Iż-żidiet li ta l-Gvern fil-baġit fiċ-Children’s Allowance, il-kumpens tal-għoli tal-ħajja u t-tibdil fit-taxxa tad-dħul se jgħinu biex il-familji jkollhom iktar flus fil-but anki jekk id-dħul iktar mhux bilfors se jagħmel tajjeb għall-piżijiet kollha li ġarrew in-nies tul dawn l-aħħar tliet snin.
Il-konvenjenza elettorali kienet titlob li l-Gvern ikun iktar ġeneruż ma’ faxex differenti tas-soċjetà. Madankollu wara tliet snin ta’ sagrifiċċji kbar kien importanti li l-poplu jingħata nifs biex hu wkoll igawdi mill-ġid li qed jinħoloq.
Sa llum il-poplu kien għadu mhux qed iħoss l-impatt pożittiv ta’ ekonomija li qed tikber. Jista’ jkun li t-tkabbir għadu ikkonċentrat wisq f’setturi partikolari u jeħtieġ li jsir iktar biex is-setturi kruċjali tal-manifattura u t-turiżmu, fejn l-impatt tat-tkabbir jinħass iktar malajr fis-saffi iktar baxxi, jingħataw imbuttatura.
Ma rridux naħarbu bl-idea li l-ekonomija miexja fuq ir-rubini. L-impatt ta’ ewro iktar b’saħħtu mad-dollaru jista’ jkun ta’ tfixkil għall-esportazzjoni fix-xhur li ġejjin u fost il-kumpaniji li jistgħu jintlaqtu b’mod negattiv hemm l-ST, li taħdem bid-dollaru.
Iżda l-ħsus ta’ tkabbir b’pass meqjus li jibqa’ għaddej qegħdin hemm. Għalhekk kien importanti li jkun il-Gvern permezz tal-baġit li jiżgura ridistribuzzjoni iktar ġusta tal-ġid.
Madankollu hemm żewġ miżuri li ħa Gonzi li jikxfu d-dgħufija li bih gvernijiet differenti jieħdu deċiżjonijiet kruċjali mingħajr ma jaġġornawhom maż-żminijiet.
Fl-1996 il-Gvern Nazzjonalista kien daħħal forma ta’ means testing fiċ-Children’s Allowance biex ġenituri li flimkien jaqilgħu iktar minn Lm10,000 ma jkunux eliġibbli għall-għotja.
Il-bidla kienet imsejsa fuq politika li twieżen lil min veru għandu bżonn. Madankollu, minn dakinhar sa llum ma kien hemm l-ebda reviżjoni fis-sistema. L-istaffa ta’ Lm10,000 baqgħet fissa minkejja li għoliet il-ħajja u iktar nies fuq paga medja bdew jaqbżuha.
Hu tajjeb li bit-tibdil li tħabbar l-ulied kollha se jieħdu l-istess ammont ta’ flus. Madankollu konna nistennew ukoll li l-istaffa togħla iktar biex tirrifletti r-realtajiet ġodda ta’ llum u l-Gvern idaħħal mekkaniżmu li bih l-istaffa tibqa’ togħla minn żmien għal żmien biex tirrifletti ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Inħossu li miżura bħal din kienet twieżen lil iktar familji u tkun iktar ġusta soċjalment.
It-tieni miżura li kixfet nuqqas fis-sistema hi d-deċiżjoni biex iż-żieda tal-għoli tal-ħajja tkun antiċipata bl-Lm1 bil-quddiem biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezzijiet tal-qmuħ u ċ-ċereali.
Jidher biċ-ċar li l-mekkaniżmu li jkejjel l-għoli tal-ħajja mhux qed iħalli l-frott mixtieq tant li Gonzi darbtejn ħass li għandu jinjora l-kalkolu stabbilit u jagħti żieda antiċipata: fl-2006 u fl-2008.
Kien ikun aħjar li kieku l-Gvern ħabbar riforma fil-kejl uffiċjali li jintuża bħala riegla ta’ x’qed jonfqu l-familji biex dan jirrifletti aħjar il-vera piż tal-għoli tal-ħajja.
Il-kanċer
Fix-xogħol ġurnalistiku kultant tiltaqa’ ma’ stejjer ta’ nies mimlija kuraġġ minkejja d-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom. L-intervista li tidher fuq paġna 3 ma’ omm li qed tissielet mal-kanċer hi waħda minn dawn l-istejjer.
Quddiem sitwazjonijiet bħal dawn bilfors tieqaf u tirrifletti dwar il-ħajja, it-tlugħ u l-inżul tagħha, is-sabiħ u l-ikrah.
Huma ħafna dawk li jfiequ mill-kanċer iżda kulmin għadda minn din is-sitwazzjoni jgħidlek li għandu sentenza tal-mewt imdendla fuq rasu. Kultant is-sentenza tal-mewt tista’ tkun sospiża għal għexieren ta’ snin imma xorta jibqa’ ħsieb iberren li xi darba jew oħra l-mewt tista’ titfaċċa ħesrem.
Sfortunatament il-mediċina għadha ma sabitx il-kura għal din il-marda qerrieda. Inbaxxu rasna quddiem kulmin hu involut fir-riċerka biex jinstab tarf ta’ din il-marda.
Iżda ma nistgħux ma nesprimux ir-rabja tagħna għall-fatt li hemm ħafna iktar flus u enerġija investiti mill-pajjiżi żviluppati fl-armamenti milli biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer u mard ieħor.