Kienet evidenti u miktuba fuq il-ħajt li l-baġit ta’ qabel l-elezzjoni għandu jkun aħjar minn dawk ta’ qablu. Baġit wara l-ieħor, bil-pretest parti vera u parti konvenjenti, li rridu mhux nissikkaw iċ-ċinturin iżda l-panċiera għax kellna bżonn dieta ekonomika, dan il-baġit ta’ xi ħaga lura mill-ħafna li tteħdilna.
Tant ilna dejjem nagħtu, li bħalma fid-deżert f’tazza ilma tilmaħ bir, f’dan il-baġit ilmaħna ġenerozità mhix tas-soltu, tant li kien hawn min esaġera dak li ra posittiv fih.
Irrid ngħid iżda li kien hemm miżura waħda li tassew missha ilha li saret minn kull Gvern. Li min jilħaq l-età pensjonabbli jista’ mingħajr biża’ jkompli jaħdem anke jekk jaqla’ aktar mill-paga minima u fl-istess ħin jieħu l-pensjoni bid-dritt għax ħallas għaliha.
Din kienet miżura li għamlet ġustizzja, iżda li tħalliet tiffermenta fuq l-ixkaffa għal żmien twil. Miżura li safejn għandu x’jaqsam iċ-ċaqliq ta’ l-ekonomija ftit se tagħmel effett. Miżura li nemmen hi permanenti.
Qed ngħid hekk għax il-miżuri l-oħra kollha huma ta’ natura soċjali immirati għall-familja u mhumiex permanenti. Jistgħu jitneħħew mil-lejl għan-nhar jekk ikun konvenjenti.
Bħalma huma ċ-children’s allowance li kien dan il-Gvern li neħħa. Issa oħroġ il-għaġeb reġa’ introduċa f’verżjoni imqasqsa minn kif kienu qabel. Il-miżura li jgħin lill-koppji żgħażagħ biex jixtru l-ewwel dar tagħhom f’forma ta’ rilassament fil-ħlas tal-boll fuq l-ewwel Lm50,000 (proposta Laburista); fis-sussidju ta’ l-imgħaxijiet lill-banek (ukoll proposta tal-Labour); għajnuniet lill-attivitajiet kulturali u edukattivi (ukoll proposta tal-Labour).
Meta ngħid proposta tal-Labour tassew ipproponiha l-MLP qabel ma smajna biha fil-baġit. Hekk ukoll, per ezempju, l-isptar ta’ l-annimali li tant ippruvaw jirredikolaw lill-MLP meta ħareg biha. Iżda dawn huma kollha miżuri tal-mument, b’mod li jekk il-PN jerġa’ jsib ruħu fil-Gvern mhemm xejn garantit li ma joħroġx xi pretest li se jerġa’ jdoqq l-irtirata.
Għamilha u ma jiddejjaqx jagħmilha u ngħiduha kif inhi, b’dejn nazzjonali ta’ Lm1.6 biljun jew aħjar 4 biljun ewro u ħlas ta’ imgħaxijiet ta’ ’l fuq minn Lm70 miljun jew aħjar qrib 200 miljun ewro fis-sena, kollox jista’ jiġri.
Kien evidenti li se jkun baġit ‘ġeneruz’ daqskemm hu evidenti li fis-sajf wara l-bieb jiġu tal-ġelati u fil-Milied ta’ l-imqaret. Bi tbissima permanenti fuq wiċċu li lanqas waqt funeral ma jinża’ minnha, il-Prim Ministru, biex jurina li dorna l-kantuniera tgħidx kemm fajjar ċifri.
Li f’sena inġibu Lm31 miljun f’taxxi aktar u allura l-ekonomija kibret. Li għandna l-ogħla rata ta’ imjiegi u l-aktar livell baxx ta’ qgħad. Iżda kollox irid jittieħed fil-perspettiva tiegħu.
