Intervista | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
Kurt Sansone intervista lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech
Għandi nifhem li Tonio Fenech xtaq li dan l-aħħar baġit jippreżentah hu anki jekk dwar dan ma jsemmi assolutament xejn waqt l-intervista. Lanqas ma nistaqsih fuq hekk iżda tul l-intervista darbtejn tiżloqlu l-kelma ‘jien’ b’referenza għall-preparazzjoni tal-baġit, donnu biex juri li hu lagħab parti importanti ħafna fil-proċess.
Sa l-aħħar baqa’ fid-dell ta’ Lawrence Gonzi minkejja dak li kien qalli l-Prim Ministru ftit wara li leħaq mexxej tal-PN li kien se jżomm il-finanzi taħt idejh għal sentejn imbagħad jitilqu.
M’hemmx dubju li Fenech kien fus importanti fit-tmexxija tal-finanzi f’dawn l-aħħar tliet snin anki jekk il-Prim Ministru baqa’ fil-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi. Kien Fenech li ltaqa’ mal-partijiet soċjali, kien hu li indirizza l-konferenzi stampa u li tkellem b’mod kostanti mal-media dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż. U jekk forsi sa sentejn ilu l-aħbarijiet li kellu ma tantx kienu sbieħ għall-poplu, bejn is-sena li għaddiet u l-baġit ta’ ġimgħatejn ilu l-affarijiet inbidlu għall-aħjar.
Inpoġġu bilqiegħda fl-uffiċċju tiegħu fil-bini tal-Parlament. Quddiemna għandna tliet kwarti bl-arloġġ. Kien qed jistenna l-vot b’division fuq l-estimi tal-Ministeru tal-Ġustizzja u filwaqt li jiskużu ruħu li biddel il-post ta’ l-intervista jgħidli b’nofs daħqa: “mhux sew li l-Gvern jaqa’ għax ninqabad f’intervista miegħek.”
Nistaqsi lil Fenech jekk il-pajjiż jiflaħx għall-pakkett ġeneruż li ppreżenta fil-baġit?
“Iva, għax hu pakkett prudenti, mhux ġeneruż. Jien ippreżentajt l-estimi tal-ħruġ u d-dħul u allura qed nuri kif il-baġit bil-miżuri li fih jista’ jkun iffinanzjat.
“Nitbissem meta Alfred Sant jgħid li se jaqta’ s-soprataxxa bin-nofs mingħajr ma jippreżenta l-estimi biex juri kif se jiffinanzja din il-miżura. Il-wish list li ppreżenta Sant nhar it-Tnejn li għadda tiswa’ l-miljuni. Imissu jagħmel il-kalkoli tiegħu u jtina l-figuri ta’ x’qed jipproġetta li jdaħħal u jonfoq,” iwieġeb Fenech fuq l-attakk
Jantiċipali l-mistoqsija ta’ wara u jgħid li bis-sħubija fiż-żona ewro llum il-Gvern ma jistgħax jilgħab bl-estimi.
“Spiċċa ż-żmien tal-gimmicks bl-estimi għax il-baġit ikun mgħarbel mill-Kummissjoni Ewropea (KE). Għamilna u qed inkomplu nagħmlu diskussjonijiet tekniċi ma’ l-UE fuq l-estimi li ppreżentajna. Jekk il-KE ssib problema se tgħidilna u mhux fl-interess tagħna li jkollna l-KE tagħti opinjoni negattiva għax dak jista’ jtelfilna l-kredibbiltà ma’ l-investituri barranin.”
Nistaqsih jekk il-KE xegħlitx id-dawl aħdar u approvat l-estimi ta’ Malta.
“Bħalissa qed issir l-analiżi fuq il-baġit u l-green light huma jridu jagħtuhulna. Madankollu, is-soltu jkolli l-kritika li għandi tendenza nkun konservattiv fl-estimi li nippreżenta. Nippreferi li nibbaża l-infiq tiegħi fuq dħul proġettat li hu inqas minn dak li verament inkunu qed naraw biex jekk niżgarraw dejjem ikollna ftit nifs u l-ispiża li nkunu kkommettejna għaliha nlaħħqu magħha xorta waħda.
