Toni u Peppi | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
Il-ġimgħa l-oħra fin-Nicaragua l-Parlament għadda liġi li tipprojbixxi assolutament l-abort f’kull ċirkostanza. Qabel il-liġi kienet tippermetti l-abort biss meta jkun hemm ir-riskju ċar li jekk l-omm twelled tmut. Daqqa ta’ ħarta kbira għan-nisa f’dak il-pajjiż!
B’danakollu fl-Amerika Latina nsibu l-ogħla rata ta’ abort fid-dinja. Hu meqjus li xi darba jew oħra, fil-ħajja riproduttiva tagħha, kull mara Latin Amerikana wettqet abort. L-għadd ta’ l-abort f’dan il-kontinent jiżboq dak li jsiru f’dawk il-pajjiż fejn l-abort hu permess.
F’ħafna pajjiżi Latin Amerikani tabib hu obbligat bil-liġi li jirrapporta mara suspettata li wettqet abort. Meta jiġri hekk hemm pieni ħorox. L-Amnesty International tirrapporta kif kien hemm nisa li ġew litteralment immanettjati mat-tustiera tas-sodda fl-isptar waqt li kienu qed jikkonvalixxu minn battikata naturali. Hemm oħrajn li jinsabu jiskontaw sentenzi ta’ 30 sena ħabs. Inkredibbli iżda vera u nitkażaw bil-mod kif jiġu ittrattati n-nisa mit-Talebani meta dan kollu qiegħed jiġri fil-bitħa ta’ waħda mill-akbar demokraziji – l-Istati Uniti.
Fortunatament għalina l-pożizzjoni f’Malta mhix għal kollox mgħarrqa. Għalkemm l-abort hu illegali, u hekk għandu jkun b’ċerti riservi, Artikolu 241 tal-Kodiċi Kriminali jaħseb għal piena minn tliet xhur sa tliet snin ħabs.
Iż-żjara tat-Tabiba Rebecca Gomperts bil-vapur Women on Waves reġa’ qanqal il-mewġ tad-diskussjoni dwar l-abort. Din id-darba l-mewġ kien aktar għoli minn dak ta’ qabel peress li Rebecca mhux biss rifset fuq it-terra ferma iżda saħansitra tat lecture f’lukanda fil-Belt. Stagħġibt kif ingħatat dan il-permess, mhux wisq għax ma nemminx fil-libertà tal-kelma imma għax ingħata.
Jien nemmen li l-awtoritajiet għamlu dan proprju biex jivventilaw il-kurrent kontra l-introduzzjoni ta’ l-abort, u mhux wisq biex iqimu l-libertà tal-kelma. Kienu jafu li se jkun hemm il-protesti, kif fil-fatt ġara. Kienu jafu li ser jagħtu nifs ġdid u aktar qawwi lill-Gift of Life ta’ Paul Vincenti biex jerġa’ jibda jinbaħ u jinsisti għall-introduzzjoni ta’ klawsola kostituzzjonali kontra l-abort.
Liema żmien hu aktar favorevoli minn meta tkun riesqa kampanja elettorali biex Gvern jidher sabiħ?! Anke fin-Nicaragua l-Liġi kontra l-abort b’mod assolut saret lejlet l-elezzjonijiet presidenzjali biex il-Gvern ta’ dak il-pajjiż jidher sabiħ mal-Knisja. Il-Gvern tagħna mhux anqas ‘kattoliku’ minn dak tan-Nicaragua.
Iżda l-punti li qanqlet Rebecca Gomperts għandhom interess partikolari minn aspett ta’ liġi, mhux biss għal dak li qalet fostna, iżda anke dwar il-vapur tagħha armat bħala klinika ta’ l-abort ambulanti ankrat barra l-ibħra territorjali Maltin.
