MediaToday

Editorijal | 28 ta’ Ottubru 2007 • Nr 52

Sahra bla taxxa

Ilu jingħad minn ħafna nies li fil-pajjiż hemm bżonn li tiżdied il-kompetittività biex l-ekonomija tkompli tikber u jinħoloq iktar ġid.
Mezz wieħed kif tiżdied il-kompetittività hi li tiżdied il-produzzjoni tal-ħaddiema billi jkollhom inċentiv ħalli jaħdmu iktar.
Il-proposta Laburista li l-sahra ma jkunx intaxxat hi maħsuba biex tilħaq dan l-għan. Hi proposta li ttieħdet mill-programm elettorali tal-President Franċiż Sarkozy li tela’ bl-għajta li l-Franċiżi jeħtieġ jaħdmu iktar.
Iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali f’Malta huma tali li biex persuna tiżgura dħul diċenti trid bilfors tirrikorri għall-sahra jew għal xogħol part-time. Kien għalhekk li anki l-unions f’pajjiżna oġġezzjonaw għall-bdil fid-Direttiva tax-Xogħol ta’ l-UE li kienet se tolqot ħażin lil min jagħmel l-sahra.
Jekk dan il-pajjiż irid sitwazzjoni fejn il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol ikun wieħed ġust u li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem nemmnu li rridu nersqu lejn sitwazzjoni fejn persuna ma jkollhiex għalfejn tagħmel sahra jew issib xogħol part-time. Nemmnu li kull bniedem għandu d-dritt għat-tgawdija tal-ħin ħieles tiegħu.
Madankollu biex il-pajjiż jilħaq din il-mira jeħtieġ li l-pagi jogħlew b’tali mod li jiżguraw għixien diċenti. Sakemm naslu f’dik is-sitwazzjoni ħafna huma dawk li jiddependu fuq dħul ieħor biex jiżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar.
Għaldaqstant inħossu li l-proposta ta’ Alfred Sant li l-sahra ma jkunx intaxxat tista’ tkun inċentiv biex tiżdied il-produttività u fl-istess ħin tagħti ftit iktar nifs lil ħafna familji.
Il-proposta tista’ tkun għodda importanti, flimkien ma’ oħrajn, biex tikber il-kompetittività, speċjalment f’oqsma bħall-manifattura u t-turiżmu fejn ninħtieġu imbuttatura tajba ħalli niżguraw tkabbir ekonomiku li jħabbatha mal-pajjiżi kompetituri fl-UE stess.
Iżda Sant irid jagħti spjega iktar dettaljata ta’ kif se jħaddem din il-proposta. Jeżisti riskju li l-ħaddiem jiddeċiedi flimkien ma’ l-impjegatur li jnaqqas il-paga bażika tiegħu biex ikollu dħul ikbar li ma jkunx taxxabbli għax ikun dikjarat bħala sahra. Għalkemm dan iwassal għal dħul ikbar għall-impjegat fil-mument, ikun qed jippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fit-tul meta tinħadem il-pensjoni.
Apparti dan hemm riskju li l-Gvern ikollu inqas dħul minn kemm ikun qed ibassar għax id-dħul taxxabbli tal-ħaddiema jkun ibbażat fuq il-paga bażika.
Sant irid jevita li jispiċċa fl-istess sitwazzjoni li sab ruħu fiha l-Gvern tal-PN fl-1996 meta d-dħul mill-VAT kien ferm inqas milli mbassar u l-pajjiż spiċċa b’ħofra rekord.
Għal dawn ir-raġunijiet il-Partit Laburista jrid jagħti iktar dettalji ta’ kif beħsiebu jilqa’ għal dawn ir-riskji.

Il-qorti tal-kangaroo
L-Imħallef Joe Galea Debono esprima l-ħsieb ta’ ħafna meta fil-qorti ddeskriva l-bord ta’ l-appell tal-Mepa bħala qorti tal-kangaroo u saħansitra sostna li l-proċess ta’ kif joħorġu l-permessi hu bbażat fuq il-prinċipju ta’ ‘ħokkli dahri ħa nħokklok tiegħek.’
Dawn huma l-ħsibijiet li għaddew minn moħħ ħafna ċittadini komuni li kellhom bżonn jinqdew bil-Mepa tul is-snin.
Sfortunatament il-Mepa tħalliet tikber f’mostru burokratiku iddominat minn ħafna imperi żgħar fejn l-id tal-politiku, għalkemm ma tidhirx, xorta għadha hemm.
Hemm bżonn li l-istrutturi ta’ din l-organizzazzjoni jerġgħu jinfetħu għall-iskrutinju u ssir riforma sħiħa tal-proċeduri, tan-nies u tal-politika li timxi fuqha l-organizzazzjoni.
Bħalma fiż-żmien li għadda saru riformi kbar f’entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Gvern, nemmnu li wasal iż-żmien li jsir l-istess bil-Mepa. U kwalunkwe bidla trid tissejjes fuq il-prinċipji tat-trasparenza u l-kontabbiltà f’kull livell tat-tmexxija.

Intervista

Pakkett prudenti, mhux ġeneruż
Kurt Sansone intervista lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech


Editorijal

Sahra bla taxxa


Il Punt
Baġit nieqes mill-viżjoni
Josie Muscat

TONI u PEPPI
L-Awtorità tax-Xandir: x'post f'soċjetà pluralista?


Emmanuel Micallef
Fiż-żarbun tal-prim attur...


Carmelo Mifsud Bonnici

Baġit mhux programm elettorali



X'kien Jgħid
Wara l-ewforija ta' l-estimi



Wenzu Mintoff

Zimbabwe

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075