“M’inix persuna ‘who dares wins’, kif irid ikun il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, donnu jrid jilgħab imħatra fuq il-futur tagħna. Meta Sant qal li jrid tkabbir ekonomiku ta’ bejn erbgħa fil-mija u sitta, ma fhimtx kif se jasal għalihom.
“Ir-riskju ta’ Sant hu li jkabbar l-iżbilanċ, l-ekonomija terġa’ tmajna, il-kunfidenza fil-pajjiż tonqos u l-Gvern ikollu jivvinta t-taxxi biex jerġa’ jġib il-pajjiż lura fuq saqajh.”
Fenech jgħid li meta l-Ġermanja kellha żbilanċi eċċessivi s-soluzzjoni tal-KE kienet li kellhom iżidu t-taxxi u fil-fatt tellgħu r-rata tal-VAT.
“Fil-baġit tajna dak li nistgħu nagħtu u li nistgħu niddefendu quddiem il-KE,” Fenech itenni filwaqt li jsostni li għalih l-iktar ċertifikat importanti se tagħtihulu l-UE u mhux Sant.
Ibiddel it-ton għal wieħed iktar kalm. Fi kliemu ninnota ċerta sarkażmu. “Kien hemm xi ħaġa pożittiva fid-diskors ta’ Sant għax għal darba ma kkritikax iċ-ċifri li ppreżentajna kif kien jagħmel is-soltu. Donnu fehem li ċ-ċifri huma korretti.”
Inqajjem l-argument li ġab il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) dwar tkabbir ekonomiku iktar kajman għas-sena d-dieħla. Bl-IMF tbaxxi l-istimi tagħha għal tkabbir il-gvern mhux qed jilgħab imħatra meta jibbaża fuq tkabbir li jqarreb lejn l-erbgħa fil-mija?
“Qed inbassru tkabbir ekonomiku ta’ madwar 3.5% f’termini reali għas-sena d-dieħla. L-IMF qed tbassar tkabbir ta’ 2.8%. Madankollu, għall-2007 l-IMF kienet bassret tkabbir ta’ 3.2% u bħalissa diġà ninsabu fil-livell ta’ 3.6%. Fl-istimi tagħha għas-sena d-dieħla l-IMF telqet mill-istaffa ta’ 3.2% u għalhekk it-tbassir tagħha għall-2008 hu iktar baxx minn tagħna.
“Ċertament jeżistu realtajiet diffiċli fl-ekonomija dinjija. Hemm instabbiltà fis-swieq minħabba l-prezz taż-żejt u ċ-ċereali kif ukoll fis-swieq finanzjarji minħabba l-kwistjoni tan-Northern Rock Bank. It-tbassir dwar l-ekonomija internazzjonali mhux daqshekk inkoraġġanti daqs kemm kien qabel.
“Madankollu, konna prudenti fl-estimi tagħna. Il-patt ta’ stabbiltà taż-żona ewro jgħid li f’każ ta’ ekonomija qed tikber l-iżbilanċ irid jitnaqqas minn sena għal sena b’minimu ta’ 0.5%. Aħna għas-sena d-dieħla qed inbassru żbilanċ ta’ 1.2% li hu 0.5% iktar milli fil-fatt għandna bżonn u għalhekk għandna nifs ta’ madwar Lm5 miljuni.
“Għalhekk ngħid li l-figuri ta’ Sant se jfalluna għax ir-regoli tal-patt ta’ stabbiltà ma jippermettux li għal sena waħda l-iżbilanċ jittella’ ngħidu aħna għal 2.9% biex il-Gvern ikollu iktar flus f’idejh. Anki jekk l-iżbilanċ jibqa’ taħt it-tlieta fil-mija l-għan aħħari taż-żona ewro hu li kull pajjiż jimxi lejn baġit bilanċjat, speċjalment ekonomija bħal tagħna li qed tikber.”
