Wenzu Mintoff | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
Fil-ġranet li għaddew il-kampanja elettorali, li ftit ftit ninsabu deħlin fiha, ħadet żvolta oħra. Mill-ġdid qed toħroġ d-dgħufija politika ta’ Dr Gonzi li qed jagħti l-impressjoni li mhux kapaċi jrażżan l-eċċessi, l-arroganza u l-esaġerazzjonijiet ta’ wħud minn sħabu l-Ministri u ħafna drabi qed jispiċċa jkun apoloġetiku fil-konfront tagħhom. Qed jispiċċa jagħtihom l-assoluzzjoni mhux biss rigward każ wara l-ieħor ta’ amministrazzjoni ħażina u skandli varji ta’ korruzzjoni li feġġew matul ix-xhur li għaddew, imma anki għal dik li hi guffaġni fl-istil tad-‘djalettika’ politika imħaddna minn uħud minnhom b’Agostino Pio Gatt u Tony Abela fuq quddiemnett tal-lista.
In-Nazzjonalisti erħilhom itambru u jirrepetu b’mod irreġimentat is-slogan ‘par idejn sodi fuq it-tmun’, meta qed jidher aktar minn evidenti, li Lawrence Gonzi hu kollox barra sod fejn tidħol l-imġiba ta’ sħabu l-Ministri.
Kulmeta jkun meħtieġ li Dr Gonzi jieqaf lil dawk minn sħabu li bil-guffaġni u bl-arroganza tagħhom qed itappnu l-istampa tal-Gvern tiegħu, invarjabbilment qed jispiċċa jkollu jiddefendihom jew jara kif ibenġilielhom.
Ikun inutli għal Gonzi li joqgħod jorqom kull kelma li jkollu fid-diskorsi tiegħu u jżejjinhom bl-idjomi dwar ħofor u quċċati u x’naf jien, jekk imbagħad ikollu lil xi ħadd bħal Agostino Pio li mhux kapaċi jiddistingwi bejn kif għandu jġib ruħu meta jkun f’xi bar Strada Stretta qed iżur il-kostitwenti, minn kif għandu jitkellem meta jkun f’xi Kunsill Ġenerali fejn tista’ tarah u tisimgħu Malta kollha.
Meta ġew mistoqsija b’mod dirett jekk jaqblux ma’ li qal Tony Abela dwar il-ġurnalist tas-Super One li ‘jmissu jemigra jekk ma jitlax fil-Gvern il-partit tiegħu’ u ma’ li qal Gatt dwar min ‘jisker u jiblagħhom’, kemm Gonzi u anki Joe Saliba imbarazzati kif kienu, ippruvaw jiddistakkaw irwieħhom kif setgħu minn dak li ntqal minn Gatt u Abela.
Imma x’jiswa li Gonzi u Saliba joqgħodu jgħidu għal għajn in-nies li ma jaqblux mal-vulgaritajiet u l-ħamallaġni ta’ Gatt, jekk imbagħad ma nsistewx li dan għandu jagħmel apoloġija pubblika?
Jekk verament ħassew li ma kienx aċċettabbli dak id-diskors ta’ Gatt, il-mument meta kellha tinqata’ linja kellu jkun proprju fil-Kunsill Ġenerali nnifsu. Jew miċ-Chairman tal-laqgħa li missu ġibed l-attenzjoni ta’ Gatt biex jigdem ilsienu, inkella kellhom ikunu Saliba jew Gonzi stess li tkellmu warajh li jiċċensuraw pubblikament il-kliem offensiv ta’ Gatt fid-diskors konklussiv tagħhom. Imma mhux talli m’għamlux dan, talli kemm wieħed u kemm l-ieħor dehru jċapċpu lil Gatt meta dan temm id-diskors tiegħu.
Mhux l-ewwel darba meta nkun fuq ir-radju u jkun hemm xi semmiegħ li jiżloq fin-niexef jew jiżgarra, ma noqgħodx naħsibha darbtejn u ngħid li ma naqbilx miegħu u anki nikkorreġih jekk ikun hemm bżonn.
Aħseb u ara Kap ta’ partit li kien wiegħed solennement li se jimxi fuq ‘mod ġdid ta’ kif nagħmlu l-politika f’pajjiżna’ li bil-‘par idejn sodi fit-tmun’ b’kollox qed jippermetti lil min iniżżel lill-Partit Nazzjonalista f’dal-ħama u ħamallaġni ta’ diskors li qatt ma smajna bħalu.
