MediaToday

Aħbarijiet | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Il-Bomba u l-Banana

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Il-programm ‘Bomba’ fuq ix-xandir ta’ l-istat irnexxielu joħloq ‘splużjoni’ fil-kurituri tal-PBS. Id-DJ lokali ‘Il-Banana’ qed jhedded li se jiftaħ kawża kontra l-PBS u kontra l-attur Ray Calleja. Illum hi nfurmata li fl-aħħar jiem spiċċaw daħlu f’din il-kwistjoni l-Pulizija wara li dawn irċevew rapport mid-diriġenti tal-PBS li DJ Banana heddidhom.
Il-każ hu marbut mal-karattru ġdid ‘DJ Banana and the Coconuts’ li jinterpreta l-attur Ray Calleja waqt il-programm Bomba. Dan id-‘DJ’ suppost ixandar mill-RTK u bi stil differenti jipprova jwassal bosta messaġġi.
Iżda l-karattru tad-DJ bil-Coconuts xejn ma niżel sew ma’ DJ Banana ta’ veru, tant li dan ċempel il-PBS biex jipprotesta kontra l-programm ‘Bomba’u l-mod kif qed iwaqqgħuh għaċ-ċajt.
Allegatament waqt it-telefonata DJ Banana kien rappurtat jgħid li “se jaqla’ waħda kbira, se jkisser kull m’hemm u li jekk il-karattru tad-DJ fil-programm mhux se jieqaf l-affarijiet se jispiċċaw ħażin.”
Wara li l-PBS ħadu parir legali dawn kienu mitluba jagħmlu rapport lill-Pulizija, rapport li sar fl-għassa tal-Ħamrun. Jirriżulta li Spettur mill-istess għassa kellem lil DJ Banana dwar dan il-każ.
Din il-gazzetta għandha f’idejha kopja ta’ żewġ emails li rċieva l-PBS minn DJ Banana wara l-ewwel telefonata tiegħu. L-emails intbagħtu fost l-oħrajn lill-Kap Eżekuttiv ta’ l-istazzjon Albert Debono.
F’waħda mill-emails DJ Banana jgħid li meta ċempel il-PBS biex jagħmel l-ilment tiegħu wieħed mill-impjegati “kien veru arroganti. Forsi dan hu l-mod kif dan ir-raġel kien jittratta lill-barranin meta kien jgħix barra. Imma Malta mhux hekk, għax jien personalment se nagħmel mezz biex il-Maltin ikunu jafu min il-PBS qed jimpjega fi flus il-poplu.”
Fl-email id-DJ Malti jimplika wkoll li martu tilfet tarbija minħabba dan l-inkwiet li nqala’ wara li ħafna persuni spiċċaw iċemplulhom id-dar wara li raw il-programm. Fl-email DJ Banana jiddeskrivi l-programm ‘Bomba’ bħala żibel, “rubbish.”
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta DJ Banana sostna li hu qatt ma’ għamel ħsara lil ħadd u ippretenda li l-PBS u l-attur Ray Calleja kellhom jitolbuh permess qabel ma’ użaw ismu biex joħolqu karattru televiżiv minnu.
“Jien bniedem li ċ-ċajt nieklu. Inħobb niċċajta, inkluż dwari stess, imma ma nħobbx inwaqqa’ għaċ-ċajt lil persuni oħra,” sostna l-Banana.
Mistoqsi jekk hux minnu li wara dan l-inċident attakka personalment lil Ray Calleja b’temi differenti, fosthom marbuta ma’ l-omosesswalità, il-preżentatur ammetta u qal li “veru li għidt ċertu diskors on air fil-programm tiegħi fuq Smash Radio. Imma għandi dritt nuża l-mezzi li għandi wara li ġejt imżeblaħ b’dan il-mod minn ħaddieħor.”
Mitlub jikkummenta x’dejqu dwar il-karattru DJ Banana and the Coconuts, il-preżentatur wieġeb” “fil-ħajja normali tiegħi qatt ma nilbes ħwejjeġ imqatta’, xagħri folt hu tiegħi u hu reali, wiċċi mhux veru tawwali bil-mod esaġerat li pinġewni, u qatt ma noqgħod naqbad il-parti tiegħi fil-pubbliku.
“Ili 26 sena nibni r-reputazzjoni tiegħi u mhux sew li nitwaqqa’ għar-redikolu b’dan il-mod,” kompla d-DJ.
Il-Banana saħaq li dan il-programm ħoloqlu problemi kbar tant li n-nies spiċċaw idejqu lill-familja tiegħu anke d-dar.
“Kelli nneħħi żewġ linji telefoniċi. Il-mara u jien tlifna tarbija minħabba dan l-inkwiet żejjed,” sostna r-raġel.
Din il-gazzetta hi nfurmata li nhar il-Ħamis fil-PBS saret laqgħa ma’avukat biex l-istazzjon ta’ l-istat u l-produzzjoni tal-programm ‘Bomba’ jieħdu parir dwar jekk hux se jkomplu l-karattru tad-DJ u l-Coconuts. Id-deċiżjoni kienet li l-karattru jitkompla.
DJ Banana sostna ma’ Illum li “jekk il-karattru ‘tiegħu’ se jkompli se tkun bi kbira. Niftaħ kawża l-Qorti u kulħadd ipattiha mill-familja tiegħi.”
Mitlub minn din il-gazzetta biex jikkummenta dwar dan il-każ l-attur Ray Calleja sostna li “f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet żgur li qatt ma jkollna l-intenzjoni li nweġġgħu lil xi ħadd. Kulmin b’xi mod jixbaħ lill-karattri ta’ veri hu għaliex jien nammirahom personalment.”

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075