Il-Punt | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52
Il-baġit, filwaqt li hu eżerċizzju finanzjaru, hu marbut ukoll ma’ l-għanijiet politiċi tal-Gvern.
Jekk il-Gvern ikun għaraf jistimula l-produzzjoni u x-xogħol, jekk il-Gvern ikun għaraf jimmotiva lill-ħaddiem, lill-imprendituri u lin-negozji ż-żgħar biex jiġġeneraw il-ġid, allura jkollu aktar riżorsi f’idejh biex itejjeb il-management tal-pajjiż.
Għalhekk Azzjoni Nazzjonali ssostni li jekk dan il-pajjiż irid ikun serju u jirbaħ lura l-fiduċja taċ-ċittadin biex iħajjarhom jaħdmu u jistinkaw, trid tinbidel is-sistema politika. Ibda mill-President li jrid ikun elett mill-poplu, sal-Parlament li jrid jinżel għal mhux aktar minn 55 membru u l-kunsilli lokali li jridu jinbidlu f’kunsilli reġjonali.
Ma’ dan iridu jidħlu żewġ liġijiet ewlenin: il-Whistleblower’s Act u l-Accountability Act li jagħmel lil kull persuna pubblika mill-President ’l isfel kontabbli għal għemilha u n-nuqqasijiet tagħha.
Wara li smajna l-aħħar baġit erġajna ikkonfermajna kemm il-pajjiż għandu bżonn ta’ bidla mill-qiegħ, bidla li ġġib is-serjetà, id-dinjità u r-rispett lejn dik li hi suppost l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament.
Il-jum tal-baġit suppost hu l-aktar jum serju fil-kalendarju Parlamentari, jum meta l-Gvern jagħti rendikont ta’ l-istat finanzjarju tal-pajjiż, jiddiskuti l-problemi reali, jgħid kif beħsiebu jegħlibhom, kif se jwitti t-triq għal tkabbir ekonomiku bil-għan li l-attività ekonomika u l-investimenti joħolqu kompetittività li tistimula l-innovazzjoni u b’hekk jitkattar ix-xogħol.
Il-baġit għandu jkun rendikont fit-dettal u mhux kantaliena ta’ tifħir mill-Gvern għall-Gvern. Bla dubju, meta jgħaddu l-ġranet u l-poplu individwalment jagħraf li wara t-tqassim tal-miljuni fuq miljuni, dak li se jasal f’butu hu biss xi ħaġa żgħira u jerġa’ jibda jgerger u jonfoħ bid-dwejjaq. Bilfors, għax is-sistema preżenti, fejn il-Gvern jiġbor bla rażan u jżomm liċ-ċittadin dipendenti fuqu ħalli mbagħad jagħtih lura xi ħaġa kif u meta jidhirlu hu, ma taħdimx.
Il-flus għandhom jibqgħu għand min jistinka għalihom. Għand min kapaċi jħaddimhom u jimmultiplikahom. Il-Gvern minn naħa l-oħra, għandu jkun id-diesel tal-mutur li jmexxi l-ekonomija, mutur magħmul mill-investitur, l-imprenditur, in-negozji ż-żgħar u s-self employed. Id-dmir tal-Gvern hu li jżomm għajnejh miftuħa għall-abbużi, li jinkoraġġixxi u mhux jostakola, jiffaċilita u mhux jikkomplika, li jħalli l-mutur idur u aktar ma jdur, aktar jagħtih diesel biex jimxi.
Jekk wieħed ineħħi l-ftaħir mill-baġit ftit li xejn isib sugu. Il-problemi reali li stqarrhom il-Prim Ministru stess bħall-immigrazzjoni illegali u t-tarzna ma tax ħjiel ta’ kif se jsolvihom. Investimenti ġodda ma jissemmewx għax Smart City għadu proġett fuq il-karta u jtul seba’ snin. Li hu żgur hu li s’issa swielna ħafna.
Il-PM semma biss żewġ fabbriki li kibru iżda l-ebda waħda ġdida. Semma żieda fit-turiżmu iżda mhux fin-nefqa tat-turisti li baqgħet bħas-snin ta’ qabel.
Li trodd lura lin-nies ftit milli tkun ħaddtilhom hi xi ħaġa ġusta iżda tkun ferm aħjar jekk toħdilhom mill-anqas, milli tqaxxarhom biex imbagħad iċ-ċittadin jara flusu mberbqa, mitlufa, misruqa u abbużati billi jintefqu fi proġetti li jiġu jiswew ferm aktar milli jkunu stmati fil-bidu.
Għall-Azzjoni Nazzjonali dan baġit ta’ Gvern Soċjalista. Għalhekk naraw liż-żewġ partiti bħala soċjalisti għax l-MLPN jinpikaw bejniethom min l-aktar se jqassam karità lill-poplu wara li jkunu żammewh fi stat ta’ ħtieġa. Ftaħar il-PM li jridu jgħinu lill-familja. Liema familja? X’inhi d-definizzjoni tagħhom ta’ familja? Għand liema “familji” sejrin l-għajnuniet imħabbra?
Azzjoni Nazzjonali ma temminx fil-karità. Temmen fix-xogħol, fil-ħawtiel u fil-bieżel. Temmen li hu dritt sagrosant li min jaħdem igawdi frott ħidmietu, filwaqt li jrodd lis-soċjetà, f’att ta’ solidarjetà dak li għandna bżonn biex ngħinu lil min hu batut iqum fuq saqajh. U min ma jkunx jiflaħ iqum fuq saqajh allura nagħtuh dik il-kwalità ta’ ħajja li tixraqlu għax ikun hemm ġid għal dan meta l-flus ma jinħlewx fuq l-għażżien u l-irresponsabbli li jippretendi li s-soċjetà tħallas għall-bluhat tiegħu.
Hemm baħar jaqsam bejn dak li temmen fih l-Azzjoni Nazzjonali u dak li jgħidu l-MLPN. Hemm bżonn bidla mill-qiegħ. Hemm bżonn ta’ mentalità ġdida. Hemm bżonn ta’ partit li ma jissagrifikax l-interess nazzjonali favur politika partiġġana.
L-għażla hi f’idejn iċ-ċittadin.
Josie Muscat hu Kap ta’ Azzjoni Nazzjonali
|
|
Editorijal
Il Punt
Josie Muscat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|