MediaToday

Aħbarijiet | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Blitz ta’ kandidati fuq Tas-Sliema

L-istrateġija tal-PN biex jiġbed it-tapit minn taħt saqajn l-AD fl-10 Distrett tixbaħ l-istrateġija militari Ġermaniża waqt it-Tieni Gwerra Dinija. KURT SANSONE jirrapporta

Il-blitzkrieg kienet strateġija militari effettiva li ntużat mill-qawwiet Ġermaniżi tul it-Tieni Gwerra Dinija li permezz tagħha kienu attakkaw lill-għadu bil-mezzi kollha militari f’salt u b’ħeffa liema bħalha.
Ħafna drabi l-blitz (kif baqgħet magħrufa) kienet taqbad lill-għadu fuq sieq waħda u qajla tagħtih ċans jirkupra.
Din hi l-istrateġija politika li se jaddotta l-Partit Nazzjonalista fl-10 Distrett biex jiżgura li jiġbor l-ikbar ammont possibbli ta’ voti u jxejjen it-theddida ta’ dawk li qed jgħidu li mhux se jivvutaw jew li se jivvutaw lill-Alternattiva Demokratika.
Bħalma ġara fl-1998 il-PN għal darb’oħra qed jimmira biex fuq l-10 Distrett, li tradizzjonalment hu l-fortizza tal-Partit, ikollu l-ikbar numru ta’ kandidati.
L-aħħar kandidatura li tħabbret, dik ta’ Pippo Psaila, tindika li l-PN qed jipprova joħroġ miegħu ħafna kandidati li għandhom xi tip ta’ kuntatt ma’ sezzjonijiet differenti tas-soċjetà. Psaila għandu profil nazzjonali minħabba l-involviment tiegħu fl-isports iżda hu wkoll involut, jew kien involut, fuq livell ta’ klabbs f’diversi assoċjazzjonijiet sportivi f’Tas-Sliema u San Ġiljan. Apparti dan bil-ħidma tiegħu fil-qasam tal-biodiesel Psaila għandu wkoll kredenzjali ‘ħodor’ li jistgħu jappellaw għal min ixaqleb lejn l-AD.
Madankollu ftit hemm ċans li Psaila jagħmilha u ħafna mill-kandidati ġodda se jkunu fil-lista għall-isem biss. Iżda din hi parti mill-istrateġija tal-blitz.
Bl-ikbar numru ta’ kandidati l-PN se jkun qed jiżgura li kull dar fl-10 Distrett se jkollha xi żjara minn kandidat jew iktar. Dan hu l-iktar mezz effettiv biex jitwassal il-messaġġ tal-Partit. U bħalma ġara fl-1998 u l-2003 il-messaġġ mhux se jkun biss pożittiv dwar il-viżjoni 2015 ta’ Lawrence Gonzi imma wkoll wieħed ta’ biża’ li jipprova jaqta’ qalb in-nies milli jibqgħu d-dar jew jivvutaw AD.
Vantaġġ ieħor tal-blitz hu li ħafna kandidati jistgħu jiġbru voti personali li kieku mhux bilfors imorru ghand il-PN.
Mil-lista li ħarġet s’issa b’ismijiet bħal Georg Sapiano, John Dalli u Paul Borg Olivier u oħrajn stabbiliti fid-distrett bħal Francis Zammit Dimech, George Pullicino u Dolores Cristina l-PN se jkun qed jipprova jiġbor faxxa wiesa’ ta’ nies minn dawk bi ħsibijiet liberali sa dawk iktar konservattivi.
Madankollu, kull strateġija għandha d-difett tagħha. B’ħafna kandidati l-vot tal-PN jista’ jinqasam f’ħafna biċċiet żgħar li jista’ jaħdem favur l-AD u anki l-MLP.
Jekk Harry Vassallo ta’ l-AD jirnexxielu jiġbor ammont sostanzjali ta’ voti fl-ewwel għadd l-isparpaljar ta’ voti fuq in-naħa tal-PN ikun ifisser li Vassallo jibqa’ jtellaq għal iktar tul bit-tama tiegħu tkun li kandidati oħra jaqgħu qablu sakemm jitla’ mingħajr kwota.
Li l-AD ittella’ siġġu hu diffiċli ħafna anki jekk mhux impossibbli. Madankollu hemm ukoll il-fattur tal-Partit Laburista li se jkun qed jipprova jirbaħ it-tieni siġġu li qatt ma kien tiegħu. B’kandidati moderati bħal Evarist Bartolo u d-Deputat Mexxej Michael Falzon imexxu l-ġlieda għall-Ħomor mhiex possibbiltà remota li l-MLP jirbaħ għall-ewwel darba t-tieni siġġu fuq dan id-distrett.
Il-kalkolu li għamel il-PN hu li aħjar jirriskja fuq l-isparpaljar u jiġbor kull vot possibbli milli jirriskja li ma jiġborx il-voti ‘mitlufa’ u jitlef ir-raba’ siġġu u forsi l-elezzjoni.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075