Bin-nies tgawdi iktar flus fil-but KURT SANSONE jistaqsi jekk Lawrence Gonzi rnexxilux idawwar ir-riħ favurih
Mhumiex ftit iż-żidiet fix-xahar li se jaraw f’idejhom il-familji wara l-baġit ippreżentat minn Lawrence Gonzi nhar it-Tnejn li għadda u għaldaqstant l-ewwel messaġġ li wassal il-Partit Laburista eżatt kif spiċċa jaqra d-diskors il-Prim Ministru ma jirriflettix ir-realtà sħiħa.
Jista’ jkun li l-MLP għandu raġun li jgħid ‘tard wisq’ imma żgur li b’dak li se jifdal fil-bwiet tan-nies qajla se jinħass li ż-żidiet huma ‘ftit wisq.’
Skond kalkoli li għamlet din il-gazzetta fuq żewġ familji tipiċi jidher li bil-miżuri tal-għoli tal-ħajja, it-tibdil fit-taxxa tad-dħul u ċ-Children’s Allowance dawn se jkunu qed jiffrankaw bejn Lm26 u Lm36 fix-xahar.
Miżuri oħra bħal refużjoni fuq parti mill-ispiża li ssir biex ġenituri jibagħtu t-tfal tagħhom f’ċentri tal-ħarsien u kindergarten jew ċentri sportivi mhumiex inklużi fil-kalkoli u għalhekk dak li se jifdal fil-bwiet jista’ jkun iktar minn dak prospettat.
Madankollu, il-baġit u l-kalkoli li fuqu hu mibni jiġġustifikaw l-argument li ilu jagħmel il-Partit Laburista favur tkabbir ekonomiku ta’ bejn 4% u 5% li bih ikun jista’ jħaffef il-piż tat-taxxi, jagħti nifs lis-settur turistiku, jaġevola lill-klassi baxxa u medja u jnaqqas is-soprataxxa bin-nofs.
Il-baġit għas-sena d-dieħla hu mibni fuq premessa li l-Gvern se jkompli jdaħħal iktar mit-taxxi minkejja t-tnaqqis għax l-ekonomija se tkompli tikber. Dan il-kalkolu jfisser li l-Gvern se jkun qed iżid l-ispiża rikorrenti tiegħu, se jkabbar in-nefqa kapitali u fl-istess ħin ikompli jnaqqas l-iżbilanċ fil-finanzi b’mod agressiv.
Il-Gvern qed jipproġetta żbilanċ ta’ 1.2% għas-sena 2008, kważi wieħed fil-mija inqas minn din is-sena. Sas-sena 2010 il-Gvern qed jimmira għal baġit bilanċjat fejn il-pajjiż ma jibqax imur minn taħt. Il-miri huma ambizzjużi ħafna.
F’dawn l-aħħar jiem Gonzi ddefenda dawn il-kalkoli billi straħ fuq is-suċċess li kellu tul l-2007 fejn minkejja t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul il-Gvern xorta daħħal iktar minn din it-taxxa, sinjal li żdied ix-xogħol u l-investiment.
It-tbassir għall-2008 hu mibni fuq l-istess premessa. Iktar flus fl-idejn ifisser iktar kummerċ, li jwassal għal iktar xogħol u investiment u għalhekk l-ekonomija tibda ddur. Apparti dan, il-Prim Ministru qed jistrieħ ukoll fuq investiment barrani prospettiv li donnu jaf li ġej lejn pajjiżna anki jekk għad m’hemmx ħjiel ta’ x’inhu.
Indikazzjoni li ftit ingħatat importanza fil-qari tad-diskors tal-baġit hu l-fatt li minkejja ż-żieda straordinarja fit-taxxa tad-dħul li kellu l-Gvern fl-2007, id-dħul mill-kontribuzzjonijiet soċjali kien inqas minn dak proġettat fis-sena ta’ qabel. Dan jista’ jfisser li ħafna iktar nies għandhom bħala impjieg ewlieni xogħol part-time, dik il-klassi ġdida li Alfred Sant iddeskriva bħala impjiegi prekarji.