Kienet ħaġa stramba kif gvern li tant hu kontra l-abort u fl-istess ħin ippermetta lil Rebecca Gomperts tippriedka favur l-abort. Filwaqt li barra l-bieb tal-lukanda fejn kien hemm Gomperts kien hemm mijiet ta’ nies iżebbġu l-kuruna tar-rużarju u oħrajn bix-xemgħat f’idejhom, f’dik il-lukanda kienet qiegħda tinkiser il-Liġi. Hu reat kulmeta xi ħadd jinċita jew iħajjar lil ħaddieħor jikser il-Liġi, u kull m’għandu jagħmel dak li jkun hu li jħares lejn dak li jgħidu l-Artikoli 63 u 70 tal-Kodiċi Kriminali Malti, li fost oħrajn jipprospettaw piena ta’ ħabs ta’ minn sentejn sa ħames snin. Dan kienet qiegħda tagħmlu Rebecca Gomperts, u fl-istess ħin l-awtoritajiet Maltin baqgħu ċassi u ma bdew l-ebda proċeduri kontra tagħha.
Għamlu sewwa dawk li ipprotestaw li ħallew ix-xemgħat tagħhom wara l-bieb ta’ Kastilja. Li niskanta hu kif l-Ajjatollah ta’ dan il-moviment, Paul Vincenti, aktar kien moħħu biex jistaqsi lill-MLP x’inhi l-politika tiegħu fuq l-abort milli jistaqsi lill-Prim Ministru għaliex baqa’ ma ħax passi. Paul Vincenti ma ntebaħx li fost il-folla u fost dawk li ffirmaw il-petizzjoni tiegħu kien hemm kandidati u deputati Laburisti.
Fl-aħħarnett dan kollu qanqal dibattitu dwar il-pożizzjoni legali ta’ dawk li jwettqu abort f’pajjiż barra minn Malta, u b’mod speċjali issa, f’xi pajjiż komunitarju fejn l-abort hu permess. Hu minnu li Malta kisbet il-famuż protokoll u li f’din il-kwistjoni l-Unjoni suppost ma tistax tindaħal lill-Gvern Malti.
Però hu minnu wkoll li ma hemmx xi liġi tagħna li tgħid, li fil-każ li Maltin imorru l-Ingilterra iwettqu abort u jiġu lura Malta, jistgħu jittieħdu proċeduri kontra tagħhom. Apparti li dan jista’ jsir, issa aktar minn qabel jista’ jsir.
Din il-kwistjoni kollha hi regolata mill-Artikolu 5 tal-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxi kontra min minn tista’ tittieħed azzjoni kriminali. Il-prinċipju hu kontra kulmin jagħmel reat f’Malta, jew fuq il-baħar, f’kull lok safejn tasal il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ Malta. Jiġifieri hu ċar li f’każ li Maltija titla’ fuq il-vapur ta’ Rebecca Gomperts waqt li dan ikun f’ibħra internazzjonali, meta din tiġi lura ma jistgħux jittieħdu passi kriminali kontra tagħha. Fejn il-leġiżlatur li jagħti effetti straterritorjali għal ċerti reati, dan għamlu.
Iżda l-abort ma huwiex wieħed minnhom. Anke hawn jindika kemm l-awtoritajiet jimxu b’żewġ kefef differenti! Bħal donnu bħal fil-każ tad-divorzju dejjem trid titħalla tieqa miftuħa għas-sinjur.
Dan il-prinċipju iżda hu soġġett mhux wisq għall-eċċezzjonijiet, iżda għall-ħlieqa legali ta’ l-estensjoni territorjali ta’ l-istat Malti. Jekk mara twettaq l-abort fuq vapur jew ajruplan reġistrat f’Malta, f’sit barra minn Malta li hu ambaxxata Maltija, jitqies li tkun wettqet reat daqslikieku kienet Malta.
Apparti dan, jekk hemm xi liġi speċjali, li safejn naf jiena ma hemmx, li tagħmel l-abort bħala reat punibbli, anke jekk jitwettaq f’art barranija, allura jistgħu jittieħdu proċeduri kontra l-mara jew min jgħinha twettaq abort. Tant biex nagħmilha ċara, ir-reat ta’ l-abort jikkastiga lil min jgħin lill-mara tagħmel abort.
Rebecca Gomperts ġabet ħafna mewġ. Iżda dan il-mewġ ser jolqot mhux biss lil dawk li huma favur l-abort, iżda anke lil dawk li huma kontra tiegħu u jimxu b’żewġ kejliet. Meta l-vapur ta’ Rebecca jkun telaq anke mill-ibħra internazzjonali, xorta waħda se nkunu għadna ngħumu fir-rima tiegħu fl-ibħra territorjali tagħna.
Jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien minn fuqi, naqra kemm naqra artikli dwar id-dritt tal-mara li tagħżel jekk iżżommx it-tarbija jew le, xorta nibqa’ kontra l-abort. Inqisu bħala qtil bħalma nqis qtil il-kaċċa jew l-ikel ta’ l-annimali.
Dan ma jfissirx li nkun komdu nitfa’ l-ħabs lill-mara li tagħmlu. Imma dak għax ma nemminx fil-ħabs u fil-kastigi.
Kultant nistqarr li nħossni prużuntuż ngħid li ma naqbilx ma’ l-abort meta nqis li la jiena mara u lanqas nista nifhem xi jfissru ċ-ċirkustanzi li tkun fihom tfajla jew mara li tagħżel li tneħħi lit-tarbija qabel titwieled. Anke jekk nipprova nifhem diffiċli għalija li naċċetta li persuna f’ġuf ommha tinqatel.
Għalija l-kwistjoni ma tibqax fuq il-mara iżda fuq it-tarbija li hi persuna li qed tgħix fil-ġuf ta’ l-omm. Li t-tarbija hi parti mill-omm ma tagħtix id-dritt lil omm biex tneħħiha. It-tarbija mhux imwielda hi dipendenti kompletament mill-omm u għalhekk l-abort inqisu att krudili għax proprju fl-iktar mument vulnerabbli lit-tarbija nifflaxxjawha.
Issa, biex inkun vera sinċier, ma nsibnix komdu ngħid x’nagħmel kieku marti tkun tqila u nsibu li t-tarbija se titwieled b’diżabbiltà severa, u marti tkun trid tagħmel abort. Mhux ħafif niddeċiedi. Ikolli nammetti li aktarx naċċetta l-abort f’din iċ-ċirkustanza iżda xorta nqisu qtil. Għax nibża’ li jekk tkun marti jew jiena li se niddeċiedu li ma jitwelidx għax għandu diżabbiltà imbagħad nibdew niddeċiedu li ma jitwelidx għax ġie bi żball u ħassrilna il-pjani tas-safra li jmiss. U l-omm depressed u mhux sewwa li jkollha t-tarbija. Allura toqtolha? Għandi l-operazzjoni tal-plastic surgery u nqbadt tqila. Nagħmel abort. Miniex nibbanalizza. Dawn raġunijiet validi li jġibu koppji meta jagħżlu li jagħmlu abort.
Ma nifhimx kif Stat wara l-ieħor jiddeċiedi li OK li toqtol it-tarbija sakemm għadha wara x-xatba tal-ġilda ta’ l-omm imqar jekk rasha tkun tmiss mal-bieba. Iżda hekk kif tixref ’il barra, dik le, dak qtil u min qatilha ħaqqu l-mewt. X’ipokrisija! X’ipokrisija ta’ dawk li jmorru jimmarċjaw kontra l-abort imbagħad jitolbu l-piena tal-mewt għal min jagħmlu. U ma tistax tkun kontra l-abort u taħseb li teżisti gwerra leġittima. Ma tistax tkun kontra l-abort jekk tiġi taqa’ u tqum minn aktar minn 100 tifel u tifla li mietu bil-ġuħ sakemm qrajt dan l-artiklu.
Issa din il-mara tal-vapur għandha d-dritt tiġi hawn tippropoga li l-mara għandha dritt tagħmel abort? Iva. Bla dubju. Mara Maltija għandha dritt tmur fuq il-vapur ’il barra mill-ibħra territorjali ta’ Malta u tagħmel abort. Iva. Dritt legali għandha. Iżda jiena nsostni li jekk il-missier tat-tarbija hu magħruf dan għandu jkollu sehem fid- deċiżjoni.
Ħadd ma għandu dritt li joqtol. Ma jsirx dritt għax l-abort isir legali. Id-dritt huwa tat-tarbija ħajja. Li titwieled ħajja. Kullimkien. Anke fejn l-abort huwa legali. Jibqa’ qtil.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|