MediaToday

Wenzu Mintoff | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Opportuniżmu fis-sod

L-effett tal-baġit ta’ din is-sena nxebbħu ma’ meta film ma taqbdux mill-bidu. Anki jekk l-aħħar parti tal-film tkun il-qofol mimlija azzjoni jew bi tmiem feliċi, qajla se tifhem l-istorja tal-film.
Jista’ jkun l-isbaħ film tad-dinja għax jekk titlef l-ewwel kwarta, għoxrin minuta tiegħu, tispiċċa taqliblu. L-istess il-baġit ta’ din is-sena. Jekk Lawrence Gonzi qed jaħseb li n-nies se jimpressjonaw irwieħom b’dan l-aħħar baġit ta’ din il-leġislatura u se jinsew l-erba’ baġits ta’ qabel qed jgħarralu.
Aktar u aktar meta issa drajna kif ġabu rwieħom in-Nazzjonalisti għal kemm-il darba lejlet xi elezzjoni ġenerali meta jippreżentawlna xenarju ta’ anġli jiżfnu u manna nieżla mis-sema mbagħad mill-għada ta’ l-elezzjoni jibda jberraq bil-kompetizzjoni qawwija miċ-Ċina, kriżijiet u riċessjonijiet internazzjonali, SARS, 9/11, Al Qaeda, beraq u sajjetti minn kullimkien.

Stima baxxa
Dan il-baġit hu mfassal fuq il-psikoloġija ta’ min għandu stima baxxa ta’ l-intelliġenza tal-poplu Malti tant li jaħseb li dan hu poplu ta’ salt imbeċilli li għandhom memorja qasira, li jimpressjonaw irwieħom bir-raxx tal-bżar fl-għajnejn lejlet elezzjoni ġenerali u li mhumiex kapaċi jindunaw b’din il-logħba ċinika li bejn elezzjoni u oħra jgħadduna minn ħafna skossi u tumbati u, b’kumbinazzjoni tal-kumbinazzjonijiet, l-ekonomija tirpilja u tissoda hekk kif tkun qorbot l-elezzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar in-nies jiġġudikaw waħedhom jekk hux veru jew le li dan l-aħħar baġit ta biss ftit lura mill-ħafna li ħadu l-baġits ta’ qablu. Dan kien baġit ta’ Gvern li qed jurik wiċċ b’ieħor. Wara li xeba’ jballatlek ġo rasek u jagħfsek bit-taxxi, issa qed jipprova jagħtik l-impressjoni li int importanti għalih u qed jaħseb fik, meta fir-realtà jrid lilek taħseb fih għax waslet l-elezzjoni.
Gvern li qed iġib ruħu bħal dik il-persuna taċ-ċajt li meta ma jkollhiex bżonnok, tagħmel ta’ bir-ruħha li bilkemm tafek u meta jkollha bżonn xi ħaġa mingħandek iġġib ruħha daqs li kieku tqum u torqod miegħek.
Is-slogan tal-baġit tas-sena li għaddiet kien ‘Ġejjieni fis-sod’ u l-għajta tal-baġit ta’ din is-sena hi ‘Familji fis-sod’ u bil-Prim Ministru Gonzi ipproġettat bħala ‘par idejn sodi fit-tmexxija’. Imbierka s-sapjenza! Kollox ‘fis-sod’ taħt dan il-Gvern, speċjalment meta Dr Gonzi jiġi biex iqaċċat l-irjus mill-Kabinett iffossillizzat li għandu u lil sħabu jibqa’ jagħtihom l-assoluzzjoni, jagħmlu x’jagħmlu.
L-unika ħaġa li hawn fis-sod f’dan il-pajjiż huma n-networks ta’ mhux iktar minn tużżana negozjanti u kuntratturi li fl-aħħar mill-aħħar huma jiddettaw x’għandu jsir u l-Gvern ta’ dan il-pajjiż hu biss pupazz jilgħab f’idejhom.
In-Nazzjonalisti tant għandhom stima baxxa ta’ l-intelliġenza tan-nies li ma jiddejqu xejn jużaw ripetutament fis-slogans tagħhom il-kliem ‘fis-sod’ li jfakkruk mill-ewwel fil-famuża għajta ta’ qabel l-elezzjoni li għaddiet ‘Finanzi fis-sod’ li mbagħad kellna nirrealizzaw minn fomm Lawrence Gonzi stess kemm dan fil-fatt ma kienx veru. Tant hu hekk bil-‘Finanzi fis-sod’ b’kollox spiċċaw balltu fuq in-nies dik ix-xita qalila ta’ taxxi u soprataxxi.
Ara fil-baġits ta’ wara l-aħħar elezzjoni ma kienu nedew l-ebda proċess ta’ konsultazzjoni u ma kienu qalu lil ħadd biex iċempel Kastilja.

