Aħbarijiet | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Sittax-il mużiċist se jakkumpanjaw lil kantanti Daniel Cauchi u Nadine Axisa waqt il-kunċert Manoel Theatre Swings with GO bid-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud.
L-idea tal-kunċert bdiet meta żmien ilu t-Teatru Manoel mar fuq Mifsud biex itella’ kunċert bil-ħsieb li jkun wieħed movimentat imma mhux replika tan-National Orchestra goes Pop. L-għażla tal-mużika Swing kienet waħda awtomatika minħabba l-ambjent li joffri t-teatru.
“Naħseb li l-ambjent tat-teatru flimkien ma’ l-atmosfera li kapaċi tagħti l-mużika Swing jagħmlu riċetta tajba. Nispera li mhux biss nġibu nostalġija lil min hu midħla tal-mużika Swing, imma li nressqu wkoll żgħażagħ lejn din il-mużika, li tant toffri emozzjonijiet u li f’dan il-kunċert se tieħu xejra pjuttost moderna bħala stil. Dan minbarra li għandna Solo Clarinett Concerto ta’ Artie Shaw minn Godfrey Mifsud,” qal is-Surmast.
Għalkemm iż-żewġ kantanti ewlenin kantaw flimkien fil-kunċert li tat l-Orkestra fis-sajf li għadda, il-ħsieb li jkantaw flimkien kien ilu jberren f’moħħ is-Surmast.
“Ili naf bil-ħiliet mużikali ta’ Nadine u Daniel. Meta tikkunsidra li f’dan il-kunċert se nittrattaw mużika ta’ Frank Sinatra, Paul Anka, Ella Fitzgerald, Diana Krall u Michael Bublè l-għażla awtomatikament waqgħet fuqhom. Imma jkolli nametti li wara l-kunċert Pop ma stajtx ma ninkludix lil Raquela Dalli Gonzi li għandha vuċi li ssaħħrek,” qal Mifsud.
L-arranġamenti mużikali se jagħtu xejra moderna u versatili lis-siltiet ta’ mużika Swing, li l-bidu tagħha jmur lura għall-1920, mingħajr ma jintilef ir-ritmu ta’ din il-mużika. Il-bażi tagħha hu t-temp mgħaġġel u l-versatilità li tagħti lill-mużiċist biex jimprovizza. Għalhekk f’dan il-kunċert se jkun hemm ukoll partijiet fejn il-mużiċisti se jesperimintaw b’ritmi spontanji biċ-ċans li fit-tlitt ijiem ikun differenti.
“Parti mis-sabiħ tal-mużika Swing hu li tagħti spazju għal mużiċisti biex jimprovizzaw. Ta’ min jgħid li fil-band hemm fost l-aqwa element Malti li huma tajbin fl-improvizzazzjoni. Ovvjament kull improvizzazzjoni għandha l-istorja tagħha.”
Din hi l-ewwel darba li t-Teatru Manoel qabbad lil Sigmund Mifsud fuq proġett bħal dan.
“Hu unur għalija li ġejt avviċinat mit-Teatru Nazzjonali. Biss jien bniedem li meta jkolli proġett f’idi nkun irrid li nieħu ħsiebu minn kull aspett inkluż il-promozzjoni tiegħu. Nirringrazzja lil Marthese Azzopardi talli ikkoordinat il-promozzjoni kollha ta’ dan il-kunċert. Nammetti li xtaqt li jkolli iktar libertà, kif is-soltu jkolli fil-kunċert Pop, iżda la darba il-produzzjoni hi dik tat-Teatru Manoel jkollok timxi mal-politka tiegħu,” temm jgħid Sigmund Mifsud.
Il-kunċert se jittella’ nhar is-26 ta’ Ottubru, is-27 u t-28 u għandu produzzjoni tat-Teatru Manoel. Hu megħjun minn GO, National Lotteries Good Causes Fund, HSBC, Bortex, Tune In u Le Meridien St Julian’s. Il-biljetti jinkisbu mit-Teatru Manoel fuq 21246389 għall-prezz ta’ Lm10, Lm6 u Lm4. Jingħata skont lil min għandu Student Card jew Karta Anzjan.
|
|
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|