MediaToday

Aħbarijiet | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

Ruth Casingena tibda t-triq ta’ Journey

Bħalissa t-tħejjijiet jinsabu fl-aqwa tagħhom hekk kif is-sopran Ruth Casingena qed tlesti biex tippreżenta Journey, l-ispettaklu li se jittella’ fl-1 ta’ Diċembru fil-Grandmasters Suite fil-Hilton Malta b’riżq l-Eden Foundation.
Bit-talent artistiku varjat tagħha Casingena se tieħu lill-udjenza fi vjaġġ ta’ ġeneri differenti ta’ mużika klassika, musicals u mużika etnika. Bis-saħħa tat-talenti tagħha se tgħaqqadhom fi spettaklu li jiġbor flimkien il-vuċi, iż-żfin, id-daqq strumentali u d-direzzjoni tal-kor.
Ruth, flimkien mal-membri tal-kor tagħha, issa ilha minn Lulju li għadda taħdem bis-sħiħ f’repertorju sinjur ta’ mużika li jiġbor fih stili differenti ta’ armoniji u emozzjonijiet.
“Diġà kien vjaġġ s’issa għal dawk imdaħħla fl-ispettaklu,” qalet Casingena. “Biex tibni spettaklu ta’ dan it-tip trid xhur sħaħ ta’ xogħol iebes, ħsibijiet, diskussjonijiet dwar il-kunċetti li se jintwerew, it-temi u taħriġ ma jaqta’ xejn. Kull stadju ta’ tħejjija jgħaddi minn wieħed għall-ieħor u b’hekk jilħaq esperjenzi ogħla.
“Is-sabiħ tagħha,” kompliet Casingena, “hu li meta tħares lura tara minn fejn bdejt u ssegwi l-mod ta’ kif bil-mod il-mod intlaħaq il-livell artistiku li tkun wasalt fih.”
Jaħdem bla waqfien għall-ispettaklu hemm kor tat-tfal ta’ bejn is-seba’ u s-16-il sena li għandhom entużjażmu kbir għall-proġett u ta’ min jammira l-ħeġġa li għandhom biex jagħtu wirja tajba.
Aspett ieħor f’Journey se tkun il-koreografija mill-Brigitte Gauci Borda School of Ballet. Gauci Borda, id-Direttriċi Artistika ta’ l-iskola, flimkien mat-tim tagħha ta’ żeffiena Lynne Salomone Reynaud, Kristina Schranz u Jes Sciberras, qed jaħdmu bis-sħiħ fuq is-siltiet taż-żfin u fuq dawk li matulhom se jsir ukoll il-kant.
Casingena ġabret flimkien tim ta’ artisti professjonali biex itellgħu l-ispettaklu. Id-Disinjatur tas-Sett għal Journey hu Peter Howitt li kien nominat erba’ darbiet għal Oscar għas-sehem tiegħu fil-films. Howitt hu magħruf bħala Disinjatur tas-Sett, Direttur Artistiku u Disinjatur tal-Produzzjoni.
Casingena qalet li ilhom jiltaqgħu minn Ġunju jiddiskutu flimkien kif se jkun l-ispettaklu. Is-sopran qalet li tixtieq li Journey jkun esperjenza eċċezzjonali għal dawk preżenti tant li jeħduha magħhom tul ħajjithom. Il-programm innifsu hu vjaġġ drammatiku u ġeografiku li jgħaddi minn stili u emozzjonijiet varjati. Dan hu l-iskop ta’ l-ispettaklu: vjaġġ fina nfusna li matulu ssir enfasi fuq l-element uman ta’ min ikun fuq il-palk u ta’ l-udjenza, element li jinbidel f’forom differenti ta’ l-arti magħquda flimkien.
L-ispettaklu fil-Hilton se jkun il-bidu tal-Journey Foundation li Casingena qed twaqqaf bil-ħsieb li tiffoka fuq l-individwu u tikkultiva u xxettel fil-pubbliku apprezzament lejn l-arti u l-valuri umani.
Journey se jitnieda f’Diċembru bħala l-ewwel minn sensiela ta’ spettakli, kif ukoll avvenimenti oħra, l-aktar għall-karità, biex minbarra li jressaq aktar l-għarfien artistiku għall-pubbliku jagħti r-rikonoxximent mistħoqq lill-artisti tat-talenti tagħhom u l-opportunità li joħolqu u jgħaqqdu flimkien l-arti tagħhom.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075