MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Avanzi Kostituzzjonali

1. Ħafna drabi l-avanz tagħna bħala pajjiż ġej mill-pilastri fundamentali li qed jassiguraw u jiggarantixxu dan kollu. Il-Qorti Kostituzzjonali hi waħda minn dawn. Infakkar li din hi l-ogħla Qorti fil-pajjiż tagħna, magħmula llum minn tliet Imħallfin. Hi l-iktar ’il fuq għax għandha fost il-poteri tagħha d-dmir u d-dover li tipproteġi l-Kostituzzjoni tagħna. Tara li l-aġir tal-Parlament fil-liġijiet li jiġu approvati, kif ukoll ħidmet l-Eżekuttiv u l-istess Ġudikatura, huma konformi mal-Kostituzzjoni. U jekk dan m’huwiex skond din il-liġi suprema, tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji u tiddikjarah bħala żbaljat. Mekkaniżmu determinanti u li jiġġarantixxi d-demokrazija.

2. Fortunatament għalina għandna Kostituzzjoni li hi miktuba. Għandna iswed fuq l-abjad id-drittijiet, id-dmirijiet tal-bnedmin u ta’ l-Istat, kif ukoll l-istruttura sħiħa ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi. Personalment nemmen li wasalna sabiex nerġgħu nduru dan id-dokument bażiku u nħarsu ’l quddiem lejn l-esiġenzi demokratiċi tagħna, lejn is-seklu li dħalna fih. Għad għandna sistema legali li fiha tifkiriet ta’ żmien il-kolonjaliżmu li wasal il-mument li jagħmlu spazju għall-istrutturi li soċjetà moderna trid.

3. Għandna diġà numru ta’ bidliet kbar fid-dokument innifsu, imma hemm ukoll dawk esterni li ġew b’iktar rapidità bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea li jitolbu tweġiba. Dan kollu ma’huwiex sempliċement eżerċizzju akkademiku jew intellettwali imma hu neċessità. Ċavetta determinanti f’dan il-kuntest tibqa’ ħidmet il-Qorti Kostituzzjonali. Illum il-ġurnata wieħed jista’ jinnota bidliet fil-qies iktar attent lejn dawk li huma d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll bil-volum innifsu ta’ deċiżjonijiet li jingħataw minn din il-Qorti. Dawn ukoll huma bidliet importanti li ftit qegħdin jingħataw ċerta attenzjoni. Imma jekk irridu nkomplu nissudaw id-demokrazija tagħna għandna nidħlu għal tali eżami akkurat u dettaljat.

4. Ngħid li m’għadniex pajjiż li ħareġ minn perjodu twil ta’ kolonjaliżmu fejn kien hemm ingranat li l-Istat u l-Gvern għandhom dejjem raġun. Illum ġustament l-affarijiet inbidlu direttament il-kontra. Il-bidliet fil-formazzjoni u kultura legali qegħdin jagħtu frott ferm iktar mill qatt kellna. Dan jirriżulta b’mod ċar. Mhux biss jew sempliċement fuq livell personali, jiġifieri fejn jolqot lil dak iċ-ċittadin involut fil-kawża kostituzzjonali, iżda fuq livell ogħla – dak li bih il-kwalità ta’ l-ambjent demokratiku tagħna jaħdem. Imma hu mill-iktar ċar bħad-dawl tal-jum li l-Qorti Kostituzzjonali tagħna qegħda hi stess tmexxi u tiżviluppa l-kontenut u l-ispirtu tal-Kostituzzjoni tagħna.

5. Hu mill-iktar ovvju li l-volum kbir ta’ sentenzi li ngħataw qed jippromwovu aħjar il-valuri demokratiċi tagħna. Jekk inqisu biss li f’dawn is-snin ġew deċiżi madwar 120 kawża nifhmu aħjar is-sitwazzjoni. Nifhmu kemm studju profond, dettaljat u tad-direzzjonijiet kollha li nsibu fihom jista’ jindika toroq ġodda li aħna l-politiċi għandna nsegwu. Dan speċjalment minħabba l-fatt li ħafna drabi l-leġiżlatura tifhem ħidmet dik il-Qorti meta tirċievi sentenza mingħandha li annullat xi artikolu tal-Liġi. Dan ifisser li l-impatt tar-rapport kostituzzjonali hu fuq parti limitata u mhux mifruxa għal kollox. Id-demokrazija tagħna titlob li nsostnu dik l-istituzzjoni bi proċess iktar dirett għal dak li qed jiġri.

6. Ngħid dan għax nemmen, u anzi l-istorja tipprova, li appena l-aġenda tal-pajjiż fl-1987 inbidlet għal waħda demokratika l-ekonomija, il-kultura, il-libertà u l-ġustizzja soċjali tagħna kibru. Ma nemminx li wieħed jista’ jara xi avanz f’pajjiż jekk ma jkunx hemm demokrazija b’saħħitha f’kull qies u saħħa. Il-Kostituzzjoni hi l-liġi suprema tal-pajjiż u hi l-garanzija għall-protezzjoni tad-demokrazija u allura tas-soċjetà sħiħa bil-benefiċċji li rnexxielha takkumula u tagħti. Hi ankra ta’ stabbilità u f’dan id-dawl wieħed japprezza iktar ħidmietha fid-dinja tagħna. Illum wasalna fejn qabel ma konniex. Għandna pajjiż ferm iktar stabbli, ekonomikament vijabbli u li l-ħin kollu javvanza ’l quddiem. Dan kollu seħħ minħabba l-pedamenti sodi li qegħidna.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075