MediaToday

Intervista | 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb

Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista

Wara t-telfa ta’ l-2003 ħafna kienu dawk li tkellmu dwar ‘il-mewt’ tal-Partit Laburista u saħansitra kien hemm Laburisti li emmnu dan id-diskors.
Għadda ż-żmien u l-affarijiet bdew jinbidlu iżda wara l-baġit ‘tajjeb’ ta’ nhar it-Tnejn reġgħu bdew jinstemgħu l-vuċijiet iħabbru ‘l-mewt’ tal-MLP u t-tkomplija taċ-ċens fil-poter tal-Partit Nazzjonalista.
Jekk dan hux se jkun il-każ jew le jiddependi biss minn kif il-poplu se jivvota fl-elezzjoni u x’se jkunu l-kwistjonijiet importanti għalih. Iżda wara nhar it-Tnejn m’hemmx dubju li t-triq tal-Partit Laburista lejn Kastilja, li s’issa dehret lixxa, ikkumplikat ruħha mhux ftit.
Kien dan il-ħsieb li għadda minn moħħi fi triqti lura x-xogħol wara li intervistajt lil Charles Mangion fid-Dar tal-Ħġieġ.
Id-Deputat Mexxej konvint li l-MLP se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Madankollu jirrikonoxxi li l-baġit kien fih numru ta’ miżuri pożittivi. Il-kritika tiegħu hi l-ħin kollu ibbilanċjata b’rikonoxximent ta’ l-effett tajjeb li jista’ jħalli l-baġit fuq il-familji.
“Gvern Laburista mhux se jħott dak li hu tajjeb. Aħna kommessi li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li nsibu,” jgħidli meta nistaqsih jekk Gvern Laburista jkunx lest li jibqa’ għaddej bil-miżuri kif imħabbra f’dan il-baġit.
Madankollu Mangion hu ta’ l-opinjoni li meta l-baġit jiġi għall-vot fil-Parlament l-Oppożizzjoni għandha tivvota kontra bħala turija ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-amministrazzjoni ġenerali tal-pajjiż.
Tul l-intervista jitkellem b’mod konsistenti fuq tliet aspetti li skond hu ma kinux ittrattati fil-baġit: l-għoli tal-ħajja, il-kompetittività u l-edukazzjoni.
“Teżisti realtà soċjali ta’ nies li għandhom xogħol prekarju, jew għax l-uniku dħul tagħhom hu minn xogħol part-time jew għax jaħdmu bil-kuntratt. Dan joħroġ biċ-ċar mill-istatistika ta’ l-NSO li turi kif mill-kontribuzzjonijiet soċjali f’Settembru li għadda l-Gvern daħħal madwar miljun lira inqas minn Settembru ta’ sena ilu u l-istess ġara fix-xhur ta’ Awissu, Lulju u Ġunju. Dawn huma n-nies li f’dawn l-aħħar snin ħassew bil-kbir l-għafsa tal-għoli tal-ħajja u li f’dan il-baġit qajla kien hemm miżuri li laqtuhom b’mod pożittiv,” isostni Mangion.
Insemmilu ż-żieda fiċ-Children’s Allowance u l-bdil fit-taxxa tad-dħul li żgur se jħallu iktar flus fil-bwiet ta’ dawn in-nies. Mangion jirrikonoxxi dan l-argument madankollu jsostni li l-miżuri huma “too little”.
“Il-poplu jibqa’ jiftakar it-track record tal-PN li jidħaq bil-poplu. Jiftakar kif fl-2003 kien qallu li l-finanzi jinsabu fis-sod biex imbagħad fl-2004 żied it-taxxi u għolla oħrajn biex għafas il-familji b’piżijiet ġodda. Dan il-baġit ta ftit lura minn dak li l-Gvern ilu jieħu.”
Jispjega li fl-1996 meta l-Gvern Nazzjonalista biddel il-mod kif tingħata ċ-Children’s Allowance, kien hemm madwar 16,000 familja “ikkastigati” bil-miżura.
“Fl-1996 il-Gvern iffranka Lm16-il miljun. Madankollu bil-miżura tal-baġit ta lura biss Lm5 miljuni. Hu tajjeb li l-iżball ta’ qabel ġie ikkoreġut u hu ovvju li min se jirċievi dawk il-flus żejda se jieħu gost bihom. Imma seta’ sar aktar biex jitkattru l-flus fl-idejn,” jinsisti Mangion.
