MediaToday

Aħbarijiet | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Sejba ta’ fuħħar fit-tempji ta’ Ħal Tarxien tbiddel il-pjanijiet

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Sejba ta’ biċċiet żgħar ta’ fuħħar preistoriku kellha tbiddel il-pjan ta’ kif kien se jsir iċ-ċentru tal-viżitaturi fit-tempji ta’ Ħal Tarxien li Heritage Malta u Bank of Valletta kienu bdew jaħdmu fuqu daqs sena u nofs ilu.
Dan ikkonfermawh Nathaniel Cutajar tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Katya Stroud, il-Kuratur tat-Tempji.
Il-fuħħar instab fl-għalqa ta’ wara t-tempji waqt li kien qed isir xi xogħol fuq il-proġett il-ġdid f’żona kbira li kienet għaddiet f’idejn il-Heritage Malta. Sfortunatament il-fuħħar ma jafux ta’ liema żmien hu minħabba li l-ħamrija ta’ miegħu kienet maħduma u anki kien jintrema xi skart illegali fl-istess żona.
“Aħna bħala s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – l-iskavi kienu qegħdin isiru minna u Heritage Malta – irrakkomandajna li l-bini jkun iktar xieraq jekk jersaq daqs 10 metri lura, kemm minħabba l-materjal li beda ħiereġ u anki ħassejna li kien viċin wisq it-tempju. Hekk jagħtih aktar arja,” qal Cutajar.
Stroud qalet li l-fuħħar instab f’kantuniera żgħira li mhix se tkun żviluppata. Il-bqija ta’ l-art kienet skavata kollha u Cutajar ikkonferma li issa hemm biss “blat għeri”.
“Bħalissa hemm applikazzjoni l-MEPA bil-proposti riveduti taċ-ċentru. L-idea taċ-ċentru hi li jinfetaħ sa l-2009 iżda jiddependi mill-proċess tal-MEPA,” kompliet tgħid Stroud.
Ix-xogħol fit-Tempji għadu għaddej. Bħalissa qed isir moniteraġġ ta’ l-ambjent tas-sit biex jaraw kif qed jaffettwa l-preservazzjoni tiegħu u jaraw x’inhu l-aħjar mod kif jikkonservawh.
“Qegħdin niġbru informazzjoni bħat-temperatura kif tinbidel, id-direzzjoni u l-qawwa tar-riħ, kemm tolqot xita f’dik iż-żona u kemm il-ħamrija ddum imxarrba fil-ħitan tat-tempji. Dawn l-elementi kollha jaffettwaw il-preservazzjoni tat-tempji,” kompliet il-kuratur.
“Wara ċ-ċentru tal-viżitaturi hemm ħsieb li ninvestigaw x’hemm fl-għalqa. B’ninvestigaw ma jfissirx li niskavaw. Illum hemm teknoloġija ġdida li turik x’hemm taħt il-ħamrija mingħajr ma tiskava. Aħjar ikollok idea ta’ xi fdalijiet hemm qabel tikxef għax l-oġġett jibda jiddeterjora mill-ewwel. Fid-Disgħinijiet kienu diġà saru xi skavi fl-għalqa li jagħtu l-idea li hemm fdalijiet oħrajn,” żiedet Stroud.
Ta’ min jgħid li l-proġett tal-bini taċ-ċentru hu wieħed li jista’ jiżżarma mingħajr ma jagħmel ħsara jew iħalli sinjal fuq il-blat jew id-dawra tal-binja.
Iċ-ċentru tal-viżitaturi se jinkludi wkoll kafetterija, ħanut tas-souvenirs u żona li tista’ tintuża għal wirjiet temporanji. L-idea hi li dawn jibqgħu miftuħin anki meta s-sit ikun magħluq għall-pubbliku biex il-faċilitajiet ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw mir-residenti.
Minbarra dawn, iċ-ċentru se jkollu miegħu faċilitajiet oħra għall-viżitaturi li huma dokumentarju awdjo-viżiv li jintwera qabel wieħed iżur is-sit, żona għall-attivatijiet hands-on għat-tfal u għall-adulti biex jifhmu aħjar il-preistorja u żona għall-wiri ta’ materjal li ġie skavat fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien li s’issa għadu qatt ma ntwera, u megaliti oriġinali li bħalissa jinsabu fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija fil-Belt.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075