Mhux ġenwin
Dawn x’ħasbuhom lin-nies, li tista’ titmejjel bihom x’ħin trid, kif trid u kif jogħġbok? Dan Gvern li ma tistax tafdah. Gvern nieqes mill-ġenwinità li meta jiġi bżonn il-vot tiegħek iwegħdek id-debba u wara l-elezzjoni jqabbiżlek il-ħmara. Dan Gvern li biex jibqa’ akkost ta’ kollox imkaħħal mas-siġġu tal-poter, l-ewwel jobżoqha imbagħad meta jara r-riħ qed idur kontrieh ma jiddejjaq xejn jekk jispiċċa jilgħaqha. Hekk għamel fil-każ tax-Xagħra l-Ħamra u l-istess reġa’ għamel fil-każ tar-Ramla l-Ħamra.
Min hu sidhom il-promoturi ta’ dan il-proġett jekk wara l-elezzjoni jerġgħu jirxuxtawh bl-iskuża ta’ xi appell jew ieħor fil-‘qorti tal-kangaroo’ tal-MEPA? Gvern li l-ewwel ħadlek ċ-children’s allowance u issa fettillu jerġa’ jagħtihielek lura għax hekk jaqbillu minn sens qawwi ta’ opportuniżmu.
Forsi jmissek xi ħaġa milli ħadlek mill-1994 ’l hawn, dejjem jekk it-tfal sadanittant ma laħqux kibrulek u għalqu s-16-il sena. U minn fuq bilkemm ma jippretendix li għandek tibqgħalu obbligat. Gvern plaġjarista, copycat li xeba’ jgħid li l-MLP għandu pjan vojt mimli duħħan u bl-ebda proposti konkreti biex imbagħad spiċċa jikkopja mingħajr l-ebda mistħija f’dan l-aħħar baġit biżibilju mill-proposti li kien hemm fil-pjan Laburista.
Baġit li jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu, l-aktar fejn jikkonċerna l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja. L-esponenti tal-Gvern Nazzjonalista kienu ilhom żmien iżarżru li ftit li xejn hemm x’tagħmel dwar iż-żieda fil-prezzijiet għax ħafna minn dak li nikkunsmaw hu impurtat u qed jogħla minn barra.
Biex issa sirna nafu li qed isir eżerċizzju, daqstant tard fil-ġurnata, mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, biex il-prezzijiet ta’ ċerti mediċini f’Malta jitbaxxew għax instab li kienu ogħla mill-prezz medju fl-Ewropa avolja dawn għandhom pagi ferm ogħla minn tagħna.
Kumbinazzjoni tal-kumbinazzjonijiet, issa stenbaħ il-Gvern ta’ Gonzi rigward l-abbużi fil-prezzijiet proprju meta ninsabu bieb u għatba ma’ l-elezzjoni? Mela l-price orders m’għadhomx xi ħaġa ta’ l-Antik Testment ta’ żmien ‘is-Soċjalisti’?
Issa li nstab li kien hawn diversi importaturi tal-mediċini li kienu qed jabbużaw fil-prezzijiet, ta’ l-inqas fuq 18-il mediċina, se jittieħdu passi legali kontriehom talli ‘serqu’ lin-nies? Dawn se jintalbu jroddu lura dak li tħallas żejjed minn nies?
Mill-ġdid dan l-aġir bl-imqita tan-Nazzjonalisti viċin l-elezzjoni hu maħsub biex jagħti l-impressjoni li l-Gvern taparsi qed jiċċaqlaq ftit meta ħadd mhu sidu jekk l-għada ta’ l-elezzjoni jerġa’ jidħol f’raqda liema bħalha.
Skond il-kejl uffiċjali tal-prezzijiet il-ħajja f’Malta m’għolietx b’iktar minn 50 ċenteżmu matul is-sena li qegħdin fiha meta fir-realtà kien hawn splużjoni fil-prezzijiet. Anki l-Gvern innifsu rrealizza li din tal-50 ċenteżmu żieda kienet tkun insolenti wisq għall-intelliġenza tan-nies u għalhekk kellu jara kif jagħmel biex jillapazza u antiċipa Lm1 miż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla.
Dan ifisser li jekk is-sena d-dieħla l-ħajja togħla b’inqas minn Lm1 skond dan il-kejl fallaċi tal-prezzijiet, ma niħdux lanqas sold imġiddem bħala żieda għall-għoli tal-ħajja. Emmen jekk trid, imma skond l-istatistika uffiċjali Malta għandha l-iktar rata baxxa ta’ inflazzjoni mis-27 Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea minkejja li ħafna mill-affarijiet li nużaw u nikkunsmaw ta’ kuljum jiġu impurtati minn barra.
Fenomenu xi ftit jew wisq straordinarju u inspjegabbli meta tqis li f’dan il-pajjiż ftit li xejn hawn strutturi effettivi u li jiffunzjonaw biex irażżnu l-abbuż li hu rampanti minn kif qed naraw fil-każ tal-mediċini.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075