Ittri | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51
Minn Mons. Anton Gauci,
Victoria
Kemm hi ħaġa komda li tistaħba u tixħet il-vleġeġ lil ħaddieħor, anki jekk hi xi ħaġa maħmuġa!
Komda iva, imma anki diżonesta u maħmuġa. Dan hu l-atteġġament ta’ dak il-kittieb għaref li taħt il-maskra ta’ ‘Manwel Dimech’, għoġbu jħarbex fil-gazzetta Illum tas-7 ta’ Ottubru l-kitba bl-isem t’hawn fuq. Ħalli neżaminaw xi ftit mill-għerf li ħareġ mill-pinna moħbija u bla kuraġġ tiegħu.
Għal dan l-għaref dak li qed jiġri fir-Rabat Għawdex huma “kummiedji.” Għalih, l-imsawwat, jew il-vittma ta’ prepotenza nġusta, li Alla żgur ma jridx fil-Knisja tiegħu m’għandux dritt jiddefendi ruħu. Żgur li mentalità ta’ din ix-xorta ma taqbel assolutament xejn ma’ dik li kellu l-veru Manwel Dimech! Mela għandna kittieb li jiffirma bl-isem ta’ Manwel Dimech u jġib ruħu b’mod dijametrikament oppost għall-prinċipji tal-veru Manwel Dimech!
Nixtieq naf x’ra bħala ‘bawxati’ fl-atteġġament ta’ dawk li ddefendew kawża tant leġittima u li fuqha dan il-kittieb, għalkemm azzarda jikteb u jagħmilha ta’ mħallef, hu apparentement sajjem għal kollox.
L-essenza fil-kitba ma toħroġx mill-ħafna espressjonijiet bombastiċi imma mill-ġustizzja ta’ l-istess kawża li wieħed ikun jiddefendi u mill-validità ta’ argumenti li bihom jinqeda. Żgur li mhux minn dak il-ħafna pulċinellar fl-istil li wera dan il-kittieb moħbi.
Irrikorra għal diversi inċidenti li assolutament m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-kwistjoni li qamet. Ried jagħtina l-impressjoni li hu nfurmat u li jrid jikkundanna l-parrokkjaliżmu. Hi ħaġa tajba li nikkundannaw din il-pjaga. Anki jien nikkundannaha u għamilt għomri b’dan l-atteġġament. Imma difiża tal-Liġi t’Alla, li tkun tkissret, m’għandha xejn x’taqsam mal-parrokkjaliżmu. Hi opra tajba u jekk issir b’intenzjoni retta, Alla jippremjaha. Hekk jew mhux hekk, Dimech?
Tkellem dwar ‘iċ-ċerimonji kollha pompa manja inqas minn sentejn ilu u dik l-akklamazzjoni popolari.’
Hawnhekk aktarx li naqbel miegħu għax anki jien għandi fid-demm għal dik li hi mġiba ta’ show u popolarità. Iżda nerġa’ ngħidlu, dan ma jfissirx li min ingħata daqqa nġusta m’għandux jiddefendi ruħu minħabba dik l-imġiba.
Apparti l-ħajja privata li lill-kittieb tagħtu f’għajnu, x’għamel ħażin dak il-persunaġġ attakkatt jekk tkellem mill-leġittima rappreżentanta tal-parroċċa tal-Katidral?
Il-kittieb qal li ma setax jifhem ‘x’ried jgħid biha’. Ma naħsibx li trid għerf kbir biex tifhem din l-espressjoni!
Jekk segwa sew it-tagħrif li deher fil-gazzetti fuq dan il-punt, malajr jibda jifhem, anki dwar id-dritt li tiġi kkonsultat. Biex b’xi mod niskużah lil dan il-kittieb irrid tabilħaqq nemmen li hu ‘spreċettat’ u li ilu ħafna ma jirfes ‘l-għatba tal-knisja.’
Niġu għal dak li qal dwari. Jekk tabilħaqq imbiegħed mill-Knisja, ma nistagħġeb xejn li ma jżommx ruħu aġġornat fuq dak li tkun għaddejja minnu.
Stagħġeb għax il-Monsinjur tkellem dwar ‘era, u mhux ‘dehra’, ta’ ‘Satana’.
Il-Monsinjur hawn kien qiegħed biss jirrapporta kliem ta’ Papa partikolari.
Rigward il-fatt ta’ ‘l-arċipriet li inċidentalment hu n-neputi tiegħu’, ninnota biss li jien għamilt biżżejjed ċar il-fatt kif naħsibha dwar dan il-punt.
Hux neputi jew le m’għandha x’taqsam xejn ma’ l-ideali li dejjem urejt u ġġelidt għalihom tul it-82 sena tiegħi. Inħares biss lejn il-fatt ta’ ksur jew le tal-Liġi t’Alla u tal-Knisja, kif ukoll humiex isiru jew le dnubiet. Daqshekk fuq dan, anki jekk dwar din il-kwistjoni lest biex nikteb ktieb sħiħ u nniżżilha fl-Istorja, bħalma għamilt fil-każ ta’ kwistjonijiet oħra li laqtu lill-Knisja u lil pajjiżna.
Nistaqsi lil dan il-kittieb anonimu jekk tabilħaqq jemminx li l-mutur ewlieni wara l-ġrajjiet li nqalgħu kienx tabilħaqq dak li niġġieldu l-parrokkjaliżmu inkella xi mutur ieħor li nittama joħroġ għad-dawl għax Alla hekk jippermetti!
|
|
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|