MediaToday

Emmanuel Micallef | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Lil hinn mill-baġit...

Il-baġit ilu li tilef l-importanza li darba kellu. Mhux biss għax qabel kien jintuża mill-Gvern biex jagħti sodisfazzjon tal-ħidma tiegħu imma wkoll għax illum l-amministrazzjoni governattiva hi soġġetta għal skrutinju kontinwu u mhemmx għalfejn jasal il-baġit biex wieħed jieqaf u jaħseb dwar kif inhu sejjer il-pajjiż u x’inhi l-qagħda ekonomika taċ-ċittadin.
Iżda minkejja dan xorta waħda l-baġit jibqa’ jqajjem interess għax fl-aħħar mill-aħħar hu ezerċizzju li jagħti indikazzjoni dwar il-livell ta’ għixien li nkunu għaddejjin minnu u li nistgħu ngħaddu minnu fis-sena ta’ wara. Iqajjem interess ukoll minhabba li jolqot fil-laħam il-ħaj il-but taċ-ċittadin u jaffettwa lill-familja tiegħu.
Dan il-baġit ma kienx xi wieħed speċjali. Wieħed minn sensiela. Iżda żgur li kien baġit maħsub biex filwaqt li jirrefletti kawtela fejn jidħlu obbligazzjonijiet li għandna nosservaw bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, speċjalment fejn jirrigwarda politika monetarja u ekonomika, fl-istess waqt jieħu ħsieb li l-ġid jew il-progress ekonomiku u soċjali jkun rifless fil-baġit tal-familja u taċ-ċittadin.
X’fih differenti mill-baġit tas-sena li għaddiet u ta’ qabel? Wieħed jista’ jargumenta li dan kien baġit li jkompli jibni fuq li sar qabel; li dan hu baġit uniku għax qed jirrifletti x-xogħol u s-sagrifiċċji ta’ dawn l-aħħar tliet snin.
Jista’ jkun ukoll li b’dan il-baġit il-Gvern fetaħ idejh – minkejja l-kriżijiet fil-prezz taż-żejt u l-impatt tal-prezz dejjem jiżdied ta’ l-ikel u ċereali – biex jidher sabiħ mal-poplu għax ġejja elezzjoni ġenerali. Dak li sa ftit taż-żmien ilu konna nsejħulu baġit tal-bżar fl-għajnejn.
Jidher sabiħ issa. Iżda jkollna nagħmlu tajjeb għalih wara li jgħaddi! Kif jiġri s-soltu. Ħafna kienu dawk li esprimew l-opinjoni tagħhom dwar dan il-baġit. Kulħadd stqarr bil-mod tiegħu li dan kien baġit pożittiv. Min qal li kien tajjeb. Min qal li kien eċċellenti. Min qal li kien mhux ħazin. Min qal li seta’ kien ferm aħjar.
Jibqa’ l-fatt li għal ragunijiet differenti dan il-baġit intlaqa’ tajjeb. Anke minn dawk li għal ragunijiet ovvji għażlu li jsibu kif iżejnu l-kritika biex itaffu mill-pożittività tiegħu.
Il-Laburisti stqarrew li dan hu baġit ta’ l-elezzjoni. Jigifieri li ma jimponix daqstant piżijiet, mhux għax l-ekonomija ma tinħtiegx dan, iżda għax il-Gvern għażel li jagħlaq għajnejh għal bosta affarijiet basta jroxx u jakkwista l-voti.
Fl-istess nifs iżda l-Partit Laburista stqarr li dan kien baġit ta’ ‘ftit wisq u tard wisq’. Hawnhekk nara kontradizzjoni. Jekk benefiċċji ingħataw ftit wisq allura jkun jfisser li l-Gvern kellu iktar minn fejn iqassam u għażel li ma jqassamx biżżejjed.
Mela allura żgur li ma kienx baġit ta’ l-elezzjoni u l-ekonomija u l-finanzi verament huma fis-sod mhux kif jgħid il-Partit Laburista!
Tista’ tinftiehem ukoll li l-Gvern ma kellux minfejn iqassam aktar u fil-fatt qassam kemm felaħ. Jekk inhu hekk mela ma tistax titkellem dwar ‘ftit wisq’ iżda wieħed ikollu jagħraf li ngħata dak li kien possibli.
Ingħata ‘ftit’ għax bil-politika tal-Gvern f’dawn is-snin l-ekonomija ta’ pajjiżna ma kibritx biżżejjed biex il-ġid jasal u jitgawda sew (mhux bil-loqom) mill-familja. Hekk kien imissu qal il-Partit Laburista biex ikun konformi mal-linja politika li ilu jħambaq fuqha.
Jekk hux ‘tard wisq’ hi dibattibli. Aħjar tard inkella qatt, għalkemm wieħed jifhem li kritika bħal din timplika li l-Gvern iddeċieda li jqassam proprju f’lejlet l-elezzjoni meta l-poplu ilu snin sħaħ għatxan biex itaffi l-piżijiet.
Mill-banda l-oħra n-Nazzjonalisti iddikjaraw li dan ma kienx baġit ta’ l-elezzjoni u bħal riedu jagħtu x’jifhmu li f’daqqa waħda nfetħu bwieb is-sema u niżlet il-manna għal kulħadd.
Hawnhekk ukoll nara kontradizzjoni. Qalu li dan kien baġit frott is-sagrifiċċji li saru f’dawn l-aħħar snin. Ammissjoni li l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna ma kinitx daqstant feliċi. Mhemmx dubju li l-baġit sar kif sar għax ingħatat kunsiderazzjoni qawwija għall-fatt li ġejja Elezzjoni Ġenerali.
Kieku dan kien l-ewwel u mhux l-ahħar baġit tal-leġiżlatura żgur li kien ikun differenti. Kif jista’ jkun li tagħmel baġit ġeneruż meta fuq rasek għandek il-kriżi tal-prezz taż-żejt, il-kriżi tal-prezz ta’ l-ikel, is-sikkatura mill-Ewropa, id-dħul tal-munita Ewro, l-ogħli tal-ħajja u fatturi oħra li jikkawżaw inċertezzi?
Naturalment il-Gvern jiftaħar bl-għaqal tiegħu li minkejja dawn id-daqqiet xorta waħda irnexxielu jegħleb il-mewġ! Jalla hu hekk. Imma meta nħossu l-impatt tiegħu s-sena d-dieħla nkunu nistgħu naraw jekk id-diskors tal-baġit kienx fieragħ jew le! Diġà bdejna nisimgħu min jgħid li bil-lira żieda fil-ġimgħa man-nofs lira ta’ l-għoli tal-ħajja se nbatu fil-kompetitività! U allura jitfgħu d-dubju fuq il-proġettazzjoni li għamel il-Gvern fejn jidħol investiment ġdid u ħolqien ta’ mpjiegi.
Tgħid il-Gvern din id-darba kien jeħtieglu jieħu riskji li f’ċirkustanzi normali kien jevita? Sakemm jinħass l-impatt ta’ dan il-baġit fil-but taċ-ċittadin jilħaq ikollna gvern ġdid. Jekk ikun Nazzjonalista nistennewh li jsostni dak li wiegħed u ppjana u jekk ikun Laburista nistennew xi ħaga aħjar minn ‘gvern aħjar’! Tajjeb kieku. Imma l-esperjenza urietna li rari jiġri dan. Għax kif jgħidu: Iċ-ċirkustanzi jinbidlu u ż-żmien iderri!

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075