MediaToday

Ittri | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Il-pressjoni fuq uliedna

Minn Dr Etienne Grech MD,
Fgura

Ta’ kuljum meta tiftaħ il-gazzetti jew tisma’ l-aħbarijiet tisma’ dwar dak li l-Gvern qed jippjana li jwettaq għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Tul dawn l-aħħar jiem wara d-diskors tal-baġit ħlief figuri u numri ta’ kemm se ninvestu ’l hemm u ’l hawn u kemm se ndaħħlu taxxa minn hawn ma smajniex.
Mhemmx dubju li l-baġit hu eżerċizzju politiku importanti u mill-aktar mistenni mill-maġġoranza tal-poplu. Kulħadd iħares lejn dak li se jolqot lilu u żgur li n-nies tat-triq ftit se jagħtu kas lejn kemm qed isir investiment fit-turiżmu jew fl-edukazzjoni, speċjalment jekk dawn iż-żewġ oqsma ma jiffurmawx parti mill-aġenda ta’ kuljum ta’ ħajjithom.
Mhix l-intenzjoni tiegħi li nidħol fil-mertu tat-tajjeb u l-ħażin li kien hemm f’dan il-baġit. Iżda xtaqt niddiskuti temi li għalkemm saru referenza għalihom fid-diskors tal-Prim Ministru, ċerti problemi baqgħu mingħajr tweġiba.
Mingħajr l-ebda dubju settur importanti fis-soċjetajiet ċivili hi l-edukazzjoni. Hu tajjeb li l-investiment f’dan is-settur ikompli jikber. Iżda dan ma jfissirx li l-problemi li forsi mhumiex daqshekk evidenti se jingħelbu. Ħafna ġenituri jaqblu miegħi li l-istudenti, anki dawk ta’ età żgħira, qed jiffaċċaw pressjoni żejda li f’diversi każi hi frott l-attenzjoni tal-ġenituri tagħhom.
Ħadd ma jixtieq jara lil uliedu agħar minn ta’ ħaddieħor. Iżda dan ir-raġunament qed iwassal biex ħafna studenti jqattgħu ħin twil wara li jispiċċaw l-iskola jagħmlu x-xoghol tad-dar, jistudjaw kif ukoll imorru l-privatijiet.
Meta tifel jew tifla jqattgħu l-ħin tal-ġurnata dejjem b’moħħhom fuq xi ktieb, forsi mingħajr ma nindunaw, qed noħolqulhom apatija kontra l-istudju u l-iskola. Għalihom l-iskola ssir qisha ħabs u waqt li l-ġenituri jkunu mingħalihom li qed jagħmlu l-ġid, fil-verità jagħmlu d-deni. Meta student ma jkollux moħħu fuq dak li qed jagħmel għax jiddejjaq ma jkunx ikkonċentrat u b’hekk dak li suppost jifhem f’siegħa jifhmu f’aktar ħin. M’għandniex xi ngħidu li minħabba f’hekk il-performance akkademika tagħhom tmur lura u hekk kif il-ġenituri jaraw li uliedhom marru lura minflok ’il quddiem, jitfgħu aktar pressjoni fuqhom minflok janalizzaw għalfejn ġara hekk.
Fl-istess waqt din l-imġiba hi xhieda ċara għalfejn sena wara sena qed ikollna żieda ta’ studenti li jispiċċaw l-iskola mingħajr kwalifiċi akkademiċi kif ukoll żieda f’dawk iż-żgħażagħ li jabbużaw mid-droga.
Tifel jew żagħżugħ li minħabba l-pressjoni tal-ġenituri tiegħu ma jkollux ħin jipprattika xi passatemp jew iqatta’ ftit tal-ħin ma’ xi ħbieb hu wieħed fraġli psikoloġikament u malajr jispiċċa vittma ta’ individwi bla skrupli.
Ċertament li minbarra l-investiment f’faċilitajiet ġodda l-Gvern għandu jżomm quddiem għajnejh din il-pressjoni li sena wara sena tkompli żżid fil-qawwa tagħha ħalli b’hekk ma nkomplux naraw tfal jew żgħażagħ li jkunu fit-triq it-tajba iżda minħabba r-ras iebsa tal-ġenituri jispiċċaw ritratt fuq irħama qalb eluf oħra bħalhom.
L-istudju hu meħtieġ iżda għandu jkun kontrollat ħalli l-istudent ma jqumx filgħodu bil-geddum u jgħid xi dwejjaq li reġa’ wasal jum ieħor ta’ skola.
Uliedna huma l-futur u jekk se jikbru b’mentalità li jobogħdu l-iskola dan l-atteġġament se jaffettwa bil-kbir l-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075