Sports | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51
Kien għad jonqos persuna bħal dan biex sa fl-aħħar iqajjem l-atmosfera fl-istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali. Mat-titjib li għamel f’dawn l-aħħar snin it-tim tagħna, ridna proprju persuna b’ħila u b’ħeġġa li jista’ jkun il-kaptan tat-12-il plejer fil-ground.
Megħjun minn ħafna, Louis Agius kellu ħolma li sa fl-aħħar saritlu realtà. Dejjem xtaq li mqar għal okkażjonijiet speċjali jirnexxilu jgħaqqad partitarji minn clubs differenti biex jingħaqdu flimkien f’kor wieħed għal tim wieħed…it-tim nazzjonali Malti.
Irrid inkun sinċier u ngħid li meta smajt b’dan il-proġett ġimgħat ilu kont xettiku kemm xi ħaġa bħal din tista’ xi darba tirnexxi f’pajjiżna. Hu fatt magħruf li l-biċċa l-kbira tal-partiti li jilgħab it-tim Malti fihom jispiċċa l-aktar fuq in-naħa telliefa. Sa ftit tal-jiem ilu xi ħaġa bħal din stennejt biss li tista’ tkun tajba għall-partita tat-Turkija. Ir-raġunijiet huma ovvji. Minbarra li t-Torok kienu attrazzjoni, magħhom ġabu storja sħiħa tal-passat ta’ pajjiżna.
Il-fatti qed juru mod ieħor. Illum il-ġurnata nista’ ngħid li s-South End Core hu grupp ta’ nies stabbilit f’pajjiżna. Jingħaqdu ta’ sikwit u minn ħafna qabel jibdew jiddeċiedu x’se jkun l-armar għall-impenn li jkun imiss fuq skala nazzjonali.
Iltqajt ma’ Louis Agius it-Tnejn li għadda. F’intervista ta’ siegħa Louis jgħidli kemm hu kbir ix-xogħol u twil il-ħin biex jirnexxu tassew. Jispjegali kif nibdet din l-idea u kemm illum il-ġurnata huma nies rikonoxxuti minn kulħadd, inkluż mill-ogħla awtorità u l-ogħla persuna fi ħdan il-futbol Malti, l-Malta Football Association u Dr Joe Mifsud.
Louis jgħidli li għalih il-futbol hu passjoni u jsegwi dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-isport. Dan id-delizzju twieled miegħu.
“Jien bniedem li nħobb insegwi l-futbol b’attenzjoni kbira. Qabel kont nilgħab ukoll imma illum ma nistax aktar minħabba l-ħafna injuries li laqtuni. Minn dejjem segwejt lit-tim nazzjonali Malti. Għandi għal qalbi dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Malta. Minn dejjem kelli ħolma li nwettaq xi ħaġa għas-sapport nazzjonali. Wara ħafna ħafna snin din il-ħolma rnexxiet.
“Bħala sport insegwi kollox. Għadni sa llum involut f’kompetizzjonijiet li nidħol fihom flimkien ma’ sħabi. L-isport hu ħajti, tant li ftaħt ħanut ta’ l-isports ukoll. Aktar minn hekk ma nistax inkun dilettant.”
Il-wiċċ hu familjari ħafna ma’ dawk li jħobbu jsegwu l-attivitajiet sportivi mir-Rookies Bar f’Buġibba. Ili ftit taż-żmien ma nattendi f’dan il-bar. Inwiegħdu li nkun preżenti ma’ l-ewwel opportunità. Kien grazzi għal dan l-istabbiliment li ġiet l-idea tas-South End Core.
“L-idea tas-South End Core bdiet b’ċikka. Konna qed nitkellmu bejn żewġt iħbieb, jien u sieħbi li għandu sports bar ieħor, ir-Ryans Pub ta’ San Ġiljan. Iddeċidejna biex bejnietna naħdmu xi ħaġa minima għal-logħba tat-Turkija. Suppost kellna nagħmlu festin żgħir qabel fil-bar tiegħi u tiegħu qabel il-partita u minn hemm niftiehmu biex flimkien nitilgħu bil-massa lejn Ta’ Qali. Suppost kienet s’hemmhekk il-biċċa tax-xogħol.