Li ma jgħidx il-Prim Ministru hu li l-impjiegi li żdiedu l-aktar huma dawk prekarji u part-time. L-impjiegi part-time żdiedu bi 11,600. Erbat elef minnhom, ta’ dawk li diġà għandhom impjieg fiss, il-bqija m’għandhomx impjieg fiss.
Ħamsa u għoxrin fil-mija tal-ħaddiema Maltin għandhom impjieg part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom. Jekk tistaqsi lil kwalunkwe ekonomista, basta mhux dawk imħallsa mill-PN, jgħidlek li dawn ix-xorta ta’ impjiegi ma jawguraw xejn tajjeb għal ekonomija fit-tul b’saħħitha.
Li ħalla barra l-Prim Ministru hi ċ-ċifra li għal kull sekonda li ttektek aħna qegħdin inħallsu Lm125 interessi fuq id-dejn nazzjonali li jidher, għax hemm djun oħrajn ta’ kumpaniji tal-Gvern jew għadu involut fihom il-Gvern li għadna ma għoddejniex. Biżżejjed ngħidu li għadu kemm ħareġ li mill-Freeport għandha dejn ta’ Lm43,000,000!
Dan il-baġit għalhekk uriena x’hemm fil-vetrina tal-ħanut tal-ħelu, iżda ma daħħalniex biex naraw x’hemm fil-kċina, għax li kieku nitwerwru. Iżda l-Gvern lest li jissaporti mqar sakemm tasal l-elezzjoni li jmiss.
Jekk jirbaħ, kif ġara wara l-elezzjoni ta’ l-2003, imbagħad toħroġ il-verità kollha bl-infafet kollha tagħha.
Jidher ukoll li dan ried midalja fuq il-pavru għal dak li qiegħed jissejjaħ riforma fis-sistema tat-taxxi diretti.
Mill-1995 ’l hawn it-taxxi diretti żdiedu bi 15 fil-mija. Is-soluzzjoni hi billi ċċaqlaq l-għetiebi ta’ l-ammonti mhux taxxabbli. Ma’ din magħdud Lm1.50 żieda fil-ġimgħa biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja.
It-teknika ta’ dan il-Gvern dwar taxxi hi li madwar 30 fil-mija tat-taxxi li jolqtuna, mingħajr ma nsemmi l-VAT, huma indiretti.
Minn dawk ma ntmessu xejn. Spiċċa ż-żmien qabel l-1987 fejn bil-baġit kont taf tassew fejn qiegħed, għax it-time-table fiskali li għandna llum magħmula minn multi, interessi, spejjeż amministrattivi, żieda fil-liċenzji, żieda fil-permessi, ħlasijiet lid-dipartimenti, li qatt ma konna noħolmu bihom. Kollox inaqqas is-salarju tal-ħaddiem! Fuq dan ma tkellem xejn!
Din iż-żieda tal-għoli tal-ħajja ħadd mhu konvint li din se tnaqqas mill-impatt ta’ l-inflazzjoni. Anke vox pop f’Xarabank, ma sabux persuna waħda li għandha tama bir-riforma fiskali b’kollox, li se teħlisha mill-għoli tal-ħajja. Iż-żieda ta’ l-għoli tal-ħajja ingħatat fid-dawl li għas-sena 2007 ma sar ebda ‘household budgetary survey’. Minbarra dan il-Bambin biss jaf ma xiex se niltaqgħu din is-sena, b’mod speċjali meta jiskadi f’Marzu dak il-ftehim farsa li ntlaħaq ma’ l-importaturi ta’ l-ikel.
Biex naraw l-effetti ta’ dan il-baġit iridu jgħaddu ta’ l-inqas sitt xhur. Iżda bil-quddiem ngħid li dan il-baġit se jkollu effett minimu fuq il-familja medja. Suppost anke l-baġit tas-sena l-oħra kellu jkollu effett pozittiv iżda anke l-Gvern ammetta li dan ma seħħx. Hemm raguni għaliex.
