Aħbarijiet | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50 Kannoli bil-kremaSe jkun hemm iktar minn 15,000 votant ġdid fl-elezzjoni li jmiss u x’se jagħmlu bil-vot tagħhom jista’ jħoll u jorbot fejn imur ir-riżultat. KURT SANSONE jipprova jifhem il-ġenerazzjoni li se tivvota għall-ewwel darba. Il-frażi ‘kannol bla krema’ tintuża biex tiddeskrivi lil min m’għalaqx 18-il sena u allura minkejja l-interess li jista’ jkollha fil-politika u f’dak li qed jiġri madwarha m’għandix id-dritt tivvota. X’jiftakru Sħubija fl-UE – Il-votanti ġodda għexu l-mument storiku li fih pajjiżna sar membru tal-klabb Ewropew u għalhekk l-isħubija hi parti minn ħajjithom. Huma l-iktar ġenerazzjoni komda bl-Ewropa. Gvern Nazzjonalista – Din il-ġenerazzjoni tiftakar biss amministrazzjoni Nazzjonalista u l-iktar perjodu frisk f’moħħom hu mill-2003 sal-lum fejn bil-mod il-mod huma bdew deħlin fid-dinja tax-xogħol jew f’piżijiet finanzjarji għall-edukazzjoni tagħhom jew biex jixtru karozza. Dan il-perjodu hu wkoll wieħed mill-agħar għall-PN bit-taxxi li tgħabbew fuq il-poplu u l-għoli tal-ħajja li nixxef il-bwiet tan-nies. Il-bidu ta’ Gonzi – Il-ħatra ta’ Lawrence Gonzi bħala mexxej tal-PN u Prim Ministru għada friska f’moħħ dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba. Għalihom Gonzi hu mexxej ġdid, ħafna iktar mill-avversarju politiku dirett tiegħu. Terroriżmu – Din hi l-ġenerazzjoni li f’żogħżita għexet l-ispirtu tal-biża’ li tnissel mill-2001 lil hawn wara l-attakki terroristiċi spettakolari fuq it-Twin Towers fl-Amerka. Hi ġenerazzjoni ikkundizzjonata minn biża’ mill-Islam u iktar faċli taċċetta miżuri li joħonqu l-libertà individwali f’isem is-sigurtà. Eurovision – Mis-suċċessi ta’ Ira Losco (2002) u Chiara (2005), it-tnejn spiċċaw fit-tieni post, sad-diżastri ta’ Fabrizio Faniello (2006) li spiċċa l-aħħar b’punt wieħed u Olivia Lewis (2007) li lanqas biss għaddiet sal-final, din il-ġenerazzjoni tiftakar l-isbaħ u l-agħar mumenti tal-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision ta’ dan l-aħħar żmien. Norman Lowell – Minkejja n-nuqqas ta’ interess li jista’ jkollha fil-politika, din il-ġenerazzjoni taf min hu Norman Lowell u l-politika razzista li jħaddan anki minħabba l-fenomenu tat-tixrid tal-videos u d-diskorsi permezz ta’ l-internet. Għalihom Lowell jissimbolizza l-problema ta’ l-immigrazzjoni anki jekk hu wkoll suġġett komiku. Xarabank – Iż-żgħażagħ li se jivvutaw għall-ewwel darba jafu li nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija għandu żewġ tifsiriet: il-bidu ta’ tmiem il-ġimgħa u l-programm Xarabank li nissel ġeneru differenti ta’ diskussjoni fejn in-nies komuni tista’ tipparteċipa. Hu wkoll programm li t-trivjalizza lill-politiċi u flimkien ma’ l-influwenza li għandu r-reality TV il-politiċi donnhom saru personalitajiet. Bay Radio – Għal din il-ġenerazzjoni l-pluraliżmu fix-xandir bir-radju u t-televiżjoni minn dejjem kien stat ta’ fatt. Ma jiftakrux żminijiet oħra fejn l-uniċi stazzjonijiet kienu dawk ta’ l-Istat. Huma miġbuda iktar lejn dawk l-istazzjonijiet