Il-Punt - Edward Fenech| 21 ta’ Ottubru 2007 • Nr 51
Meta tqis kollox il-baġit kien wieħed pożittiv. Minix sorpriż. F’diversi artikli li ktibt u stqarrijiet li ħarġet Alternattiva Demokratika fi żmien ta’ qabel il-baġit indikajna li l-Gvern kien se jkollu biżżejjed riżorsi biex jippreżenta baġit elettorali.
Fil-fatt f’paġna 3 tal-proposti li ippreżentajna lill-Gvern għidna li Gonzi kien se jkollu sa Lm43 miljun biex iroxx f’dan il-baġit. Ilqatna l-likk. Dan hu, fil-fatt, l-istess ammunt ta’ flus li l-Gvern se jqassam bit-tnaqqis tat-taxxi, żieda ta’ children’s allowance u miżuri fiskali oħrajn. Jien minix se ngerger li l-Gvern se jagħmel dan. Lanqas m’għandu jgerger il-Partit Laburista. Hu mistenni li wara diversi baġits ta’awsterità, issa daqsekk viċin ta’ elezzjoni, il-Gvern iddeċieda li jroddilna lura minn dak li ħadilna.
L-iskop ta’ dan l-artiklu mhux biex nifraħ lill-Gvern, jew wisq inqas biex nawguralu, li issa rnexxielu jikkontrolla l-iżbilanċ finanzjarju li ħoloq hu stess. Lanqas m’għandi l-intenzjoni li nipprova mmaqdar miżuri li jagħmlu sens. L-iskop hu li b’responsabbiltà nissuġġerixxi x’jista’ jsir biex jitjieb il-baġit li ppreżenta l-Gvern.
Pereżempju fil-proposti li ilna nagħmlu għal dawn l-aħħar tliet snin sħaqna fuq il-bżonn li l-Gvern jiddedika iktar riżorsi għal dawk li qed irabbu it-tfal. Sa ċertu punt, dan il-baġit għamel dan billi żied u estenda l-eliġibbiltà għaċ-children’s allowance. Madankollu dan sar b’mod li fl-opinjoni tagħna ma iffavorix biżżejjed lil dawk li jaqilgħu ftit. Il-Gvern li jmissu jagħmel hu li minbarra ċ-children’s allowance li sa llum jagħti, iżid allowance addizzjonali lil kulħadd bl-istess mod.
Il-Gvern irnexxilu jidħaq b’kulħadd bil-miżura ta’ iktar tnaqqis bit-taxxi. Barra l-fatt li din il-miżura kixfet ftit ta’ ngann fil-konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, miżura li fil-fatt qatt ma ssemmiet, it-tnaqqis fit-taxxi li se jingħata hu pjuttost rigressiv. Il-Gvern reġa’ iddeċieda li jippremja lil dawk li jaqilgħu l-iktar b’mod sproporzjonat speċjalment meta wieħed iqabbel dan mal-ftit li se jieħdu dawk li jaqilgħu ftit.
Hu ċar li din il-miżura hi mfassla mhux biex titwettaq iktar ġustizzja soċjali imma biex il-PN jippremja lill-votant tiegħu. Aħna qed nissugerixxu li minflok dan il-Gvern jgħolli l-porzjon ta’ dħul li ma jiġix intaxxat. B’hekk it-tnaqqis fit-taxxi titgawda b’mod iktar ġust minn iktar nies.
Dan il-baġit jista’ jitjieb jekk il-Gvern jimplementa proposti oħrajn li għamlet Alternattiva Demokratika. Per eżemju, ipproponejna l-introduzzjoni ta’ rata ta’ taxxa iktar baxxa fuq il-kumpaniji ż-żgħar. Fl-Unjoni Ewropea Malta hi eċċezzjoni peress li tintaxxa lill-kumpaniji kollha bl-istess rata ta’ 35 fil-mija, irrespetivament tad-daqs u s-saħħa tal-kumpanija.
Wasal iż-żmien li l-Gvern idaħħal rata iktar baxxa ta’ tassazzjoni fuq il-kumpaniji ż-żgħar. Aħna ipproponejna rata ta’ 30 fil-mija. Jekk il-Gvern jiċħad din il-proposta billi jgħid li mhemmx iktar flus allura aħna nipproponu li r-rata ta’ tassazzjoni fuq il-banek kummerċjali tiżdied għal 40 fil-mija. Il-moralità fiskali, li tant kien iħobb jiftaħar biha dan il-Gvern, teżiġi li dawk li jaqilgħu iktar għandhom iħallsu iktar.
Il-Gvern ma jafx x’se jagħmel fuq il-problema serja tal-prezzijiet tal-proprjetà. X’ħasra li għal darb’oħra, injora l-proposti li għamilna aħna biex jiġu attivati iktar minn 40,000 proprjetà vojta. Minflok Gonzi ippreżenta kopja mċajpra tal-proposti li għadu kif għamel il-Partit Laburista biex jgħinu dawk li jixtru proprjetà għal ewwel darba.
U x’ser jsir għal dawk li diġà xtraw ngħid jien? Il-proposta tal-Gvern fil-baġit, b’investiment ta’ nofs miljun lira biss, mhix se tagħmel differenza. Anzi, aħna naħsbu li s-sussidju fuq ir-rati ta’ imgħax se tispiċċa fil-but ta’ l-iżviluppatur li issa se jimmira biex ideffes in-nies fi proprjetajiet iktar ċkejkna, basta li l-prezz ma jaqbiżx il-Lm 50,000.
Il-Gvern u l-Oppozizzjioni qed jibżgħu jiffaċċaw din il-propblem minn għeruqha. Aħna ssuġġerejna li jidħlu inċentivi u disinċentivi fiskali biex iktar minn dawk l-40,000 proprjetà vojta jitqiegħdu fis-suq, kemm għall-bejgħ kif ukoll għax-xiri. Dan hu l-iktar mod għaqli biex inrażżnu l-għoli tal-prezzijiet u nipproteġu lil pajjiżna minn iktar bini bla ħsieb u bla rażan. Imma l-avversarji politiċi tagħna, minħabba obligazzjonijiet finanzjarji, iktar moħħhom kif se jiffaċilitaw il-ħajja ta’ l-iżviluppaturi!
Hi tal-mistħija li l-Gvern ma wasalx biex jindirizza l-inġustizzja fil-liġijiet tal-kera. Il-gvern m’għandux skuża li mhemmx flus. Kif bassarna f’Ġunju f’dan il-baġit il-Gvern se ‘jqassam’ mat-Lm43 miljun. Aħna ipproponejna li peress li jidher ċar li l-Gvern mhux se jagħmel riforma fil-Liġi tal-Kera minn dan l-baġit, għandu jimpenja ruħu biex jingħata kumpens finazjarju lis-sidien li ilhom ibatu għal 62 sena. Hi tal-mistħija li l-inġustizzja li ilhom isofru dawn in-nies lanqas issemmiet f’dan il-baġit.
Jekk nista’ niddeskrivi dan il-baġit f’sentenza waħda hu baġit ġeneruż imma mhux dejjem ġust.
Edward Fenech hu l-Kelliem dwar Finanzi, Ekonomija u Turiżmu ta’ Alternattiva Demokratika
|
|
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|