Għad irridu naraw jekk dak li pproġetta Gonzi hux se jseħħ tassew u jekk l-ekonomija hix se żżomm ir-ritmu ta’ tkabbir li qabdet. Madankollu m’hemmx dubju li l-miżuri tal-baġit se jħallu togħma tajba fost ħafna nies u għaldaqstant se jkun pożittiv anki f’termini politiċi.
Mill-familji bit-tfal sa l-anzjani, mis-suldati sa l-artisti, mill-isportivi sa dawk li jħobbu l-annimali, il-baġit laqat lil setturi differenti tas-soċjetà.
Kienet interessanti l-enfażi li saret fuq is-suldati u l-problema ta’ l-immigrazzjoni, kwistjoni li qatt ma tqanqlet b’daqshekk importanza fil-baġit. Hawnhekk Gonzi kien qed jirrispondi għall-garr ġenwin fost is-suldati dwar il-pagi miżeri tagħhom. Iżda kien qed iwieġeb ukoll għall-‘attakk’ politiku mill-Azzjoni Nazzjonali fuq il-problema ta’ l-immigrazzjoni li sab art fertili fost is-suldati.
Nhar it-Tnejn li għadda Gonzi kien qisu Father Christmas b’rigal żgħir jew kbir għal kulħadd.
L-ikbar mistoqsija issa hi kemm se jirnexxielu jikkonvinċi lin-nies biex ikomplu jafdawlu r-riedni tal-poter wara l-elezzjoni li jmiss.
It-tweġiba mhix faċli għax hemm fatturi oħra li jiddeterminaw x’għażla se tagħmel in-nies. Il-korruzzjoni u l-inkompetenza li laqtu numru ta’ ministeri tul dawn l-aħħar xhur jistgħu jkunu fattur problematiku għall-Gvern speċjalment jekk fl-għaġna tal-ħsieb tagħhom in-nies jaslu biex jemmnu li l-baġit seta’ kien ferm aħjar li kieku l-amministrazzjoni kienet iktar effiċjenti f’ħidmietha.
Bil-Partit Laburista jagħti indikazzjoni ċara li parti mill-kampanja elettorali se tiffoka fuq Gonzi u l-kabinett tiegħu, apparti ta’ Father Christmas Gonzi se jkollu jagħmilha wkoll ta’ avukat difensur, kariga xejn komda għal Prim Ministru lejlet elezzjoni.
L-artisti u l-isportivi sabu wkoll xi ħaġa tajba għalihom fil-baġit. FRANICA PULIS tirrapporta
Fl-aħħar inħass il-bżonn li s-settur privat jingħata l-inċentiv biex jibda jinvesti fl-isports u fl-arti.
Il-kumpaniji privati li jgħinu finanzjarjament għaqdiet sportivi, atleti, għaqdiet kulturali rikonoxxuti li ma jaħdmux bi qligħ u l-Fond għall-Arti jistgħu jnaqqsu l-għotjiet tagħhom mid-dħul taxxabbli. Fil-każ ta’ l-arti, il-kumpaniji li jgħinu artisti jew jagħtuhom boroż ta’ studju jistgħu jnaqqsu sa Lm8,000 (18,600 ewro) mid-dħul taxxabli wkoll.
Minbarra dan il-Gvern se jtejjeb l-iskemi għall-atleti ta’ livell għoli ħalli jkomplu jitħarrġu fid-dixxiplini tagħhom biex jikkompetu fuq livell nazzjonali u internazzjonali.
Fil-każ ta’ l-artisti, u sfortunatament din tgħodd biss għal min jaħdem fis-settur pubbliku, minflok skemi dawn jingħataw leave mingħajr ħlas għal perjodu ta’ żmien. Hu leave twil li qabel kien jingħata jekk tmur tistudja barra jew tieqaf taħdem għal sena biex tipprova ssib xogħol ieħor.
Il-ġenituri qed jingħataw l-inċentiv li jnaqqsu sa Lm42.93 (100 ewro) fuq miżati mid-dħul taxxabli jekk jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet sportivi approvati mill-Kunsill ta’ l-Isport. Fl-arti kull tip ta’ taħriġ qed jiġi eżentat mill-VAT.
Bħala fondi ġodda se jinħolqu wieħed għall-arti u ieħor għall-film ta’ Lm100,000 (232,900 ewro)-il wieħed. Wieħed irid jara fiex se jintefqu l-flus u humiex se jinħlew fil-burokraziji żejda biex jinqasmu jew biex jinħolqu kumitati għalihom.