Fenech imbagħad jitkellem dwar ix-xogħol u l-qgħad li jinsab fl-inqas livelli tiegħu f’għexieren ta’ snin. Isostni li hawn 140,057 persuna jaħdmu full-time u 26,316 għandhom impjieg part-time bħala l-uniku sors ta’ dħul. Apparti dan 20,000 persuna għandhom ukoll impjieg part-time bħala t-tieni xogħol.
Inwaqqfu u nistaqsih dwar ir-realtà ta’ l-impjiegi prekarji li jinsabu fihom dawk li l-uniku dħul tagħhom hu mill-part-time.
“Għalina x-xogħol part-time mhux xi diżunur. Anzi f’sitwazzjoni fejn qed nippruvaw ninċentivaw lin-nisa u l-anzjani biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew ikomplu jaħdmu bilfors ikollok numru kbir ta’ nies li l-uniku sors ta’ dħul tagħhom hu l-part-time. Fil-fatt l-istatistika turik li l-maġġoranza kbira ta’ dawk is-26,000 huma nisa u anzjani. Minħabba l-esiġenzi partikolari tagħhom, ix-xogħol part-time hu l-ideali għal ħafna nisa u l-anzjani,” iwieġeb Fenech.
Iżda l-Gvern jimpurtah mill-kwalità ta’ impjiegi li qed jinħolqu? Bħal f’pajjiżi oħra Ewropej il-call centres huma tipiċi ta’ xogħolijiet moderni li minkejja li jħallsu iktar miċ-cheap labour ta’ żminijiet oħra joffru kundizzjonijiet prekarji lill-ħaddiema.
“Jinteressana mill-kwalità ta’ impjiegi li jinħolqu madankollu ħafna minn dawk li jaħdmu f’call centres jibdew b’paga medja ta’ Lm7,000, li mhix xi paga baxxa. Veru li hu xogħol diffiċli, imma liema xogħol mhux hekk. Iżda fuq livell iktar wiesa’ rridu ngħidu li d-dħul medju mill-pagi żdied: fil-manifattura b’4%, fis-servizzi finanzjarji b’madwar 8% u fit-turiżmu b’madwar 2.5%.”
Minkejja dan it-titjieb il-ġid ma nħassx mis-saffi kollha tas-soċjetà tant li l-Gvern stess kien ammetta li t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tas-sena li għaddiet ma ħallietx l-impatt mixtieq.
Fenech jgħid li l-baġit ippreżentat ġimgħatejn ilu kien iffukat biex il-ġid jibda jinħass fis-saffi kollha tas-soċjetà. Jgħid ukoll li teżisti il-kwistjoni tal-perċezzjoni tan-nies f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġid.
“Bid-dħul ta’ Malta fl-UE għollejna l-aspettativa tan-nies. Hu dejjem diffiċli tilħaq l-aspettattiva għax tkun mibnija fuq perċezzjoni. Madankollu dan hu tajjeb ukoll għax iżżomm lilna l-politiċi xprunati biex intejbu l-livell ta’ għajxien tas-soċjetà.
“Però kien hemm ukoll is-sagrifiċċji li tlabna lin-nies jagħmlu. Sfortunatament, f’nofs dan il-proċess ġiet ukoll id-daqqa ta’ ħarta taż-żejt. Ma stajniex nagħmlu mod ieħor u n-nies ġustament ħassew il-piż tas-soprataxxa.
“Is-sena li għaddiet bdejna nroddu lura ftit mill-ġid u tajna dak li stajna naffordjaw. Din is-sena stajna nagħmlu pass ikbar u ddeċidejna li nagħtu priorità liċ-Childrens’ Allowance għax irrealizzajna li l-familji bit-tfal mhux tant li jħossu l-impatt ta’ tnaqqis fit-taxxa. Dan il-baġit se jkun qed jagħti medja ta’ bejn Lm7 u Lm12 iktar fil-ġimgħa lill-familji.”