Il-Gvern mehdi b’eżerċizzju pre-elettorali ta’ perċezzjoni u mhux realtà. Mingħajr m’għadhom ma bdew jinħassu l-effetti ta’ dan il-baġit, bl-għajnuna ta’ oħrajn b’konċertament miegħu, irid li tinħoloq il-perċezzjoni li issa kollox sewwa u bdejna naraw id-dawl. Iżda b’dan il-baġit kulma għamel hu li għal mument biss, indirizza l-effett u mhux il-kawża.
Bħal permanganat li jnixxef il-ponot, iżda ma jeqridx il-kawża li tnibbithom, dan il-Gvern ħarab mir-realtà. M’għamilx proposti serji u konkreti biex, per eżempju, jeqred jew inaqqas l-inflazzjoni. Mhemm xejn fil-baġit li jindika li se jixpruna lir-regolaturi biex joqomsu mill-ewwel u mhux meta l-froġa tkun saret. Mhemm xejn fil-baġit kif se toqtol id-duda tal-korruzzjoni li tant qiegħda tiswielna flus u tgħalli nies innoċenti. Hemm biss miżuri temporanji sakemm tasal l-elezzjoni.
Aktar minn hekk mhemm xejn fil-baġit li jindirizza b’mod permanenti kif għandu jitqassam il-ġid nazzjonali. S’issa, jekk tassew kif jiftaħar il-Gvern, ġew mal-Lm560 miljun investiment. Dawn weħlu fuq u ma laqtu lil ħadd isfel. Jekk nizlet ix-xita bil-qliel xarrbet biss lil ftit. Ma indirizzawx kwistjonijiet soċjali bħal-Ligi tal-Kera li tant hemm bżonnha, meta proprju f’dawn il-jiem l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika ħabbar li f’Malta hawn ’il fuq minn 53,000 post vojt.
Dan hu baġit li ħareg bil-‘medicine box’ iżda mhux bil-mediċina tal-fejqan. Min jaf… forsi għax għolja!
Intom tafu b’xi Gvern fid-dinja li qabel elezzjoni ma jippruvax jagħmel l-aqwa baġit li jista’ jagħmel?
U allura ma nafx għala tal-PN jieħdu għalihom meta xi ħadd jgħidilhom li hu baġit ta’ l-elezzjoni.
Il-biċċa mhix dwar kif se niddeskrivu dan il-baġit imma x’se jifdlilhom flus fil-but fl-aħħar tal-ġurnata in-nies. Kien baġit tajjeb u n-nies ma kenitx qed tistenna daqshekk. Dak hu l-feedback li għandi jien min-nies li niltaqa’ magħhom.
Issa x’inhu l-effett ta’ dan il-baġit fuq l-elezzjoni li ġejja?
In-nies qed japprezzaw li fit-tliet snin ta’ Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru, għamel differenza u aktarx qed jisboq dak li kienu qed jistennew minnu n-nies meta sar Prim. In-nies qed japprezzaw li l-baġit kien daqshekk ġeneruż minħabba l-flus li Malta se tieħu mill-Unjoni Ewropea u allura qed ibierku l-għażla li għamlu favur l-Ewropa u qed jaraw lill-MLP bħala dak il-partit li kien se jtellifhom din l-opportunità.
Iżda l-PN għandu għadma iebsa u jrid jikkonvinċi lin-nies li jekk jirbaħ l-elezzjoni mhux se jerġa’ jibda bil-baġits tas-sagrifiċċji.
Il-PN ilu wisq fil-Gvern. Jagħmel x’jagħmel, anki jekk ippreżenta wieħed mill-aqwa baġits, xorta hemm grupp ta’ nies li jibqgħu jaħsbu li xebgħu. Fil-konfront tal-Gvern in-nies jaf ġralhom bħal dik il-mara li ddejqet mir-raġel anki jekk bla raġuni valida u anki jekk jirrispetaha, li xorta xebgħet u trid raġel ieħor.