L-aktar żewġ proposti li se jgawdu minnhom l-artisti u l-bqija tan-nies huma t-tnaqqis tal-VAT minn 18 fil-mija għal ħamsa fil-mija għal kiri ta’ postijiet għal attivitajiet kulturali u dħul għall-mużewijiet, wirjiet, kunċerti u teatri. Madankollu dan ma jgħoddx għal biljetti taċ-ċinema. Il-Gvern ħabbar ukoll li 0.25 fil-mija mill-ispiża ta’ kull proġett infrastrutturali pubbliku jrid jintefaq f’xogħlijiet ta’ l-arti jew tkun marbuta ma’ oqsma kreattivi.
Illum tkellmet ma’ Toni Attard, koordinatur tal-Valletta Creative Forum li minnu ħarġu ħafna mill-miżuri li qed jimplimenta l-Gvern biex tara x’jaħseb fuq dawn l-inċentivi.
“Hu pass importanti iżda hu biss l-ewwel wieħed. Dawk huma ftit mill-miżuri li jridu jitwettqu imma għall-bidu hu tajjeb. Importanti li l-proċess jitkompla mhux nagħmlu sena bihom imbagħad jerġa’ jgħolli l-VAT jew jinbidlu l-miżuri.
“Tajjeb li ma nibqgħux inħarsu lejn il-Gvern li jagħti l-flus dejjem imma li wieħed iħares ukoll lejn is-settur privat. Anki l-fatt li biex tieħu t-taħriġ tiegħek mingħajr VAT trid tmur għand xi ħadd li hu akkreditat, dan itejjeb il-livell tat-taħriġ u jitlob li l-għalliema jkunu kwalifikati.
“Hemm kwistjonijiet oħra li rridu naraw issa, bħall-istrutturi li għandna biex immexxu l-arti. Għad hemm bżonn it-taħriġ f’dan il-qasam,” temm jgħid Attard.
Itawwal fid-diskors, jidħol f’ħafna dettal bla bżonn u kultant jaf ikun konfrontazzjonali ma’ min jagħmillu mistoqsija antipatika. Dawn huma karatteristiċi li spikkaw kemm-il darba f’konferenzi stampa li ta Lawrence Gonzi kemm ilu Prim Ministru.
Iżda nhar it-Tnejn li għadda kien għal kollox differenti. Ma setax jonqos li l-atmosfera pożittiva ta’ baġit li jwieżen lil ħafna nies għenet biex Gonzi jkun iktar rilassat imma kien hemm aktar minn hekk.
Jidher ċar li l-konferenza stampa kellha koreografija maħsuba sew bl-intenzjoni li tipproġetta mexxej ta’ Gvern u mhux sempliċiment Ministru tal-Finanzi li għadu kif ippreżenta baġit.
L-ambona li kellu Gonzi, flimkien ma’ dak ta’ Tonio Fenech u l-ispazju li kien hemm bejnu u l-ġurnalisti taw lill-Prim Ministru ċerta statura li tagħti indikazzjoni tal-mod kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipproġetta lill-mexxej tiegħu waqt il-kampanja elettorali.
Imma Gonzi kellu aktar minn preżentazzjoni tajba. Xi ħadd bilfors li ġibidlu l-attenzjoni fuq kif għandu jwieġeb, kemm idum u kif għandu jindirizza ġurnalisti mill-kamp avversarju.
Lil Charlon Gouder, ‘l-għadu’ numru wieħed tiegħu, ma warrbux, anzi uża l-mistoqsija bħala spunt biex jgħid li japprezza wkoll il-kritika li tagħmillu l-Oppożizzjoni.
Dawn jistgħu jidhru bħala dettalji żgħar u insinifikanti fil-konfront tal-miżuri li ħabbar Gonzi. Madankollu juru li hemm xi ħadd wara l-kwinti li qed jaħseb dwar kif għandu jkun proġettat il-Prim Ministru. Mhux tant biex jidher sabiħ imma biex f’diskorsu u f’għemilu jiġbed iktar kredibbiltà u fiduċja; kwalitajiet li kull mexxej għandu bżonn.