li jxandru ħafna mużika u ftit li xejn aħbarijiet jew programmi ta’ diskussjoni. MCAST – Din hi ġenerazzjoni li ngħatat l-opportunità li tkompli tistudja fuq livell terzjarju imma mhux bilfors billi tidħol fl-Università. B’għażla wiesa’ ta’ korsijiet li jvarjaw minn xogħol ta’ l-idejn għal xogħol li jinvolvi iktar taħbil il-moħħ, l-MCAST hu parti mill-vokabolarju tal-ġenerazzjoni li leħqet. Michael Mifsud – Dan il-plejer Slimiż li llum jilgħab ma’ Coventry fl-Ingilterra jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida u hu l-idolu ta’ dawk li jsegwu l-futbol. X’ma jiftakrux Gvern ta’ Sant – Il-votanti l-ġodda qajla jiftakru t-22 xahar imqalba ta’ Gvern Laburista. Kellhom bejn disgħa snin u 13 meta finalment waqa’ l-Gvern Laburista u ssejħet l-elezzjoni, qajla età li fiha jkollhom ħajra jsegwu l-politika. Il-bidu ta’ Sant – Meta d-delegati Laburisti kienu qed jaħtru lill-Alfred Sant bħala mexxej tal-partit fl-1992, dawk li llum se jivvutaw għall-ewwel darba kellhom bejn tliet snin u sebgħa. Ma jiftakrux il-ħatra tiegħu u x-xogħol li għamel biex inaddaf l-MLP mill-elementi vjolenti. Għalihom Sant ilu ħafna fit-tmun tal-partit. Vjolenza tat-Tmeninijiet – Din ġenerazzjoni li kienet għada qed titwieled meta partitarji Nazzjonalisti ssawtu f’Tal-Barrani jew meta nqatel Raymond Caruana fil-Gudja. Il-vjolenza u l-instabbiltà tat-Tmeninijiet ma jafux x’inhi. Deserta, Catch u Mini Mint – Għal din il-ġenerazzjoni dawn l-ismijiet ma jfissru assolutament xejn għax jiftakru biss suq diġà liberalizzat fejn il-prodotti reklamati fuq stazzjonijiet tat-televixin barranin issibhom fuq l-ixkaffi tas-supermarket. Twelid tal-AD – It-twelid tat-tielet partit politiku f’Malta fl-1989 ġie fl-istess żmien li kienet qed titwieled il-ġenerazzjoni li se tixħet l-ewwel vot tagħha din id-darba. Għalihom l-Alternattiva hi parti integrali mill-mappa politika Maltija u għalhekk meqjusa bħala partit politiku bħall-oħrajn, bl-ambizzjonijiet, l-ideat u d-difetti ta’ ħaddieħor. Ġlieda ta’ l-iskejjel – Il-ġlieda bejn il-Gvern Laburista tat-Tmeninijiet u l-iskejjel tal-Knisja, li ħalliet togħma qarsa għal ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal, ġiet qabel ma twieldu dawk li llum se jixħtu l-vot tagħhom għall-ewwel darba. Għal din il-ġenerazzjoni ġdida l-iskejjel tal-Knisja huma parti integrali mis-sistema edukattiva f’dan il-pajjiż. Carmel Busuttil – Wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol li rat Malta u li anki għamel suċċess ma’ timijiet barranin mhux fuq fomm il-ġenerazzjoni l-ġdida li qajla tiftakru jixgħel l-istadium f’Ta’ Qali bil-logħob stupend tiegħu. Dinja mingħajr mobile: Din il-ġenerazzjoni twieldet f’dinja fejn kważi kulħadd għandu telefon tal-but u d-distanza fiżika mhix problema għall-komunikazzjoni. Bl-internet jitfaċċa f’Malta fl-1995 ma jistgħux jimmaġinaw dinja magħġuna mod ieħor. Iż-żmien fejn l-unika linja tat-telefon kienet dik fissa u fejn stajt taħrab minn nies għax ma kellhomx fejn jaqbduk hu aljen għal din il-ġenerazzjoni. |
FEATURES Iddawnlowdja l-features f'PDF
|
|