“L-impatt tal-għoli tal-ħajja laqat lil kulħadd, b’mod speċjali s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Sfortunatament il-Gvern donnu m’għandux interess f’din il-problema. Irridu niżguraw li l-aġenziji regolatorji li xogħolhom hu li jissorveljaw is-suq u ċ-ċaqliq tal-prezzijiet jaħdmu tassew. Ma jistax ikun li nħallsu Lm80 miljun fis-sena biex inżommu l-aġenziji regolatorji ħajjin u dawn ma jagħmlux xogħolhom.”
Inwaqqfu u nistaqsih dwar il-proposta Laburista biex is-soprataxxa titnaqqas bin-nofs. Fuq liema bażi se tinħadem? In-nofs ta’ xhiex se jinqata’?
“Użajna s-sena 2006 bħala bażi li fuqha ħdimna l-kalkoli tagħna. F’dik is-sena l-Gvern daħħal bejn Lm22 miljun u Lm24 miljun mill-konsumaturi permezz tas-soprataxxa. Aħna qed ngħidu li l-konsumatur domestiku għandu jikkontribwixxi nofs dak l-ammont, jiġiferi s-soprataxxa tista’ tonqos b’madwar Lm12-il miljun.
“Bid-dħul tal-Gvern kif inhu nemmnu li din il-miżura tista’ tittieħed u l-impatt fuq il-Gvern se jkun inqas milli maħsub għax b’iktar flus fl-idejn jikber il-konsum u l-Gvern jerġa’ jiġbor parti minn sehmu permezz tal-VAT.
“Apparti dan l-ispiża marbuta man-nefqa kapitali fuq Mater Dei se tispiċċa u għalhekk se jkun hemm iktar flus f’idejn il-Gvern. Iżda Gvern Laburista jara wkoll li jkunu ffrankati l-flus li bħalissa qed jitberbqu minħabba nuqqas ta’ kontrolli fuq numru ta’ proġetti oħra tal-Gvern.”
Nargumenta li bil-prezz taż-żejt dejjem tiela’ xi ħadd se jkollu jħallas. Jaqtagħli diskorsi: “Għandek raġun. Imma l-poplu qed iħallas ukoll għal ħafna mill-cost overruns f’kull proġett pubbliku. Qed iħallas ukoll taxxi għoljin.”
Jispjega li minkejja l-wegħda tal-Gvern biex l-ispiża rikorrenti ma tiżdiedx b’iktar minn wieħed fil-mija r-realtà turi mod ieħor.
“Din spiża li nġorru lkoll u għalhekk il-Partit Laburista qed jagħmel wegħda li jikkontrolla l-ispiża pubblika. Nafu li din il-wegħda se titfa piż qawwi fuqna bħala Gvern imma rridu nidħlu għaliha għax jekk jirnexxielna nnaqqsu l-ħela bis-serjetà se jkollna iktar flus f’idejna biex nindirizzaw kwistjonijiet oħra ta’ importanza għall-familji,” jgħid Mangion.
Id-Deputat Mexxej jitkellem dwar in-nuqqas tal-Gvern li jindirizza l-kompetitività fil-pajjiż. Jgħid li t-tkabbir ekonomiku għadu settorjali u jeħtieġ li jsir iktar biex pajjiżna jirkupra fl-oqsma tal-manifattura u t-turiżmu.
Insemmilu ż-żieda ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa li tħabbret fil-baġit. L-għaqdiet ta’ min iħaddem xejn ma ħadu gost biha għax ħassew li din se tnaqqrilhom mill-kompetittività. Nistaqsi lil Mangion jekk jaqbilx ma’ dan l-argument.
“Kien il-Partit Laburista li ssuġġerixxa li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja tkun ta’ Lm1.50 biex tagħmel xi ftit tajjeb għall-għafsa li ħassew il-familji. Madankollu, l-isfortuna hi li l-Gvern m’għamel xejn biex ikabbar il-kompettitività mod ieħor. Nifhem li hemm min fl-industrija li se jħossha bi tqila biex ikabbar l-ispiża fil-pagi b’Lm1.50 fil-ġimgħa. Imma l-kompetittività ma tiġix biss billi ċċekken l-ispiża tal-pagi.
“Il-Gvern ma ħa l-ebda miżura konkreta biex inaqqas il-burokrazija, biex jiġġieled il-korruzzjoni jew jixpruna sistema edukattiva li tipprovdi nies imħarrġa fl-oqsma kollha li għandu bżonn il-pajjiż.
