MediaToday

X'kien jgħid | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Come on England

Hawnhekk f’Lixandra t-temp beda jaqleb ġmielu u għalxejn ngħidlu lil dak il-mingħul ta’ Maġġur Dick biex jaħsbilna għall-kutri għax bil-lejl qed nispiċċaw ibsin stanga bil-kesħa. Is-sirda tal-lejl tant ixxoqq l-għadam li qed nispiċċa nqum xi tliet darbiet jew iktar biex nagħmel ftit ta’ l-ilma fis-slopp ta’ l-enamel li għandi taħt is-sodda tal-molol.
Bil-mod kif reġa’ fferoċja l-prezz taż-żejt li issa tela’ għal kważi 90 dollaru l-barmil, għid li dawn il-qammilin ta’ Ingliżi se jkomplu jnaqqsulna mill-kwota tal-pitrolju li nużaw fil-kamp għad-daqsxejn ta’ kuċiniera li fuqha nħallu l-istanjata ittektek u nissaħħnu kif nistgħu magħha.
Dawn l-Ingliżi li jkolli ta’ bilfors nagħmilha magħhom huma tassew esperti fil-qamel. Issa smajt li dalwaqt se jlaqqatha l-BBC, wieħed mill-ftit affarijiet sura li qatt kellhom, minfejn se jispiccaw jissensjaw ’il fuq minn 2,000 impjegat. Alla jibgħatha tajba fit-tmiem din il-ġimgħa fil-final tar-rugby.
Anki jekk ma nżommx magħhom xorta nixtieqhom jirbħu bis-saħħa. Jekk xejn forsi nniżlu xi grokk jew tnejn ġniebru b’riħiethom u bis-saħħa tagħhom. Hekk jew hekk mat-tim ta’ l-Afrika t’Isfel ħlief tfal u neputijiet wild l-apartheid m’hemmx jilgħabu.
Minn kif bgħat jgħidli Salvu Astarita tax-Xirka, qegħdin toqorbu lejn elezzjoni ġenerali oħra. Skond il-ħabib tiegħi Astarita, din id-darba ftit li xejn se jkollkom xi jċaqlaq l-emozzjonijiet u xi jsaħħan l-irjus u qed jara ġejja elezzjoni pjuttost kalma aktar mis-soltu. Ma naqbilx sa barra ma’ sieħbi Salvu. Lil ħbieb tiegħi s-Soċjalisti ta’ Malta, biex inkun eżatt lil dawk il-ftit li għad fadal minnhom, ngħidilhom biex joqgħodu b’sebgħa għajnejn mill-provokazzjonijiet għax hekk kif jaraw il-kalma n-Nazzjonalisti dejjem jaraw kif jagħmlu biex jaqilgħu xi waħda minn tagħhom.
Il-provokazzjonijiet ta’ dak il-pastażun minn qiegħ Strada Rjali jistgħu jkunu biss aperittiv tal-bidu. Tinsewx x’kienu għamlu n-Nazzjonalisti lil Strickland li għalkemm kellu ħafna Ingliżi jaqbżu għalih, mhux bħali, xorta waħda ġabuh għarkubbtejh lejliet l-elezzjoni.
Kienu sabu lil wieħed sakranazz ċertu Ettore Bono mlaqqam Terinu u kienu ġiegħluh jieħu ġurament falz li kien ra lil Strickland fil-Loġġa tal-Mażuni.
Hawnhekk iż-żmien ma jgħaddi qatt. Kemm se ndum inħares lejn ir-ramel u naqra l-istess kotba għal ma nafx kemm-il darba. Bejn l-effett taż-żmien u bejn li kuljum eżatt kważi bħall-ieħor, tabilħaqq qed ikolli nagħmel sforz biex ma nispiċċax norqod anki matul il-ġurnata.
Imn’Alla jkunu l-effetti tal-prostata li jqajjmuni! L-istess qed jiġrili meta jirnexxieli nara ftit televiżjoni minn Malta bis-serqa minn fuq il-kompjuter tal-Maġġur Dick. Dejjem l-istess uċuh, dejjem l-istess nofs tużżana nies jimmasturbaw quddiem il-kameras, jistiednu lil xulxin minn programm għall-ieħor u jistħajluhom saru parti mill-jet set. Uff xi dwejjaq Marija Santa tat-tribulati. Kif tifilħu tistapportu lil dak il-wiċċ ta’ kretina, dik l-eks ħamalla mill-Belt li wara li xebgħet terda’ l-flus mil-Laburisti issa qed tiffabbrika l-belli liri minn fuq il-bqija ta’ Malta bil-medjokrità u qamel ta’ programmi li ilha tagħmel għal dawk is-snin kollha nhar ta’ Ħadd wara l-aħbarijiet?
Imbaghad xi ngħidu għal Żeppi tal-Lakoxx kif konna nafu żmien twil ilu lil tal-familja tiegħu l-Furjana aħna ta’ Dimech li ġejjin mir-razza ta’ Vincenzo l-iskultur ta’ l-istatwa ta’ San Pubbliju.
Sena wara sena u għal ma nafx kemm-il sena, dejjem l-istess lanja, dejjem l-istess kantaliena... programm fuq il-ħabs u l-ħabsin, segwit minn programm fuq id-droga u d-drogati, imbagħad programm fuq id-divorzju li dejjem ġej u ma jiġi qatt, programm dwar il-qassisin pedofili, programm b’VIPs li jagħmlu dak li jagħmlu s-sena kollha, idaħku n-nies bihom, xi tliet programmi dwar il-Eurovision, programm dwar il-ħolm, programm dwar il-ħarsijiet u l-komunikazzjoni mal-mejtin u ma jistax jonqos programm dwar l-omossesswali ta’ kull tip, daqs u għamla.
Paċenzja jkollkom titqannew bl-istess preżentatur sena wara sena għax iservi u jisserva tajjeb mir-reġim, imma hemm bżonn tgħidulu lil Żeppi tal-Lakoxx biex ibiddel ftit id-diska. Jekk se tibqgħu għaddejjin bl-istess medjokrità, monotonija u qirda ħa jkolli ngħidilkom tieħdu l-parir tas-Segretarju Parlamentari Tony Abela, agħmlu bħali u emigraw. Fittxu dabbru raskom u itilqu minn hemm qabel ma jkun tard wisq għas-saħħa mentali tagħkom.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075