MediaToday

Aħbarijiet | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Il-case officer jirrifjuta, il-Mepa tapprova

Julia Farrugia

Ix-xhieda fil-każ imressaq kontra l-Mepa minn residenti fi blokka appartamenti f’Għawdex u li rrappurtat dwaru fid-dettal din il-gazzetta ġimgħa ilu kompla jinstema’ u fost l-oħrajn Ronald Saliba, wieħed mir-residenti u atturi f’din il-kawża, esebixxa statistika biex ifiehem il-mod kif jaħdmu ċerti bordijiet fil-Mepa.
L-istatistika turi 32 applikazzjoni f’Għawdex li saru bejn l-2004 u l-2007 mill-Perit Joseph Bondin.
Minn dawn it-32 applikazzjoni, 18 kienu barra ż-żona ta’ l-iżvilupp filwaqt li tlieta kienu fiż-żona ta’ konservazzjoni. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-applikazzjonijiet ta’ Bondin kienu rifjutati mill-case officer imma b’xi mod spiċċaw ġew approvati mill-Mepa.
Mix-xhieda li ħarġet s’issa fil-Qorti ntuża kliem iebes kontra l-Mepa fosthom mill-Imħallef Joe Galea Debono li fix-xhieda tiegħu iddeskriva lill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar bħala “Qorti tal-Kangaroo.”
Din il-gazzetta tista’ tikkonferma li Chris Falzon, l-eks Chairman tal-Mepa, hu wieħed mit-30 persuna, flimkien ma’ l-Imħallef Joe Galea Debono, li fetaħ il-kawża kontra l-istess Awtorità li kien imexxi hu.
Il-Perit Bondin kien iservi fuq bordijiet tal-Mepa fi żmien li Chris Falzon kien Chairman ta’ l-Awtortità għall-Ambjent u l-Ippjanar. Falzon waqaf mill-kariga fil-Mepa fl-2001 u meta kien ikkuntatjat minn din il-gazzetta qal: “F’dan l-istadju ma nixtieqx nikkummenta.”
L-argumentazzjoni li qed tinġieb fix-xhieda f’dan il-każ hi li d-DCC’s fi ħdan il-Mepa huma ffurmati minn periti li jaħdmu bil-kunċett ta’ “ħokkli dahri ħa nħokklok dahrek.” Qed ikun implikat li perit jgħaddi applikazzjonijiet ta’ periti kollegi bil-għan li meta hu jkollu bżonn approvazzjonijiet isib għajnuna reċiproka.
Mistoqsi minn din il-gazzetta dwar il-prinċipji involuti f’dan il-każ il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar George Pullicino sostna li l-Ministeru tiegħu: “irċieva ftit allegazzjonijiet ta’ affarijiet ħżiena li twettqu minn xi membru tal-bord tad-DCC waqt li kienet qed tittieħed xi deċiżjoni.”
Il-Ministru sostna li “meta kienet innutata mġiba mhux etika, il-Ministeru ħa l-azzjoni meħtieġa. Safejn naf jien, l-Uffiċċju ta’ l-Awditur ma rċieva l-ebda allegazzjoni ta’ mġiba ħażina minn xi membru tad-DCC.”
Pullicino qal li ġieli ngħata l-parir biex tinbidel is-sistema u fiha jkun hemm bord wieħed biss li jkollu seba’ periti impjegati full-time għal perjodu ta’ tliet snin. Kif kien suġġerit il-periti magħżula ma jistax ikollhom xi mpjieg ieħor sakemm idumu fil-kariga.
“Jien minix komdu b’din is-soluzzjoni għaliex meta kuntratt ikun wasal biex jintemm, il-membri jkun aktar moħħhom fuq x’se jiġri minnhom wara li tintemm il-ħatra milli x’qed jagħmlu fid-DCC. Nemmen li sitwazzjoni fejn membri tad-DCC board ikollhom dħul finanzjarju ta’ min jafdah jagħti lok għal inqas abbuż,” temm il-Ministru għall-Ambjent.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075