Alfred Sant akkuża lil Gonzi li t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul daħħlu fil-baġit, malajr malajr it-Tnejn filgħodu wara li tah ħmar il-lejl. Kienet waħda minn dawk iċ-ċajtiet tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li nisslet tbissima fil-Parlament.
Nistaqsi lil Fenech meta ttieħdet id-deċiżjoni li fil-baġit titħabbar din il-miżura.
Jibda jwieġeb b’ton diplomatiku u jgħid li sena ilu l-Prim Ministru kien diġà qal li jekk il-miri jintlaħqu l-pajjiż ikun jista’ jerġa’ jnaqqas it-taxxa tad-dħul.
Din id-darba nitbissem jien. Ħadd ma ftakar dak li qal Gonzi imma lanqas fid-dokument ta’ qabel il-baġit ma kien hemm xejn dwar tnaqqis fit-taxxa tad-dħul.
“Fid-dokument ta’ qabel il-baġit m’għamilniex enfażi fuq it-taxxa tad-dħul għax ridna niffukaw l-attenzjoni fuq iċ-Childrens’ Allowance. Id-deċiżjoni dwar l-income tax ittieħdet daqs ġimgħa u nofs qabel il-baġit għax miċ-ċifri li bdew deħlin rajna li stajna naffordjawha.”
Is-Segretarju Parlamentari jgħid li parti mis-suċċess biex jitrażżan l-iżbilanċ kien dovut ukoll għall-kontroll fuq l-infieq tal-Gvern. “L-ispiża naqqset anki meta wieħed jaqta’ barra l-privatizzazzjoni. Għamilna capping ta’ l-infiq u rnexxielna.”
Allura għalfejn tikkritikaw lil Alfred Sant meta jgħid li jrid inaqqas l-ispiża pubblika b’persentaġġ stabbilit kull sena, nistaqsih.
“Dik mhix soluzzjoni ġdida għax diġà qed nagħmluha aħna. Għamilniha b’mod aggressiv u tat ir-riżultati mixtieqa. Biex jiffinanzja l-proġetti tiegħu Sant irid jagħmel iktar minn hekk u mhux qed jgħidilna x’se jagħmel.”
Kien sar il-ħin u l-assistent tiegħu jiġbidlu l-attenzjoni. Sakemm iqum biex jiġbor il-bagalja nistaqsih jekk dan il-baġit għenx biex il-Partit Nazzjonalista jirkupra ftit mill-art li tilef mill-2003 lil hawn.
“L-ikbar ċans li għandu l-Partit Nazzjonalista biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali hu jekk juri li kapaċi jkun gvern serju. Dan kien prinċipju fundamentali ta’ dan il-baġit. Meta jkollok Prim Ministru li l-ħin kollu jistaqsik jekk il-miżuri humiex affordable, jekk hux qed nieħdu riskji żejda u jekk jistgħux jitwettqu mingħajr ma nikkompromettu l-miri miksuba, għalija dak hu sinjal ta’ Prim Ministru serju u responsabbli.
“Lawrence l-ħin kollu jgħidli ‘anki jekk nitilfu rrid lin-nies jgħidu li tallinqas kien bniedem responsabbli.’ Naħseb li Gonzi wera li hu bniedem responsabbli ħafna u dan għandu jgħin lill-PN biex imur b’wiċċu minn quddiem meta jiffaċċja l-elettorat.”
Fenech jemmen li l-PN jista’ jirbaħ l-elezzjoni?
“Ninsab kunfidenti li n-nies se jagħmlu l-għażla t-tajba u jagħżlu lill-PN.”
U b’dak il-kumment jitlaq b’pass mgħaġġel lejn il-Parlament fejn issejjaħ division. Il-Gvern ma kienx se jaqa’ minħabba fija!
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|