MediaToday

Aħbarijiet | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

Meta telgħet ix-xemx

Bejn il-PN ta’ Gonzi u l-PN ta’ Fenech Adami, hemm ħafna Nazzjonalisti li ma jħossuhomx komdi jinsew il-passat glorjuż tagħhom. KURT SANSONE jirrapporta

Partit politiku li ilu fil-poter għal 20 sena mhux lakemm jipprova jnessi lin-nies li ilu daqshekk fit-tmun tal-pajjiż kif donnu jrid jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Fid-diskors tiegħu l-Ħadd li għadda Lawrence Gonzi ipprova jagħti kredtu lil min ġie qablu imma l-istess dokument ta’ iktar minn 300 paġna li tqassam waqt il-konferenza tkellem biss dwar is-suċċessi miksuba minn kemm ilu hu Prim Ministru. Qajla jidhru l-ministri sħabu fil-ktieb kollu ritratti.
Jidher li fil-PN qed tinbet l-idea li jeżistu żewġ partiti; dak ta’ qabel tliet snin ilu mmexxi minn Eddie Fenech Adami u dak ‘ġdid’ li twieled fl-2004 meta Gonzi laħaq kap.
L-istrateġija hi biex Gonzi jingħata immaġini friska li tkun tista’ titqabbel ma’ dik iktar ‘antika’ ta’ Alfred Sant. Iżda daqskemm hu diffiċli li tbellagħha lin-nies komuni li l-PN ilu biss tliet snin fil-poter għax il-kap tiegħu għadu ġdid, daqstant ieħor hu diffiċli li tikkonvinċi lill-attivisti akkaniti biex jinsew dak kollu li ġie qabel Gonzi.
Ħafna attivisti Nazzjonalisti huma skomdi b’din l-istrateġija. Iħossu li l-PN għandu biex jiftaħar dwar il-passat tiegħu u għalhekk m’għandux jipprova jaħbih. Iħossu li l-ħidma ta’ Fenech Adami mhux qed tkun apprezzata mit-tmexxija ta llum. Iħossu li Gonzi qed jiftaħar wisq b’rixu meta dak li wettaq fil-finanzi pubbliċi ma kienx ikun possibbli li kieku ma sabx il-pedamenti lesti.
Din l-iskumdità tista’ tkun ukoll nostalġija għal żmien ieħor meta l-PN kellu iktar suċċess milli għandu llum. Il-fatt li mill-2003 sa llum il-PN ma rebaħx appuntament elettorali wieħed taħt it-tmexxija ta’ Gonzi bilfors iqanqal in-nostalġija għal żminijiet oħra. L-istorja kienet tkun daqsxejn differenti kieku Gonzi rebaħ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew jew irnexxielu jwaqqaf is-sensiela ta’ telfiet fil-kunsilli lokali.
Madankollu l-istrateġisti tal-PN jeħtieġ jagħmlu riflessjoni importanti. Għandhom jippruvaw jnessu li ilhom 20 sena fil-poter? Hi strateġija għaqlija li tinjora dak li sar qablek bil-periklu li taljena lil dawk li tawk l-appoġġ?
Il-verità hi li l-PN għadu ma sabx id-diskors politiku addattat biex l-20 sena jdawwarhom f’vantaġġ għalih. Hu minnu li Gonzi kellu u għad għandu diffikultà biex il-partit jagħmlu tiegħu. Mhux faċli tidħol f’żarbun li qablek intlibes minn ġgant politiku. Iżda l-ħeġġa biex iħalli t-timbru tiegħu fuq il-partit qed iwassal biex ikunu aljenati ħafna Nazzjonalisti li ma jistgħux isibu kenn politiku fid-dar li qed tinbena minn Gonzi u Joe Saliba.
Kien għaqli Gonzi meta fuq il-Fosos sostna li l-pajjiż għandu bżonn “par idejn sodi” u li dawn il-par idejn jisimhom “Partit Nazzjonalista.” Dak kien attentat biex in-nies tħossa komda mal-partit u mhux biss ma’ individwu.
Madankollu minn dakinhar sa llum diversi kandidati u opinjonisti Nazzjonalisti biddlu l-isem ta’ dawk il-par idejn għal “Lawrence Gonzi.”
L-istess ġara tul il-konferenza ġenerali fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn kelliem wara l-ieħor irreferew għat-tmexxija ta’ Gonzi bħala “par idejn sodi”, donnhom iridu jtambruha f’moħħ in-nies li għandhom mexxej tajjeb.
Dan l-aġir hu turija ta’ lealtà, xi ħaġa importanti ħafna fil-kuntest politiku Malti, imma wkoll turija tan-nuqqas ta’ stima fil-kapaċitajiet tat-tmexxija. Min jaf li għandu mexxej tajjeb ma joqgħodx jiftaħar bih kull ħin u kull mument qisu biex jikkonvinċi lilu nnifsu li dak li qed jgħid hu minnu.
Il-PN se jipprova jibni kampanja elettorali fuq il-personalità tal-mexxej biex ikun hemm kuntrast ċar bejn Gonzi u Sant. Madankollu kampanja bħal din għandha r-riskji tagħha wkoll għax tista’ taljena lil min ma jħossux komdu jemmen li x-xemx telgħet fl-2004 ma’ Gonzi.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075