“Skond l-istatistika Ewropea, l-ispiża fuq kull ħaddiem (unit labour cost) fil-qasam tal-manifattura naqset fis-snin li għaddew u għalhekk irridu naraw kif inżidu l-kompetittività billi l-Gvern inaqqas l-ispejjeż tiegħu fuq l-industrija.
“Ma nistgħux nippretendu li nżidu l-kompetittività sempliċiment billi nagħfsu iktar fuq il-ħaddiem. Wara kollox m’għandniex naspiraw biex il-ħaddiema u l-familji tagħna jilħqu lanqas livelli possibbli.”
Mangion jitkellem fuq l-edukazzjoni u l-bżonn li ħafna iktar studenti jkomplu jistudjaw u jitħarrġu. Jinsisti li bi 42 fil-mija ta’ l-istudenti ma jkomplux l-istudji tagħhom lil hinn mis-snin obbligatorji, pajjiżna mhux qed jieħu l-valur għal flusu bl-investiment li qed isir fl-edukazzjoni.
“Hu tajjeb li ninvestu fil-bini u l-infrastruttura imma t-tibdil amministrattiv li sar tul dawn l-aħħar snin fl-edukazzjoni ma jidhirx li ħalla riżultati tajbin ħafna f’dak li huma ħiliet bażiċi ta’ l-istudenti.
“Għalhekk il-Partit Laburista qed jipproponi li tiżdied sena skolastika bejn il-kinder u l-ewwel sena tal-primarja biex f’dik is-sena nagħmlu żgur li l-istudenti prospettivi jkollhom il-qafas edukattiv f’postu biex ma jaqgħux lura fis-snin ta’ wara.
“Irridu nsaħħu wkoll l-oqsma tekniċi u naraw li l-istituzzjonijet edukattivi tagħna bħall-MCAST jantiċipaw il-bżonnijiet tal-pajjiż. Illum l-industrija tal-farmaċewtika qed tħabbat wiċċha ma’ problema li mhux issib biżżejjed nies imħarġa f’oqsma differenti. Konna nafu li rridu niżviluppaw dan il-qasam imma l-Gvern ma ippjanax fit-tul biex iktar nies jieħdu dik il-linja. Gvern Laburista se jkun qed jimpurtah minn dawn il-problemi.”
Fil-ġimgħa tal-baġit hu ovvju li xi ħadd bħal Mangion se jkun qed jitkellem dwar l-ekonomija. Nistaqsih jekk l-uniku differenza bejn l-MLP u l-PN hiex min minnhom hu l-aħjar maniġer fil-qasam ekonomiku u finanzjarju.
“Għalina l-ekonomija hi importanti u se naħdmu biex tikber għax b’hekk biss inkunu nistgħu niżguraw li l-ġid jilħaq lil kulħadd. Madankollu, aħna differenti mill-PN għax jimpurtana min-nies. Niltaqgħu man-nies, nitkellmu magħhom u nifhmu l-uġigħ u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Għalhekk anki meta nitkellmu dwar l-ekonomija rridu nkunu żguri li l-profitti ma jitgawdewx biss minn settur partikolari imma jkun hemm ukoll trickle down effect li jinħass mill-familji...”
Naqtagħlu diskorsu: ma jaħsibx li b’miżura soċjali bħal taċ-Childrens’ Allowance il-PN ġibed it-tapit minn taħt saqajn l-MLP?
Jitbissem u filwaqt li jgħidli li jieħu gost jara li l-PN induna li miżuri soċjali bħaċ-Children’s Allowance huma tajbin isostni li l-MLP ingħata raġun meta l-ħin kollu beda jinsisti mal-Gvern biex jagħti kas il-weġgħat tan-nies.
“Aħna partit li jemmen fl-opportunitajiet għal kulħadd u mhux partit opportunist lejlet elezzjoni,” temm jgħid, b’dik li tidher li se tkun l-għajta personali ta’ Mangion fil-kampanja elettorali.

Intervista

Mhux se nħottu dak li hu tajjeb
Kurt Sansone jintervista lil Charles Mangion, Deputat Mexxej Laburista


Editorijal

Baġit tajjeb imma...


Il Punt
Il-baġit jista' jitjieb
Edward Fenech

TONI u PEPPI
Il-baġit: kaċċa għall-voti?


Emmanuel Micallef
Lil hinn mill-baġit...


Carmelo Mifsud Bonnici

Avanzi Kostituzzjonali



X'kien Jgħid
Come on England



Wenzu Mintoff

Opportuniżmu fis-sod

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075