MediaToday

Aħbarijiet | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Is-sena d-dieħla se nkunu fil-Parlament – Harry Vassallo

Carmel Cacopardo uffiċjalment membru ta’ l-AD

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Iċ-chairperson ta’ l-Alternattiva Demokratika (AD) Harry Vassallo qabżitlu demgħa meta kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-partit il-bieraħ filgħodu.
F’diskors mimli emozzjoni, Vassallo qal li l-partit jinsab fi tmiem ta’ era. “Meta niltaqgħu s-sena d-dieħla se jkun hawn nies ġodda fil-partit u se nkunu partit fil-Parlament,” huwa qal fost l-applaws ta’ l-attivisti preżenti.
Vassallo fisser kif iż-żerriegħa li nżergħet minn dawk li waqqfu l-partit 18-il sena ilu issa tat il-frott tagħha u qed tikber f’siġra b’saħħitha.
Preżenti għal-laqgħa ġenerali annwali ta’ l-AD kien hemm l-eks-kandidat Nazzjonalista Carmel Cacopardo. Cacopardo ssieħeb uffiċjalment ma’ l-AD ftit taż-żmien ilu u l-laqgħa ġenerali annwali kienet l-ewwel dehra pubblika tiegħu bħala membru ta’ l-AD.
Vassallo qal li biex il-partit jitla’ fil-Parlament għandu bżonn li jkun konxju tal-ħtiġijiet ta’ l-elettorat.
“F’dawk il-lokalitajiet fejn għamilna kampanja bieb bieb, ksibna sa 19 fil-mija ta’ l-elettorat. Dan jixhed li l-Alternattiva tista’ tasal lil hinn minn fejn waslet s’issa,” sostna Vassallo.
“Fil-Munxar ma tellajniex kunsillier għal żewġ voti biss. Immaġina li kieku ma ntellgħux kandidat fil-Parlament għal żewġ voti biss,” Vassallo wissa lill-attivisti tal-partit.
Hu fisser li biex l-AD ittella’ kandidati fil-Parlament Malti kif ukoll fil-Parlament Ewropew, trid qabel xejn tindirizza l-preokkupazzjonijiet tal-votanti tal-Munxar u ta’ oħrajn fl-bliet u l-irħula madwar Malta u toffri soluzzjonijiet effettivi għall-problemi tagħhom.
Biex iwassal il-messaġġ lill-elettorat il-partit diġà beda l-kampanja elettorali bieb bieb għall-elezzjoni ġenerali.
L-Alternattiva qed timmira li tikseb madwar 2,500 vot fl-ewwel għadd f’kull distrett elettorali. Huwa qal li din il-mira mhix ’il bogħod mill-potenzjal li jista’ jilħaq il-partit.
Vassallo fakkar kif fl-elezzjonijet għall-Parlament Ewropew l-aħħar test elettorali li sar fuq bażi nazzjonali li saru fl-2004, il-kandidat ta’ l-AD Arnold Cassola kiseb 23,000 vot fl-ewwel għadd li jammonta għal disgħa fil-mija tal-preferenzi kollha fl-ewwel għadd.
“Nistgħu inkomplu minn fejn ħallejna,” qal.
“Jekk kandidati ambjentalisti jitilgħu fil-Parlament, ikun hemm bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni politika fil-pajjiż,” Vassallo insista.
Hu fisser il-ftehim milħuq bejn iż-żewġ partiti l-kbar rappreżentati fil-Parlament dwar il-proporzjonalità tal-voti bħala “ċertifikat iswed” tal-kredenzjali demoktatiċi tagħhom.
Madanakollu dan il-fatt mhux se jaffettwa l-istrategija elettorali ta’ l-AD għax il-barriera ta’ 16 fil-mija tal-voti fuq bażi distrettwali baqgħet l-istess, huwa fisser.
Matul il-laqgħa, bit-tema ‘Inħarsu ’l quddiem – is-sisien ta’ ħidmietna’, id-delegati approvaw ukoll dokument dwar il-politika tal-Partit f’bosta oqsma, fosthom il-familja, il-mobilità u t-trasport, l-enerġija, l-ippjanar u l-ambjent, il-housing u l-proprjetà, u l-politika barranija.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075