Julia Farrugia
Isabelle Bertuello hija omm ta’ tliet itfal u ilha tissielet għal din l-aħħar sena kontra l-marda tal-kanċer tas-sider.
F’intervista ma’ Illum l-omm tispjega pass pass il-weġgħat li kellha tgħaddi minnhom: minn meta ngħatat l-aħbar, meta qatgħulha sidirha, meta bdiet tieħu l-kimoterapija, xi jfisser għal mara li titlef xagħarha u l-kuraġġ u d-determinazzjoni li tqum fuq saqajha biex tgawdi lil żewġha u lil uliedha.
“Għall-ewwel ma tkunx taf x’laqtek. Jien mara li nemmen imma lill-Alla staqsejtu: x’qatt għamiltlek ħażin, Mulej? Jiġi stadju fejn ikollok rabja kbira ġo fik. Tistaqsi miljun mistoqsija,” tispjega Isabelle.
“Illum ħajti ħadet dimensjoni differenti. Qabel kont ngħaġġibha fuq ħafna affarijiet. Issa l-ħajja saret prezzjuża u rrid ngħix kull minuta fil-massimu tagħha.”
Jitkellem ma’ din il-gazzetta r-raġel ta’ din il-mara li hu infermier u l-emozzjonijiet li ħass meta ra b’għajnejh ir-riżultat mediku ta’ martu. Jaqsam il-ħsibijiet tiegħu ukoll magħna Reuben, wieħed mit-tfal ta’ Isabelle, li għandu 12-il sena.
Hija l-ġrajja li kull mara xi darba jew oħra qrat dwarha. Forsi hi l-aktar storja li tkexkixna. Anke jekk bejnietna n-nisa ma nitkellmux, fis-satra ta’ darna m’hemmx dubju li xi darba ħarisna lejn sidirna u minn moħħna għaddew ħsibijiet bħal ‘jien jista’ jkun li għandi jew jaqbadni kanċer tas-sider?”
Il-ġrajja ta’ Isabelle Bertuello bdiet sena ilu. Fil-31 ta’ Marzu, fl-età ta’ 40 sena, ħasset għoqda f’sidirha. Jumejn wara marret għal vista u t-tabiba ordnat li tagħmel mammogram u ultrasound tas-sider.
“Il-konsulent ma ra xejn ħażin u ċċertifika li kont f’saħħti,” tispjega Isabelle.
F’Awissu ġibdulha materjal biex jagħmlu analiżi fuqu imma anke hawn ma rriżulta xejn.
Ir-raġel ta’ Isabelle jaħdem infermier u kien ta parir lil martu biex minkejja dawn ir-riżultati pożittivi xorta tneħħi l-għoqda f’sidirha.
“Ma ħassejtx li għandi nagħmel hekk la r-riżultati kienu pożittivi,” tistqarr il-mara.
“Iżda f’Settembru l-uġigħ kompla jiżdied u sidri beda jnixxi,” tkompli l-omm bħal donnha qed terġa’ tgħix dawn il-mumenti quddiem għajnejha.
Fit-18 ta’ Settembru l-mara kellha appuntament għal lumpectomy u ftit wara ngħatat l-aħbar ħażina.
“Fl-Indipendenza tawni l-aħbar. Kien hemm ir-raġel u l-familja tagħna. Qaluli li jumejn wara kelli nneħħi sider minnhom minħabba li l-kanċer tant kien infirex li kien laħaq it-tielet stadju. Il-kanċer kien veru aggressiv,” tkompli Isabelle.
L-omm tispjega t-telgħa iebsa li kellha tibda.
“Fid-9 ta’ Ottubru bdejt il-chemo. F’April ta’ din is-sena spiċċajt ir-radio therapy imma l-kanċer tfaċċa’ f’partijiet oħra, fil-ġenbejn, fil-pelvis u fil-pulmun. Dan kien ifisser kimoterapija mill-ġdid,” tispjega Isabelle.
Parti mit-terapija li kellha tieħu ma jipprovdihiex il-Gvern.
“Infaqna ma’ l-Lm4,000. Il-Community Chest Fund ħallset nofshom. Iebsa u piż kbir meta jkollok familja u tliet itfal,” targumenta l-mara.
“Triq iebsa. Għall-ewwel ma tkunx taf x’laqtek. Jien mara li nemmen imma lill-Alla għidtlu: x’qatt għamiltlek ħażin, Mulej? Jiġi stadju fejn ikollok rabja kbira ġo fik.”
F’leħen il-mara nifhem il-weġgħa.
“Kelli rabja kbira għax it-tobba ma ndunawx mill-ewwel x’kelli. Forsi kieku ndunaw meta kont mort niċċekkja sidri kieku l-kanċer forsi ma kienx jilħaq jinfirex daqshekk.
Il-mara għandha spirtu pożittiv imma fl-istess ħin saqajha ma’ l-art.
