li r-rapport li tħejja mill-Awditur tal-Mepa Joseph Falzon jarax id-dawl jew le.
Filwaqt li aħna r-residenti għadna b’domanda kbira jekk it-twaqqigħ u t-tkabbir mill-ġdid ta’ l-impjant tar-riċikilaġġ ta’ l-iskart f’San Antnin hux qed isir b’mod legali jew le, il-Gvern lejliet l-elezzjoni qed jgħid li kollox hu f’postu. Nafu li għad hemm deċiżjonijiet li jridu jinħarġu mill-qrati u l-istess Mepa.
Jekk nifli d-diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi dwar l-impjant meta ppreżenta l-baġit għall-2008, il-loġika timbuttani biex ngħid li kollox hu f’postu.
Il-Prim Ministru qal dawn il-preċiżi kelmiet: “L-ewwel fażi ta’ l-immodernizzar ta’ l-impjant tar-riċiklaġġ f'San Antnin se tkun lesta sal-bidu tas-sena d-dieħa, filwaqt li l-kumplament se jkun lest lejn nofs l-2008. Hawnhekk qed ikunu investiti 11-il miljuna lira (25.6 miljun ewro), ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
“Se jinbeda x-xogholl fuq 'Park għall-Familja' fuq medda art bejn l-impjant u r-Razzett tal-Ħbiberija. Is-somma globali għal dan il-park mistennija tlahhaq il-5 miljun ewro (Lm2.1miljun).”
Imma sadanittant allura x’inhu jżomm lill-Ombudsman Joseph Said Pullicino milli jagħti l-barka lill-awditur tal-MEPA, il-Perit Joseph Falzon, milli joħroġ l-istudju li għamel dwar dan l-impjant?
Ma nifhimx li l-Prim Ministru hu rresponsabbli u li se jikkommetti ruħu fuq proġett li dwaru jista' għad hemm dubju hux leġittimu jew le? Alla ħares ikun hekk.
Nistaqsi l-Oppożizzjoni Laburista, b’mod partikolari lid-deputati preżenti u l-kandidati kollha Laburisti li ħerġin fit-tielet distrett, kif qed jieħdu kollox bħala fatt. Kif mhumiex jagħfsu biex ix-xogħol li diġà nbeda fuq l-impjant ikun sospiż, almenu sakemm ikun ivverifikat mir-rapport ta’ l-Awditur Falzon li kollox hu floku u sewwa.
Possibbli li l-Partit Laburista se jerfa' responsabbiltà li jkun baqa' passiv quddiem it-tkomplija ta' proġett li jista' jirriżulta li mhux leġittimu?
Sinċerament kemm l-atteġġament tal-Prim Ministru, dak ta’ l-Oppożizzjoni Laburista u ta' l-Ombudsman tassew inħossu jħawwadni. Ma nistax nifhem x’inhu jżommhom milli jqiegħdu l-karti kollha fuq il-mejda.
Ma rridx li jgħaddili minn moħħi li minn wara dahar ir-residenti ta’ Wied il-Għajn sar ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex tħokkli dahri ħalli nħokklok tiegħek fejn jidħol il-proġett tar-riċiklaġġ, meta hemm dubji serji dwar l-impatt negattiv għas-saħħa, għall-ambjent u għall-valur tal-proprjetà.
Hi sorpriża kif dwar il-kwistjoni tas-saħħa, l-istudju dwar l-impatt fuq ir-residenti ma sarx. L-Ombudsman qed jingħad li irrakkomanda lill-Awditur Joe Falzon biex ma jikkonkludix ir-rapport u ma jkunx ippubblikat għaliex jippreġudika lill-MEPA peress li hemm appell pendenti.
Dan għalija hu argument bażwi u inġust. L-ewwelnett hemm diversi rapporti li ġew ippubblikati minkejja l-appell pendenti. Fost dawn hemm ir-rapport tar-Ramla l-Ħamra li kien ippubblikat wara r-rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman lill-Awditur.
It-tieni, il-kwistjoni ta’ l-impjant hi ta’ interess nazzjonali tant li l-Prim Ministru għoġbu jirreferi għaliha waqt il-preżentazzjoni tal-baġit għall-2008. Bl-istess argument dan id-diskors ma jippreġudikax l-interessi tar-residenti fl-appell?

Intervista

Pakkett prudenti, mhux ġeneruż
Kurt Sansone intervista lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech


Editorijal

Sahra bla taxxa


Il Punt
Baġit nieqes mill-viżjoni
Josie Muscat

TONI u PEPPI
L-Awtorità tax-Xandir: x'post f'soċjetà pluralista?


Emmanuel Micallef
Fiż-żarbun tal-prim attur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Baġit mhux programm elettorali



X'kien Jgħid
Wara l-ewforija ta' l-estimi



Wenzu Mintoff

Zimbabwe

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075