Meta dan l-aħħar fl-Italja l-famuz komiku Beppe Grillo ddieħak b’Romano Prodi billi xebbħu ma’ min jibla’ l-valium u ma’ min ibati bil-marda ta’ l-Alzeihmer anki dan spiċċa skandalizza lil ħafna nies avolja s-satira politika fl-Italja ftit li xejn għandha brejkijiet. Imma fuq kollox Grillo hu kummidjant professjonali li għandu ferm inqas x’jitlef minn Ministru prominenti tal-Gvern bħalma jippretendi li hu Dr Gatt.
Immaġina ftit kemm kienu jiskunġraw u jxerrdu dmugħ tal-kukkudrilli li kieku l-ħamallaġni u l-livell baxx ta’ diskors li waqa’ fih Gatt irrikorra għalih xi esponent Laburista, kemm kienu jdumu jħanxruha u jippuntaw subgħajhom u jkesksu n-nies għalih.
Imma anki jekk Gatt jimmarka l-estrem tat-tkarkir mal-qiegħ li qed tmiss il-politika, jibqa’ l-fatt li ż-żebliħ, it-tkeskis tal-mibegħda, l-azzerament ta’ l-avversarji politiċi, fil-fehma tiegħi xorta waħda jifforma parti mill-istrategija Nazzjonalista għal din il-kampanja elettorali.
Meta fit-Tmeninijiet il-propaganda Nazzjonalista kienet tirreferi għal Dr Karmenu Mifsud Bonnici bħala ‘iz-Zero’, l-affront u l-offiża li riedu jagħmlu fuqu n-Nazzjonalisti ma kinux mibnija l-aktar fuq il-fatt li Mifsud Bonnici ma kienx ikkontesta l-elezzjoni u allura ma kellu ebda vot warajh, imma aktar minn kollox riedu jindottrinaw lin-nies bil-messaġġ li x-xejn u hu kienu xorta.
Riedu jżebilħu, jibbanalizzaw u jġibu fix-xejn il-figura ta’ Karmenu Mifsud Bonnici sal-punt li n-nies tiġi indottrinata b’mibegħda kbira u tibda tgħoddu bħala xi ħadd li ma jafx x’inhu jgħid jekk mhux ukoll kważi miġnun.
L-istess qed jiġri llum b’artikli li jaqgħu fil-baxx ħafna mill-pinna ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-Ministru tad-drenaġġ, li minn diskors għal ieħor qed saħansitra jirnexxilu jissupera lilu nnifsu f’dak li hu vomtu u ħdura u bl-istrategija tal-PN kollu kemm hu tkun bbażata fuq id-demonizzazzjoni ta’ l-avversarju politiku tagħhom. Dankollu biex bit-trawwim ta’ dat-tip ta’ preġudizzji n-nies tiġi ibblukkjata milli tisma’ eżattament x’għandu xi jgħid u x’qed jipproponi Alfred Sant biex ikollna pajjiż aħjar milli hu.
Li tikkontesta b’mod qawwi l-validità ta’ l-ideat ta’ ħaddieħor, li tikxef il-kontradizzjonijiet tiegħu, li tattakka l-kreddibiltà u t-track record tiegħu, huma kollha parti mill-armamenti maħżuna fl-armerija li kull partit mistenni li jkollu għal lest biex jintużaw fil-lotta politika.
Imma li tkeskes il-mibegħda u tpinġi lill-avversarju tiegħek qisu xi mostru ħalli n-nies ma tagħtix widen għal dak li hu tajjeb jew ħażin dan m’għandu jkun aċċettabbli qatt. Iktar u iktar jekk nitħaddtu fuq partit li jgħid li hu mhux biss demokratiku imma anki Kristjan.
Bilħaqq, nhar l-Erbgħa li ġej kont beħsiebni ninżel Ta’ Qali biex nuri l-appoġġ tiegħi għall-isforzi qalbiena tat-tim nazzjonali tal-futbol Malti kontra dak tal-Moldova. Imma wara s-sehem ta’ Michael Mifsud fil-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista tal-Ħadd li għadda ninsab pjuttost iddisgustat u bejn ħalltejn x’għandi x’nagħmel.
Nhar l-Erbgħa kont beħsiebni ningħaqad ma’ dawk li kienu lesti jinħanqu biex juru l-entużjażmu tagħhom għall-bravura ta’ Mifsud bħala footballer. Imma wara li rajt kif in-Nazzjonalisti abbużaw minn Michael Mifsud u ġabuh qisu keychain tagħhom, kontra qalbi qed ikolli nerġa’ naħsibha.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|