“Meta spiċċajt ir-radjuterapija lit-tabib staqsejtu x’inhuma ċ-ċansijiet li għandi. Qalli li l-ewwel sentejn kruċjali jekk jerġax joħroġ xi ħaġa oħra jew le. Jien naf li wara xahrejn biss reġa’ beda jinqala’ l-inkwiet. Riċentement anke t-testment biddilt. Taħseb u taħseb. Mara ta’ 40 sena normalment ma taħsibx f’dawn l-affarijiet.
“Fuqi għandi sentenza tal-mewt. Għaddiet sena, naf. Imma min jaf kemm baqagħli?”
L-omm tħallik tisma’ u tagħsar dak kollu li ħiereġ minn fommha. Forsi l-akbar tagħlima toħroġ mill-pożittiv li taf tarmi din il-mara.
“Il-perspettiva tal-ħajja nbidlitli ħafna. Din l-esperjenza biddlitni. Qabel kont ngħaġġibha fuq ħafna affarijiet. Kont emozzjonali ħafna. Il-ħajja issa saret aktar prezzjuża għalija,” tkompli l-omm.
“Il-fidi hi importanati ħafna. Kuljum fis-5.45 idoqq l-arloġġ u tibda ġurnata oħra biex immur mat-tfal il-quddiesa. Tajba jew minix din il-ħaġa toħroġni minn ġos-sodda.”
Imbagħad tispjegali aktar bidliet li qed iseħħu fiha.
“Qabel kont mutur ġod-dar. Illum anke biex inqandel borma misħun problema.”
Tfakkarni fil-mumenti iebsa ta’ mara li tmur taħt is-sikkina biex tneħħi sider.
“Tħossok titfarrak biċċa biċċa. Għal mara s-sider hu s-sesswalità tagħha. L-istess meta bdejt nitlef xagħri. Qabel, kull nhar ta’ Ġimgħa jew is-Sibt, kont immur nagħmel xagħri. Imbagħad tasal f’punt fejn tgħaddi idejk minn ġo xagħrek u jibda jiġi f’idejk,” tispjega Isabelle.
“Hemm il-fażi li jaqa’ x-xagħar kollu u trid tilbes parrokka. Hemm ħsibijiet oħra li ġġib magħha parrokka, fosthom meta jkun għaddej riħ qawwi.”
“Jien nixtieq ngħaddi dan il-messaġġ lin-nisa kollha. ‘Tittraskurawx. L-istatistika turi li aktar ma tinduna kmieni li għandek kanċer aktar għandek ċans issalva’. Dan hu l-messaġġ li nixtieq ngħaddi,” tkompli l-omm.
U l-akbar xewqat tagħha? Aktar qabel semmietli li tixtieq tagħmel dak li ilha tgħid snin twal: li bħala familja jagħmel it-tisbiħ fid-dar li ilhom ħafna jippjanaw.
Imma jien u nqum minn fuq is-siġġu nisma’ għall-ewwel darba l-mara b’leħen miksur. Issa b’għajnejha jleqqu ftit fid-dmugħ: “Nixtieq nara lil uliedi u lil ulied uliedi jikbru.”
Imbagħad terġa’ ddawwar is-suġġett u tgħidli li għadha tinvolvi ruħha fil-qari tal-knisja u fl-attivitajiet tal-parroċċa. Spirtu u enerġija li jispirawk.
Il-ħsus li jgħaddu minn moħħ il-qraba
Reuben, iben Isabelle, ta’ 12-il sena
L-aħbar ħasditni għax qatt ma bsart li omm b’saħħitha bħal ommi jista’ jaqbadha l-kanċer. L-agħar ħaġa hi meta kellna ninfirdu minn ommna sakemm ħadet il-kura. Kont ninkwieta wkoll meta ma stajtx ngħannaq lil ommi jew ma stajtx nagħtiha sempliċi bewsa minħabba l-biża’ li nagħtiha xi nfezzjoni għaliex bil-kura ommi ma kellhiex ċelloli bojod biex tipproteġi lilha nnifisha.
Nittama li mediċini ġodda jgħinu lil ommi tibqa’ ħajja u li t-tobba jagħmlu l-aħjar tagħhom biex isalvawli lil ommi.
Joseph, ir-raġel ta’ Isabelle
Naħdem bħal infermier. Meta rajt il-kampjun jittieħed minn marti kont naf li kienet aħbar kerha. Fix-xogħol tiegħi rajt ħafna tumuri imma xejn ma kien ippreparani għar-riżultat terribbli. Dan il-kampjun kien ta’ marti. Id-dijanjosi kienet kanċer tas-sider!
Id-dinja tiegħi ġġarrfet fuqi. Xejn u ħadd ma kien ħejjieni għal din is-sitwazzjoni. Moħħi nfaqa’ bil-mistoqsijiet – x’jiġri minn marti, minn uliedna u miljun mistoqsija bħal dawn.
Marti bdiet il-kimoterapija u qsamt qalbi naraha ssofri mingħajr ma nista’ ngħinha ħlief billi nagħtiha l-appoġġ tiegħi.
Għaddiet sena u l-affarijiet għadhom xorta mhux ward u żahar, imma qed ngħixu l-ħajja ġurnata b’ġurnata. Nixtieq li ħadd ma jgħaddi minn din l-esperjenza.