“Imma f’daqqa waħda sar kuntatt ma’ l-ultras ta’ Birkirkara, ta’ Hibernians u ta’ Valletta u kulħadd beda ġej. Ingħaqdu magħna l-KSU u partitarji mill-Iżmerċ Pub, l-Extra Time tal-Mosta u l-4779 ta’ Marsascala. Għamilna l-ewwel laqgħa tagħna li għaliha konna xi 15-il ruħ minn għaqdiet differenti. Iddeċidejna li nagħmlu xi ħaġa tajba għal-logħba kontra t-Turkija. Qatt ma ħsibna li sa naslu biex niġbdu dawk il-folol kbar warajna.”
Louis Agius twieled fit-23 ta’ Novembru 1972 u joqgħod Santa Venera. Miżżewweġ lil Tania u hu missier ta’ żewġt itfal, Jordan ta’ 5 snin u Jacob ta’ sena. Huwa partitarju ta’ Valletta, Juventus u t-tim Taljan. Iżda jgħidli li t-tim nazzjonali ta’ pajjiżna ma jħalltu ma’ xejn.
Jitkellem miegħi fuq il-kampanja qawwija li għamlu biex jiġbru l-isponsors, li fil-fatt sabu, anki jekk ma kinietx daqshekk faċli.
“Bdejna nitolbu għall-isponsors u bdew jiġu. Ħtafna l-okkażjoni fil-logħba tat-Turkija għax magħha ġabet pika minħabba l-istorja ta’ pajjiżna. Kienet parti mill-istorja Maltija. Konna qlajna ħafna kritika għax kien hemm min libes ta’ kavallier imma fl-aħħar mill-aħħar kuntent li l-biċċa tax-xogħol irnexxiet.
“Mill-MFA sibna appoġġ kbir. Ma nistax ma nirringrazzjax żewġ persuni partikolari, lil Ivan Vella u lil Victor Mifsud li għenuni ħafna u ġew anki għall-konferenzi stampi tagħna. Sibna warajna wkoll il-media kollha ta’ Malta. Ġew ħafna nies b’mentalità ta’ Ultras u meta qbilna fuq l-armar bgħatna għall-affarijiet minn barra. Ordnajniehom mill-istess post minn fejn jiġi ordnat it-tiżjin tal-Milan waqt il-partiti tagħhom f’San Siro.
“S’issa ninsabu kuntenti ħafna bin-nies li rrispondew għas-sejħa. Kontra t-Turkija l-kurva kienet mibjugħa kollha. Kuntenti li s-South End Core illum il-ġurnata kulħadd sema’ bih. Il-ħidma rajna l-frott tagħha. Ma kinietx faċli imma minkejja l-maltemp, anki kontra l-Moldova ngħid li kien hemm attendenza tajba.”
Jispjegali kif ideat simili għas-South End Core imorru lura s-snin f’pajjiżna. Kien għadu student meta kien jagħmel parti minn xi ħaġa hekk.
“L-ewwel darba li ntuża l-isem South End Core kien fis-Snin Disgħin meta jien kont għadni tifel. Konna grupp minn San Ġwann u konna niftiehmu ma’ studenti mill-Università li kienu jissejħu ‘bulldogs’ biex nitilgħu nagħtu l-appoġġ. Pero’ kienet xi ħaġa fuq skala żgħira ħafna. L-isem ta’ South End Core ħareġ għax inkunu fis-south u l-kor tal-partitarji hu l-qalba tat-tim. Kien hemm ideat oħra għal isem ieħor. Xtaqna nużaw isem bil-Malti imma sfortunatament bil-lingwa tagħna mhux dejjem jirnexxilek issib xi ħaġa addattata. Imma qbilna mill-ewwel fuq l-isem.”
Insaqsih kemm jinvolvi xogħol l-armar ta’ qabel kull partita.