Il-viżjoni tal-PN ta’ l-2015 hi eċċellenti iżda għan-nies taf tinħass ’il bogħod jekk ma tibdiex minn issa.
Minn naħa l-oħra jidher aktar minn ċar li l-MLP għadhom ma sabux kif se jaqbdu jiddeskrivu dan il-baġit. Il-billboards jgħidu ‘Ftit ħafna, Tard wisq’ filwaqt li l-ħin kollu jgħidu li l-baġit raxx il-bżar qabel l-elezzjoni. ‘Ftit ħafna’ jew ta’ qabel l-elezzjoni?
Kontradizzjoni akbar hi dik li l-MLP, filwaqt li jgħid li Malta għandha diżastru ekonomiku, qed iwiegħed mhux biss li jżomm dak li hemm illum fil-baġit iżda jaqta’ is-soprataxxa bin-nofs. Il-Gvern tal-MLP ma jistax ikun daqshekk kredibbli fuq is-soprataxxa għax meta kien fil-Gvern u mingħajr ma kellu l-problema ta’ l-isplużjoni fil-prezz taż-żejt, għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Iżda l-MLP hu kredibbli meta jgħid li jrid inaqqas l-ispiża tal-Gvern anki għax in-nies ma tapprezzax biżżejjed li l-Gvern jonfoq miljun lira kuljum f’servizzi soċjali u aktar minn Lm280,000 kuljum fuq l-edukazzjoni.
Mhux lakemm tgħid taqta l-ispejjeż għalkemm xorta l-MLP jaf jirnexxielu jrażżan l-ispiża aktar. Fuq din l-MLP jiskorja diversi punti.
Jekk l-MLP jirnexxielu jikkonvinċi lin-nies li vera se jaqta’ nofs is-soprataxxa jkompli jiskorja aktar punti.
L-MLP hu kredibbli meta jirrepeti dak li qed iħossu n-nies fuq l-għoli tal-ħajja. Il-ħajja veru qed togħla. Qed togħla minħabba li minn barra qed jogħlew iċ-ċereali u prodotti oħra iżda lin-nies li jkunu qed jippruvaw iġebdu minn hawn u jiddendlu minn hemm, il-PN mhux kredibbli meta jgħidilhom‘Isma din minn barra qed togħla.”
X’jimpurtahom minn fejn qed togħla jekk ma jkollhomx biżżejjed flus biex jgħixu huma u l-familji tagħhom. Il-Gvern iwieġeb billi jgħid li hemm il-Lm1.50 żieda, hemm it-tnaqqis tat-taxxa u ż-żieda fiċ-Children’s Allowance, u li l-pensjonanti jistgħu jibqgħu jaħdmu u ma jitilfux il-pensjoni u li l-anzjani ħadu ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja.
L-MLP kredibbli jiddeskrivi l-għoli tal-ħajja iżda jitlef ħafna mill-kredibbiltà meta ma jgħidx b’mod konkret kif, jekk ikun fil-Gvern, se jrażżan l-għoli tal-ħajja.
Kont ktibt li aktar ma l-Prim Ministru Gonzi jibqa’ jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb aktar qed jaħraq lil dawk li mhux qed iħossu l-effett fil-but tagħhom.
Nantiċipa li dan il-baġit se jirnexxielu jittraduċi dak li ilu jgħid il-Prim Ministru f’lingwa li tinftiehem mill-bwiet tan-nies. In-nies se tibda tħoss u tibda taqbel ma’ dak li l-Prim Ministru qed isostni dwar l-ekonomija.
Dan hu ta’ vantaġġ kbir għall-PN fl-elezzjoni li jmiss iżda ma nafx hux kbir biżżejjed biex il-PN jirbaħha.