MediaToday

X'kien jgħid? | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

L-etika tat-tgħajjir...

Il-fenomenu tat-tifħir u tat-tgħajjir dirett lejn il-mexxejja tal-partiti politiċi mhux xi ħaġa ivvintata riċentement mill-makna propagandistika tal-Partit Nazjonalista kif stupidament qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni dawk li jmexxu l-media tal-Partit Laburista.
Fi żmien immedjat wara t-Tieni Gwerra Mondjali, il-kumplimenti xejn sbieħ dwar il-mexxejja politiċi Maltin ma kinux neqsin. Il-Laburisti kienu jagħjru lil ibni Enrico bl-istess ħeġġa li n-Nazzjonalisti kienu jgħajru lil Pawlu Boffa. Anki jekk imbagħad il-folja nqalbet bil-perit Mintoff jgħajjar lil Boffa ferm aktar milli qatt kienu għajruh in-Nazzjonalisti. Ftit wara dan Mintoff kien wasal biex ifaħħar lil Enrico – anki jekk wara mewtu – ferm aktar milli kienu qatt faħħruh l-istess Nazzjonalisti! Dik hi l-ironija ta’ l-istorja.
Imbagħad beda ċ-ċiklu ta’ tifħir/tgħajjir dwar Mintoff u Giorgio Borg Olivier li saħansitra kellu tmiem ironiku meta flok it-tifħir u l-eloġju ta’ ‘salvatur ta’ Malta’, Mintoff spiċċa mgħajjar ‘traditur’… u bil-Laburisti jgħajru lil Eduardo Fenech Adami li kien ‘ittradixxa’ lil Borg Olivier meta ‘biegħ’ is-sovranità ta’ Malta lill-burokratiċi ta’ Brussel.
Dan wara li lil Borg Olivier il-Laburisti kienu jgħajruh tant b’li kellu u b’li ma kellux. Meta l-Laburisti rebħu l-Elezzjoni ta’ l-1971 ħarġu bil-barrin fuq it-trakkijiet. Trid tkun iblah biex ma tindunax li dawn ilhom snin twal esperti tat-tgħajjir personali!
It-tgħajjir fil-politika, għalhekk, mhux xi ħaġa ta’ llum. Il-Laburisti huma esperti tat-tgħajjir, anki personali, allavolja dan iż-żmien qed jippruvaw jitkażaw għax qed jgħidu li n-Nazzjonalisti qed jgħajru lil-Laburisti, partikularment lid-Dottor Sant, b’mod personali.
Anki din tat-tgħajjir ‘personali’ hi ħaġa kontroversjali, fis-sens ta’ x’inhu ‘personali’ u x’mhux. Jekk wieħed fil-politika jgħidulu li hu ‘inkompetenti’, strettament ikunu qed jgħajruh b’mod personali. Iżda jekk ikun hemm min tassew jemmen li hu mhux kapaċi jaqdi d-doveri li timponilu l-politika – aktar u aktar jekk jikseb il-poter – allura il-kelma ‘inkompetenti’ hi kritika leġittima. Madankollu l-linja bejn dak li hu personali u dak li mhux, mhix waħda ċara. Mhux kollox iswed jew abjad u fin-nofs hemm ħafna li hu griż li jagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti.
Apparti dan hemm il-kwestjoni dwar jekk hemmx limitu – almenu mil-lat etiku - għal tali tgħajjir u tifħir. Fil-Kunsill Ġenerali li l-PN kellu fi tmiem din il-ġimgħa, jidher li Wistin Gatt tkellem b’mod li mhux biss resaq lejn ix-xifer tal-limitu tat-tgħajjir iżda addiritura qabeż dan il-limitu meta għamel riferenza għal programm li qal li qed jidher fuq xi stazzjon televiżiv Amerikan Discovery Channel dwar mexxejja politiċi ta’ portatura storika importantissima u li kienu influwenzati fid-diskorsi u fid-deċiżjonijet tagħhom – b’konsegwenzi tassew enormi - mill-vizzju alkoħoliku jew saħansitra mit-teħid ta’ drogi. Skond l-imbix ta’ Gatt, Dottor Sant kellu l-possibbiltà tajba li jiddaħħal f’dan il-programm, li kieku mhux għax spjega li f’Birżebbuġa kien qed jiċċajta!
Wieħed bilfors li jiddarras meta jisma’ diskors bħal dan. X’aktarx kien hemm fost in-Nazzjonalisti aktar akkaniti li ammiraw lil Gatt għax qal xi ħaġa li ħadd ma kellu l-kuraġġ li jgħidha – iżda min hu rasu fuq għonqu u jħares lejn dawn l-affarijiet b’mod sobrju bilfors jikkonkludi li dak ma kienx kuraġġ iżda bluha li tista’ tħalli effetti negattivi li l-PN bħalissa żgur m’għandux xi jrid.
Xi minn daqqiet aħjar kelma nieqsa milli kelma żejda… iżda Gatt ma jafx joqgħod lura u ried jilgħabha tal-bully. Hekk għamel u ssogra li jkun hemm min jispiċċa jissimpatizza lid-dottor Sant meta dan fil-fatt ma jistħoqqlu l-ebda simpatija għall-mod kif ġab ruħu kemm ilu li kellu jirriżenja minn Prim Ministru wara li l-poplu qalftu ’l barra mill-poter fl-elezzjoni tas-sajf tal-1998.
Dan veru pajjiż ta’ Topolino! Ftit ilu kien jidher li l-MLP qegħdin minn fuq fl-opinjoni pubblika u allura x’aktarx jirbħu l-elezzjoni. Minnufih tal-MLP bdew jagħmlu l-arja u assumew arroganza u prepotenza liema bħalha. Issa, għax donnu l-folja nqalbet xi ftit, kellna lil Wistin jitla’ fuq il-pulptu tal-Kunsill Ġenerali tal-PN u jagħti ‘lezzjoni’ fl-arroganza, il-prepotenza u t-tgħajjir bla ħsieb.
Kif jafu tal-MLP, riħ ta’ siegħa (jonfoħ fil-bajja ta’ Birżebbugia) inaddaf qiegħa. Minn issa sa’ l-elezzjoni mhux xi riħ ta’ siegħa ’l hawn u ’l hemm se jkollna, iżda rwiefen jheżżu u jheddu l-istess bażi li fuqha qed jistrieħu ż-żewġ protagonisti ta’ l-elezzjoni: Lorenzo Gonzi u d-dottor Sant.
Ħadd m’għandu jgħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu: la Jason Micallef, u wisq anqas, Wistin Gatt!

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075