“Jinvolvi ħafna ħafna xogħol. Għal-logħba kontra t-Turkija għamilna tliet xhur xogħol imma għal kontra l-Moldova l-ħajja għalina kienet kemmxejn aktar faċli peress li ma kinietx l-ewwel darba. Il-laqgħat u l-ġiri wara l-isponsors huma biżżejjed. Hu kollu xogħol volontraju ta’ nies li għandhom dan id-delizzju.
“L-għan tagħna jibqa’ li nibdlu l-mentalità tal-partitarju Malti. Hawn Malta mdorrijin immorru l-ground u kulħadd rassenjat li ġejja telfa. Kif naqilgħu l-ewwel goal jispiċċa kollox u tkun qisek qed tisma’ quddiesa. Kontra l-Moldova urejna li anki jekk konna tliet goals minn taħt, l-appoġġ ma waqaf qatt u rnexxielna niskurjaw tnejn. B’daqsxejn aktar fortuna stajna wkoll ġibna d-draw. Huma fatti li t-tim qed jitjieb u aħna rridu nibqgħu ngħinuh. Kontra t-Turkija vera li ġiena kollox tajjeb imma ħaġa li laqtitni kienet li appena qlajna ż-żewġ goals is-sapport aktar irvilla.”
Insaqsih fuq l-uniku inċident li kien hemm fil-partita u li ġie minn naħa ta’ fejn kienu huma.
“Kontra t-Turkija kien hemm episodju separat ta’ bluha fuq pika. Kienet iktar sfida bejn żewġt iħbieb fuq kelma u lanqas kienet xi mħatra għall-flus. Dan qal lil sieħbu li jekk niskurjaw kien se jinża għarwien fil-ground. Ħabib tiegħu stess tant kemm baqa’ jizzikah li mat-tieni goal ma felaħx aktar u mar kixef il-warrani lill-partitarji Torok. Weħel sena ma jidħolx il-ground u Lm500 multa. Ma tantx mar tajjeb fuq pika bħal din. Imma kienu affarijiet żgħar u tad-daħk. Żgur li ma kienx xi inċident mill-kbar.”
Louis jgħidli li m’humiex in-nies biss li jagħmlu parti minn dan il-grupp li qed jgħidu li qed jagħmlu suċċess.
“Nemmen li qed nagħmlu suċċess għax l-ikbar ċertifikat tajhulna Michael Mifsud f’waħda mill-konferenzi stampi. Xi ħadd staqsieh kif jaħsibha fuq dan is-South End Core. Hu wieġeb li għalkemm imdorri jilgħab kull ġimgħa quddiem 25,000 ruħ, l-atmosfera li kien hawn Malta fil-logħba kontra t-Turkija kienet inkredibbli ħdejn ta’ Coventry. L-idea hi li nħadnu s-sapport bħal ta’ barra f’Malta wkoll.
“Għandna l-korijiet tagħna wkoll. Kulħadd jista’ jsibhom fil-website HYPERLINK “http://www.southendcore.com” www.southendcore.com. Wieħed mill-korijiet qed jużawh il-Boca Juniors u l-ieħor qed jużawh il-Liverpool. Pero’ rridu l-ħin biex in-nies jidrawhom.”
Huma ħafna dawk li l-kelma Ultras jistkerrħuha u jabbinawha mal-vjolenza. Għalkemm lil Louis din il-kelma ma ddejqux, jiddissassoċja ruħu minn kull inċident li jista’ jinqala’.
“Tista’ ssejħilna ultras ukoll jew inkella hardcore supporters. M’aħniex nies li se nħaddnu l-vjolenza. Anzi l-messaġġ tagħna dejjem kien u se jkun biex ħadd ma jaqbeż il-limiti. Onestament kontra t-Turkija bżajt li seta’ jinqala xi nkwiet imma biex ma nqala’ xejn dak inhar mhu se jinqala’ xejn qatt.”
Insaqsih jekk ħasbux li ’l quddiem f’każ ta’ telf ripetuttiv jistgħux isibu l-problema ta’ nuqqas ta’ interess.
