Ittri | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51
Minn Lino Ellul,
San Ġwann
Għall-grazzja t’Alla jien Kattoliku prattikanti. Madankollu nemmen li f’pajjiżna ma nistgħux inkomplu nitkellmu biss bħala Kattoliċi għax fuq kollox illum il-poplu m’għadux kollu kemm hu Kattoliku prattikanti.
Dan ma jfissirx li l-Knisja Kattolika m’għandhiex ikollha d-dritt li tiddefendi u tiggwida lill-Kattoliċi dwar dak li tgħid il-liġi ta’ Alla.
Iżda l-ewwel u qabel kollox ta’ min ifakkar li jekk skond is-Sitt Kmandament mingħajr eċċezzjoni kull dnub taż-żina hu dnub gravi kontra l-liġi ta’ Alla, mill-banda l-oħra fil-morali aħna tgħallimna li l-gravità tad-dnub tiddependi dejjem mill-gravità tal-konsegwenzi tiegħu.
Għalhekk bħala Kattoliku prattikanti qatt ma nista’ niġġustifika l-ebda gravità fid-dnub taż-żina u lanqas fil-kontraċettivi, ta’ min jistaqsi x’inhu l-ikbar dnub. Jekk hux persuna li tuża l-kontraċettivi jew persuna li tagħmel abort li jiġbed fuqu anki l-iskomunika?
Iżda hawn inkompli nistaqsi sensiela ta’ mistoqsijiet.
Jekk il-liġi ‘La Toqtolx’ mhux biss hi l-Liġi ta’ Alla imma hi wkoll liġi internazzjonali mnaqqxa fid-drittijiet tal-bniedem skond il-Ġnus Magħquda u jekk bis-saħħa tad-drittijiet umani iffirmati mil-pajjiżi demokratiċi, kull pajjiż demokratiku suppost li jemmen fid-dritt tal-ħajja, kif qatt xi ħadd jista’ jippretendi li l-Liġi Ċivili għandha tagħti dritt lill-mara biex f’każ ta’ tqala mhux mixtieqa din tkun tista’ tagħmel abort?
Wara kollox meta l-Parlament Malti neħħa l-piena kapitali minn pajjiżna, kif qatt xi ħadd, anki jekk mhux Kattoliku, jista’ qatt jistenna li l-Parlament Malti xi darba għandu jippermetti l-abort f’pajjiżna?
U meta allura minkejja dawn il-kontradizzjonijiet kollha u minkejja li l-Artiklu 33 tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna jitkellem dwar id-dritt tal-ħajja u jipproteġi lil kull ċittadin Malti kif ukoll lil kull barrani f’pajjiżna, f’dan il-każ xi jfisser eżatt dak il-provediment ta’ pajjiżna għad-dritt tal-ħajja għal dawk l-24 pajjiż Ewropew li b’xi mod jew ieħor jaċċettaw l-abort?
Il-partiti politiċi tagħna fl-elezzjoni li jmiss għandhom jaħdmu biex fl-istess ġurnata ta’ l-elezzjoni jsir ukoll referendum jekk f`pajjiżna għandhux jidħol l-abort jew le.
Nemmen f’demokrazija sħiħa u mhux f’demokrazija ta’ naħa waħda. Nemmen li b’deċiżjoni demokratika u assoluta tal-maġġoranza tal-poplu tagħna, kemm jekk favur kif ukoll jekk kontra, aħna nistgħu nkunu ċari f’dan ir-rigward.
|
|
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|