“Qed nippruvaw inqabbdu din il-mentalita’ biex tibqa’ għal dejjem. Irridu ndaħħluha f’moħħ kulħadd li aħna m’aħniex il-Ġermanja, l-Italja jew il-Brażil li se nirbħu kważi kull logħba. L-għażla tat-tim nazzjonali Malti hi ferm limitata. Ftit jaħsbu li jekk mill-kampjonat Premier Malti, tneħħi l-barranin u l-veterani, jifdallek xi 10 fil-mija ċans biex tintgħażel fit-tim nazzjonali. Meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra kbar jien ngħidlek li t-tim nazzjonali tagħna għaddej tajjeb ħafna.”
Louis jiftaħ qalbu u jgħidli l-ispejjeż li jidħlu jkollhom jidħlu fihom għall-armar li kieku ma jsibux nies li jgħinunhom finanzjarjament fi sponsors.
“Kieku kellna nħallsu għal kull ħaġa li għamilna kontra t-Turkija kienet tiġina spiża ta’ xi Lm6,000. Ordnajna billboards li damu biex jaslu xahar u ġewna Lm400-il wieħed. L-4000 bandiera żgħira li qassamna qabel il-logħba ġewna 30 ċenteżmu-il waħda. Kontra l-Moldova ħitna 10 bnadar kbar għax kellna ftit tal-kritika. Ġewna Lm230. Irrid nirringrazzja lil Melita Cable li tawna sponsor tajjeb ħafna wkoll.”
Nistaqsih kif inhi r-relazzjoni fil-konfront ta’ l-Malta Football Association.
“Ma’ Dr Joe Mifsud iltqajna kemm-il darba. Għandna relazzjoni mill-aqwa miegħu u qed jgħina ħafna. Ma’ l-MFA mixjien id f’id u hekk għandu jkun.
“Il-proġetti tagħna għall-futur huma li nkompli nikbru. L-idea tagħna hi li ma nibqgħux biss fuq futbol. Dan il-grupp ta’ partitarji li rnexxielna ngħaqqdu nixtiequ niħduh magħna kulfejn ikun involut it-tim nazzjonali hu f’liema sport hu. Hemm logħba tar-rugby fis-17 ta’ Novembru u beħsiebna nattendu wkoll. Il-Kavallieri huma nies li qed jgħinuna ħafna.”
Inkellmu fuq il-possibilment vjaġġi minn dan il-grupp biex il-partitarji Maltin isegwu lit-tim nazzjonali anki meta jilgħab il-partiti tiegħu ‘away’.
“Wara l-logħba tat-Turkija jien kelli f’moħħi li nagħmlu oneday tour għal-logħba kontra l-Ungerija. Ma rnexxietx mhux għax kien xi nuqqas tas-South End Core jew l-MFA. Sfortunatament il-prezz li ġejna mitluba mill-Air Malta għall-ajruplan għamel kollox impossibbli. Bil-flus li kienet se tiġihom għal ġurnata dak li jkun kien imur ħamest ijiem vaganza x’imkien ieħor. Jien ma ridx nemmen imma kienet sitwazzjoni ta’ jew ħu jew ħalli. L-idea tagħna kienet li nżommuha taħt il-Lm100 u niggarantilek li tliet ajruplani konna nimlew.
“Ħa nerġgħu nippruvaw nagħmlu xi ħaġa kontra l-Greċja imma jekk il-prezz ma jkunx f’dak il-limiti terġa’ tkun impossibbli. Xtaqna morna imma għamluhielna diffiċli.”
L-appell tagħna f’dan ir-rigward huma biex l-Air Malta titlob prezzijiet raġjonevoli. Wara kollox dawn jistgħu jkunu vjaġġi li bis-saħħa tagħhom xi ħaġa tan-nazzjon kollu tagħtini pjaċir.
“Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-MFA għax dejjem sibniehom warajna. Ivan u Victor dejjem għenuna f’kulma kellna bżonn. Hemm in-nies kollha li għandhom x’jaqsmu mal-partitarji ta’ l-Ultras tat-timijiet li jqattgħu ħinijiet twal jaħdmu u jlestu l-armar.
“Nirringrazzja wkoll lit-Team Sport, Melita Cable u l-istabbilimenti kollha li jikkontribbwixxu f’kulma jkollna bżonn.”
|
|
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|